Ġesù Jsalvana—Kif?
“Ġesù jsalvana!” “Ġesù hu s-Salvatur tagħna!” F’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, messaġġi bħal dawn jidhru fuq il-ħitan taʼ xi bini u f’postijiet pubbliċi oħrajn. Miljuni jemmnu sinċerament li Ġesù hu s-Salvatur tagħhom. Kieku kellek issaqsihom, “Ġesù kif isalvana?” x’aktarx li se jwiġbuk, “Ġesù miet għalina” jew, “Ġesù miet għal dnubietna.” Iva, permezz tal-mewt taʼ Ġesù nistgħu niġu salvati. Imma kif jistaʼ jkun li l-mewt taʼ bniedem wieħed tħallas għad-dnubiet taʼ ħafna? Kieku kellhom jistaqsuk, “Il-mewt taʼ Ġesù kif tistaʼ ssalvana?” kif kont twieġeb?
IT-TWEĠIBA li tagħti l-Bibbja għal din il-mistoqsija hija sempliċi ferm imma ċara u mimlija sinifikat. Iżda biex nifhmu l-importanza tagħha l-ewwel irridu naraw il-ħajja u l-mewt taʼ Ġesù bħala soluzzjoni għal problema diffiċli ferm. Huwa biss billi nagħmlu hekk li se nkunu nistgħu nifhmu l-valur enormi tal-mewt taʼ Ġesù.
Billi Ġesù ta ħajtu, Alla kien qed jittratta s-sitwazzjoni li qamet meta dineb Adam. Xi traġedja kien dan id-dnub! L-ewwel bniedem u martu, Eva, kienu perfetti. Darhom kienet il-ġnien sabiħ taʼ Għeden. Alla tahom ix-xogħol siewi li jieħdu ħsieb darhom. Kellhom ukoll jieħdu ħsieb b’imħabba l-ħlejjaq ħajjin l-oħrajn fuq l-art. U hekk kif il-bnedmin jibdew jimmoltiplikaw u jimlew l-art b’miljuni tat-tip tagħhom, kellhom jespandu l-ġenna taʼ l-art mad-dinja kollha. (Ġenesi 1:28) X’xogħol meraviljuż u eċċitanti ngħataw! Iktar minn hekk, kellhom il-kumpanija u l-imħabba taʼ xulxin. (Ġenesi 2:18) Ma kien jonqoshom xejn. Quddiemhom kellhom ħajja hienja għall-eternità.
Huwa diffiċli timmaġina kif setgħu jidinbu Adam u Eva. Imma l-ewwel tnejn min-nies irribellaw kontra l-istess wieħed li ħalaqhom—Alla Jehovah. Permezz taʼ serpent, Satana x-Xitan, il-ħliqa spirtu, qarraq b’Eva biex din ma tobdix lil Jehovah, u Adam għamel bħalha.—Ġenesi 3:1-6.
Ma kien hemm ebda dubju dwar x’kien se jagħmel il-Ħallieq b’Adam u Eva. Hu kien diġà spjegalhom x’kienu l-konsegwenzi tad-diżubbidjenza, meta qal: “Mis-siġar kollha tal-ġnien tistaʼ tiekol, imma mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Issa kien hemm mistoqsija taʼ importanza ferm akbar li kienet teħtieġ tweġiba.
L-Umanità Tiffaċċja Problema Diffiċli
Id-dnub oriġinali ħolqilha problema serja ferm lill-umanità. Meta beda jgħix, Adam kien bniedem perfett. Għalhekk, uliedu setgħu gawdew ħajja perfetta għal dejjem. Madankollu, Adam dineb qabel ma kellu t-tfal. Ir-razza umana kollha kemm hi kienet għadha f’ġenbejh meta rċieva s-sentenza: “Bl-għaraq taʼ ġbinek tiekol ħobżok, sakemm terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha int meħud. Għax trab int, u fit-trab terġaʼ tmur.” (Ġenesi 3:19) Għalhekk, meta Adam dineb u beda jmut bħalma kien qallu Alla, l-umanità kollha kienet sentenzjata għall-mewt flimkien miegħu.
B’mod xieraq, l-appostlu Pawlu iktar tard kiteb: “Kien permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Iva, minħabba d-dnub oriġinali, it-tfal, li suppost kellhom jitwieldu perfetti b’ħajja bla tmiem quddiemhom, twieldu bil-prospett li jimirdu, jixjieħu, u jmutu.
“Dan m’huwiex ġust,” jistaʼ jkun hemm min jgħid. “Aħna m’għażilniex li ma nobdux lil Alla, bħalma għamel Adam. Għala għandna nitilfu l-prospett li ngħixu għal dejjem u nkunu henjin?” Li kieku xi qorti tal-liġi kellha tixħet lil iben fil-ħabs minħabba li missieru jkun seraq karozza, aħna nafu li l-iben ikollu d-dritt jilmenta: “Dan m’huwiex ġust! Jien m’għamilt xejn ħażin.”—Dewteronomju 24:16.
Billi waqqaʼ lill-ewwel raġel u mara fid-dnub, Satana setaʼ kkonkluda li kien se jdaħħal lil Alla f’dilemma. Ix-Xitan attakka kmieni ferm fl-istorja tar-razza umana—meta kienu għadhom ma twildux tfal. Malli dineb Adam, qamet din il-mistoqsija importanti, X’se jagħmel Jehovah bit-tfal li se jkollhom Adam u Eva?
Alla Jehovah għamel dak li kien ġust u sewwa. “Ma jistax ikun li Alla jagħmel id-deni, li Xaddaj jagħmel dak li hu ħażin [“jaġixxi b’mod inġust,” NW],” iddikjara r-raġel twajjeb Eliħu. (Ġob 34:10) U dwar Jehovah, il-profeta Mosè kiteb: “Għax hu l-Blata tagħna; perfett għemilu; u lkoll ġusti t-triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.” (Dewteronomju 32:4) Is-soluzzjoni provduta minn dak Alla veru għall-problema maħluqa mid-dnub taʼ Adam ma ttellifniex l-opportunità li ngħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna.
Alla Jipprovdi Soluzzjoni Perfetta
Ikkunsidra s-soluzzjoni li pprovda Alla fis-sentenza li ppronunzja fuq Satana x-Xