LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 6/1 pp. 21-25
  • Ġeħova ‘Sa mill-Bidu Jgħarraf it-Tmiem’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova ‘Sa mill-Bidu Jgħarraf it-Tmiem’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġeħova​—Alla taʼ Profezija
  • Il-​‘Kelma’ taʼ Ġeħova “Jkollha Suċċess Żgur”
  • “L-​Iskop Etern” t’Alla
  • Dak li Ġeħova Jiddetermina minn Qabel
  • Dak li Ġeħova Jaf minn Qabel
  • L-​iskop taʼ Ġeħova se jitwettaq!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Kien Jaf Alla li Adam u Eva Kienu Se Jidinbu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Il-mewt, l-aħħar għadu, tinġieb fix-xejn
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Ġesù Jsalvana—Kif?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 6/1 pp. 21-25

Ġeħova ‘Sa mill-​Bidu Jgħarraf it-​Tmiem’

“Sa mill-​bidu ngħarraf it-​tmiem, u sa minn qabel dak li ma seħħx.” ​—ISAIJA 46:10.

1, 2. X’hemm taʼ l-​għaġeb dwar il-​ġrajjiet assoċjati mal-​waqgħa taʼ Babilonja, u dan il-​fatt x’juri dwar Ġeħova?

FIS-​SATRA tal-​lejl, suldati taʼ l-​għadu javanzaw bil-​moħbi tul qiegħ ix-​Xmara Ewfrat lejn l-​objettiv tagħhom, il-​belt setgħana taʼ Babilonja. Hekk kif jersqu viċin bieb il-​belt jaraw dehra sorprendenti. Iż-​żewġ bibien enormi fis-​swar taʼ Babilonja tħallew miftuħin! Joħorġu mix-​xmara u jidħlu fil-​belt. Il-​belt malajr taqaʼ f’idejn l-​għadu. Ċiru, il-​mexxej tagħhom, malajr jieħu taħt idejh l-​art konkwistata, u iktar tard joħroġ digriet li jeħles l-​Iżraelin li huma lsiera. Eluf t’eżiljati jirritornaw lejn darhom biex jirrestawraw il-​qima taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm.​—2 Kronaki 36:​22, 23; Esdra 1:​1-4.

2 Dawn il-​ġrajjiet li seħħew fis-​snin 539-​537 Q.E.K. issa huma verifikati sew mill-​istorjografi. Xi ħaġa taʼ l-​għaġeb hi li l-​ġrajjiet kienu magħrufa xi 200 sena qabel ma seħħew. Ġeħova ispira lill-​profeta tiegħu Isaija biex jiddeskrivi l-​waqgħa taʼ Babilonja daqshekk bil-​quddiem. (Isaija 44:24–​45:7) Alla rrivela mhux biss iċ-​ċirkustanzi assoċjati mal-​waqgħa taʼ Babilonja, imma wkoll l-​isem tal-​mexxej li kellu jagħmel dan.a Billi indirizza lill-​Iżraelin, li kienu x-​xhieda tiegħu f’dak iż-​żmien, Ġeħova qal: “Ftakru fl-​ibgħad żminijiet, għax jien hu Alla, u ħadd ħliefi m’hemm. Jien Alla u m’hemm ħadd bħali! Sa mill-​bidu ngħarraf it-​tmiem, u sa minn qabel dak li ma seħħx.” (Isaija 46:​9, 10a) Ġeħova tassew huwa Alla li jekk irid jistaʼ jkun jaf minn qabel dak li se jseħħ.

3. It-​tweġibiet għal liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 Alla kemm jaf dwar il-​futur? Jaf Ġeħova bil-​quddiem dak li kull wieħed u waħda minna se nagħmlu? Tabilħaqq, huwa l-​futur tagħna predestinat? Se nikkunsidraw it-​tweġibiet Bibliċi għal dawn il-​mistoqsijiet u oħrajn konnessi magħhom f’dan l-​artiklu u fl-​artiklu taʼ warajh.

Ġeħova​—Alla taʼ Profezija

4. Min hu s-​Sors tal-​profeziji mniżżlin fil-​Bibbja?

4 Minħabba li huwa kapaċi jkun jaf x’se jsir fil-​futur, Ġeħova ispira lill-​qaddejja tiegħu fi żminijiet Bibliċi biex iniżżlu bil-​miktub ħafna profeziji li jippermettulna nkunu nafu bil-​quddiem x’inhu l-​iskop taʼ Ġeħova. Ġeħova ddikjara: “Il-​ġrajjiet li tħabbru qabel, ara, veru seħħu. U jiena nħabbar ħwejjeġ ġodda, u nsemmagħhomlkom qabel ma jinbtu.” (Isaija 42:9) Kemm hu privileġġat il-​poplu t’Alla!

5. X’responsabbiltà jġib miegħu l-​għarfien bil-​quddiem taʼ dak li se jagħmel Ġeħova?

5 Il-​profeta Għamos jassigurana: “Ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-​Mulej, jekk ma jurix il-​ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-​qaddejja tiegħu l-​profeti.” Dan l-​għarfien bil-​quddiem iġib miegħu responsabbiltà. Innota t-​tixbiha qawwija li Għamos imbagħad uża: “L-​iljun jgħajjat: min ma jibżax?” Bħalma l-​għajta taʼ ljun tqanqal reazzjoni immedjata kemm mill-​bnedmin kif ukoll mill-​annimali li jkunu fil-​viċin, hekk ukoll profeti bħal Għamos mill-​ewwel stqarrew id-​dikjarazzjonijiet taʼ Ġeħova. “Sidi l-​Mulej jitkellem: min ma jħabbarx?”​—Għamos 3:​7, 8.

Il-​‘Kelma’ taʼ Ġeħova “Jkollha Suċċess Żgur”

6. “Il-​ħsieb” taʼ Ġeħova b’liema mod irnexxa b’konnessjoni mal-​waqgħa taʼ Babilonja?

6 Permezz tal-​profeta tiegħu Isaija, Ġeħova qal: “Il-​ħsieb tiegħi għad iseħħ, u nagħmel kull ma rrid.” (Isaija 46:10b) “Il-​ħsieb” t’Alla, jiġifieri, ir-​rieda jew l-​iskop tiegħu b’konnessjoni maʼ Babilonja, involva li jsejjaħ lil Ċiru mill-​Persja biex jikkonkwista lil Babilonja u jwaqqagħha mill-​pożizzjoni tagħha. Ġeħova ddikjara dan l-​iskop minn ħafna qabel. Bħalma diġà semmejna, dan seħħ bl-​eżatt fis-​sena 539 Q.E.K.

7. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li l-​‘kelma’ taʼ Ġeħova dejjem ikollha suċċess?

7 Kważi erbaʼ sekli qabel ma Ċiru kkonkwista lil Babilonja, is-​Sultan Ġosafat taʼ Ġuda ffaċċja lil Għammon u Mowab, għedewwa li ngħaqdu kontrih. Hu b’fiduċja talab: “Mulej, Alla taʼ missirijietna, m’hux int Alla fis-​sema? M’hux int taħkem fuq is-​saltniet kollha tal-​ġnus? F’idejk il-​qawwa u s-​setgħa, u ħadd ma jistaʼ jiqaflek.” (2 Kronaki 20:6) Isaija wera fiduċja simili meta qal: “Il-​Mulej taʼ l-​eżerċti ddeċieda, u min se jfixklu? U idu merfugħa min se jniżżilha?” (Isaija 14:27) Iktar tard, meta reġaʼ ġie f’sensih wara perijodu taʼ ġenn, is-​Sultan Nebukadnessar taʼ Babilonja bl-​umiltà għaraf: “Ħadd ma hemm li se jżommlu idu [lil Alla] u jgħidlu, ‘X’qiegħed tagħmel?’” (Danjel 4:32 [4:​35, NW]) Iva, Ġeħova jassigura lill-​poplu tiegħu: “Kelmti . . . ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u [“se jkollha suċċess żgur f’dak,” NW] li nkun bgħattha tagħmel.” (Isaija 55:11) Nistgħu nkunu fiduċjużi li l-​‘kelma’ taʼ Ġeħova dejjem isseħħ. L-​iskop t’Alla ma jistax ifalli.

“L-​Iskop Etern” t’Alla

8. X’inhu “l-​iskop etern” t’Alla?

8 Fl-​ittra tiegħu lill-​Kristjani t’Efesu, l-​appostlu Pawlu qal li Alla għandu “skop etern.” (Efesin 3:​11) Dan m’huwiex biss pjan t’azzjoni, qisu Alla kellu bżonn jippjana kif se jwettaq xi ħaġa. Minflok, dan l-​iskop etern jirreferi għad-​determinazzjoni taʼ Ġeħova biex iwettaq dak li ried oriġinalment għall-​umanità u l-​art. (Ġenesi 1:​28) Sabiex jgħinna nifhmu kemm l-​iskop tiegħu mhux se jfalli, ikkunsidra l-​ewwel profezija mniżżla fil-​Bibbja.

9. Ġenesi 3:15 kif għandu x’jaqsam maʼ l-​iskop t’Alla?

9 Il-​wegħda f’Ġenesi 3:15 tindika li eżatt wara li Adam u Eva dinbu, Ġeħova ddetermina li l-​mara simbolika tiegħu kienet se tipproduċi nisel, jew iben. Ġeħova ra wkoll bil-​quddiem ir-​riżultat tal-​mibegħda bejn martu u Satana u bejn l-​insla tagħhom li jopponu lil xulxin. Għalkemm Ġeħova kien se jħalli li n-​Nisel tal-​mara t’Alla jsofri tbenġila fl-​għarqub, fiż-​żmien imwaqqat t’Alla, in-​Nisel kien se jbenġel lis-​serp, jew Satana x-​Xitan, f’rasu. Sadanittant, l-​iskop taʼ Ġeħova b’konsistenza avanza fil-​linja ġenealoġika magħżula sakemm deher Ġesù bħala l-​Messija mwiegħed.​—Luqa 3:​15, 23-​38; Galatin 4:4.

Dak li Ġeħova Jiddetermina minn Qabel

10. Iddetermina minn qabel Ġeħova li Adam u Eva kienu se jidinbu? Spjega.

10 Rigward l-​irwol li Ġesù kellu fl-​iskop t’Alla, l-​appostlu Pietru kiteb: “Hu [Ġesù] kien magħruf minn qabel, qabel it-​tisjis tad-​dinja, imma ntwera fi tmiem iż-​żminijiet minħabba fikom.” (1 Pietru 1:​20) Iddetermina minn qabel Ġeħova li Adam u Eva kienu se jidinbu u li kien se jkun hemm bżonn is-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù Kristu? Le. Il-​kelma “tisjis” hija traduzzjoni tat-​terminu Grieg li letteralment ifisser “tixrid taż-​żerriegħa.” Kien hemm “tixrid taż-​żerriegħa,” jew nisel uman, qabel ma dinbu Adam u Eva? Le. Kien wara l-​att taʼ diżubbidjenza tagħhom li Adam u Eva kellhom it-​tfal. (Ġenesi 4:1) Għalhekk, wara r-​ribelljoni, imma qabel ma Adam u Eva kellhom nisel, Ġeħova ddetermina minn qabel li kien se jidher in-​“nisel.” Il-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù pprovdew l-​arranġament kollu mħabba tal-​fidwa, li biha d-​dnub li writna u l-​isforzi kollha taʼ Satana se jinġiebu fix-​xejn.​—Mattew 20:28; Ebrej 2:​14; 1 Ġwanni 3:8.

11. Ġeħova liema żvilupp iddetermina minn qabel għat-​twettiq taʼ l-​iskop tiegħu?

11 Alla ddetermina minn qabel żvilupp ieħor għat-​twettiq taʼ l-​iskop tiegħu. Dan jidher f’dak li Pawlu kiteb lill-​Efesin, jiġifieri, li Alla se “jerġaʼ jiġbor kollox flimkien fil-​Kristu, kulma hemm fis-​smewwiet u kulma hemm fuq l-​art.” Imbagħad, b’referenza għal “kulma hemm fis-​smewwiet,” jiġifieri, dawk li huma magħżulin bħala werrieta maʼ Kristu, Pawlu spjega: “Ġejna determinati minn qabel skond l-​iskop taʼ dak li jmexxi kollox kif tiddeċiedi r-​rieda tiegħu.” (Efesin 1:​10, 11) Iva, Ġeħova ddetermina minn qabel li numru limitat taʼ bnedmin kienu se jagħmlu parti sekondarja min-​nisel tal-​mara t’Alla u jieħdu sehem maʼ Kristu f’li jaqsmu l-​benefiċċji tal-​fidwa. (Rumani 8:​28-​30) L-​appostlu Pietru jirreferi għal dawn bħala “ġens qaddis.” (1 Pietru 2:9) L-​appostlu Ġwanni kellu l-​privileġġ li permezz taʼ viżjoni jsir jaf l-​għadd taʼ dawk li kienu se jsiru werrieta bi sħab maʼ Kristu​—144,000. (Rivelazzjoni 7:​4-8; 14:​1, 3) Magħqudin maʼ Kristu bħala Sultan, huma jaqdu “għat-​tifħir tal-​glorja” t’Alla.​—Efesin 1:​12-​14.

12. Kif nafu li l-​144,000 m’humiex individwi predestinati?

12 Id-​determinazzjoni minn qabel tal-​144,000 ma tfissirx li ċerti individwi kienu predestinati biex jaqdu lil Alla lealment b’dan il-​mod. Tabilħaqq, it-​twissija fl-​Iskrittura Griega Kristjana nkitbet primarjament biex tiggwida u ssaħħaħ lill-​uħud midlukin biex iżommu l-​integrità u jżommu lilhom infushom denji tas-​sejħa tagħhom għas-​sema. (Filippin 2:​12; 2 Tessalonikin 1:​5, 11; 2 Pietru 1:​10, 11) Ġeħova jaf bil-​quddiem li 144,000 individwu se jikkwalifikaw biex jaqdu l-​iskop tiegħu. Min se jkunu dawn l-​individwi jiddependi minn kif jagħżlu li jgħixu ħajjithom dawk li jiġu mistidnin, deċiżjoni li kull wieħed u waħda minnhom irid jieħu personalment.​—Mattew 24:13.

Dak li Ġeħova Jaf minn Qabel

13, 14. Il-​mod kif Ġeħova juża dak li jaf minn qabel maʼ xiex huwa fi qbil, u għala?

13 Ladarba Ġeħova hu Alla taʼ profezija u skop, kif juża dak li jaf minn qabel? L-​ewwelnett, aħna fiduċjużi li l-​modi kollha t’Alla huma verità, sewwa, u kollhom imħabba. Meta kiteb lill-​Kristjani Ebrej taʼ l-​ewwel seklu E.K., l-​appostlu Pawlu kkonferma li l-​ħalfa u l-​wegħda t’Alla jagħmlu “żewġ affarijiet li ma jinbidlux u li hu impossibbli li Alla jigdeb dwarhom.” (Ebrej 6:​17, 18) Fl-​ittra tiegħu lid-​dixxiplu Titu, Pawlu esprima wkoll dan il-​ħsieb meta kiteb li Alla “ma jistax jigdeb.”​—Titu 1:2.

14 Iżjed minn hekk, għalkemm Ġeħova għandu qawwa bla limitu, qatt ma jaġixxi b’mod inġust. Mosè ddeskriva lil Ġeħova bħala “Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.” (Dewteronomju 32:4) Dak kollu li Ġeħova jagħmel hu fi qbil mal-​personalità taʼ l-​għaġeb li għandu. L-​azzjonijiet tiegħu jridu jaqblu perfettament mal-​kwalitajiet kardinali tiegħu taʼ l-​imħabba, l-​għerf, il-​ġustizzja, u l-​qawwa.

15, 16. Liema prospetti poġġa Ġeħova quddiem Adam fil-​ġnien taʼ l-​Għeden?

15 Ikkunsidra kif dan kollu għandu x’jaqsam mal-​ġrajjiet fil-​ġnien taʼ l-​Għeden. Bħala Missier kollu mħabba, Ġeħova pprovda dak kollu li l-​ħlejjaq bnedmin kellhom bżonn. Hu ta lil Adam l-​abbiltà li jaħseb, li jirraġuna b’mod loġiku, u li jasal għal konklużjoni. Għall-​kuntrarju tal-​ħolqien taʼ l-​annimali, li l-​biċċa l-​kbira minnhom huma gwidati mill-​istint, Adam kellu l-​abbiltà li jagħmel għażliet. Ir-​riżultat taʼ dan kien li Alla ħares ’l isfel mit-​tron tiegħu fis-​sema u ra “kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.”​—Ġenesi 1:26-​31; 2 Pietru 2:​12.

16 Meta Ġeħova għażel li jikkmanda lil Adam biex ma jikolx mis-​“siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin,” Hu pprovda biżżejjed istruzzjoni sabiex Adam ikun jistaʼ jiddeċiedi x’għandu jagħmel. Hu ħalla lil Adam jiekol mis-​“siġar kollha tal-​ġnien” ħlief minn waħda u wissieh dwar ir-​riżultati fatali li kien se jġarrab jekk jiekol mill-​frott tas-​siġra projbita. (Ġenesi 2:​16, 17) Hu spjega lil Adam dwar il-​konsegwenzi taʼ l-​azzjonijiet tiegħu. Adam x’kien se jagħmel?

17. Għala nistgħu ngħidu li Ġeħova hu selettiv f’dak li jagħżel li jkun jaf minn qabel?

17 Ġeħova mid-​dehra għażel li ma jarax bil-​quddiem dak li Adam​—u Eva​—kienu se jagħmlu, avolja Hu għandu l-​abbiltà jkun jaf kollox minn qabel. Għalhekk il-​kwistjoni hija, mhux jekk Ġeħova jistax jara l-​futur minn qabel, imma jekk jagħżilx li jagħmel dan. Iżjed minn hekk, aħna nistgħu nirraġunaw li Ġeħova, bħala Alla taʼ mħabba, ma kienx se jiddetermina minn qabel apposta u b’kattiverija li dik ir-​ribelljoni​—bil-​konsegwenzi koroh kollha tagħha​—kellha sseħħ. (Mattew 7:​11; 1 Ġwanni 4:8) B’hekk, Ġeħova hu selettiv f’dak li jagħżel li jkun jaf minn qabel.

18. Il-​fatt li Ġeħova hu selettiv f’dak li jagħżel li jkun jaf minn qabel għala ma jfissirx li għandu xi imperfezzjoni?

18 Il-​fatt li Ġeħova hu selettiv f’dak li jagħżel li jkun jaf minn qabel ifisser li għandu xi imperfezzjoni? Le. Mosè ddeskriva lil Ġeħova bħala “l-​Blata,” u żied: “Perfett għemilu.” Ma kellux ħtija għall-​konsegwenzi tad-​dnub uman. L-​effetti diżastrużi li lkoll inħossu llum jiġu minn dak l-​att taʼ diżubbidjenza inġusta. L-​appostlu Pawlu b’mod ċar irraġuna li “permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.”​—Dewteronomju 32:​4, 5; Rumani 5:12; Ġeremija 10:23.

19. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

19 S’issa fid-​diskussjoni tagħna, rajna li m’hemmx inġustizzja min-​naħa taʼ Ġeħova. (Salm 33:5) Minflok, l-​abbiltajiet, il-​kwalitajiet morali, u l-​livelli taʼ Ġeħova jappoġġaw l-​iskop tiegħu. (Rumani 8:​28) Bħala l-​Alla tal-​profezija, Ġeħova ‘sa mill-​bidu jgħarraf it-​tmiem, u sa minn qabel dak li ma seħħx.’ (Isaija 46:​9, 10) Rajna wkoll il-​fatt li hu selettiv f’dak li jagħżel li jkun jaf minn qabel. Allura, aħna fejn nidħlu f’dan? Kif nistgħu nkunu ċerti li d-​deċiżjonijiet tagħna jaqblu maʼ l-​iskop kollu mħabba t’Alla? U liema barkiet se jiġu jekk nagħmlu dan? L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra dawn il-​mistoqsijiet.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​browxer Ktieb għan-​Nies Kollha, paġna 28, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Tistaʼ Tispjega?

• Liema eżempji tal-​qedem jagħtu xiehda li l-​‘kelma’ t’Alla dejjem ‘ikollha suċċess’?

• Ġeħova xi ddetermina minn qabel b’konnessjoni maʼ l-​“iskop etern” tiegħu?

• Ġeħova b’liema mod juża dak li jaf minn qabel?

[Stampa f’paġna 22]

Ġosafat kellu fiduċja f’Ġeħova

[Stampa f’paġna 23]

Alla bassar il-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù

[Stampa f’paġna 24]

Iddetermina minn qabel Ġeħova dak li kienu se jagħmlu Adam u Eva?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja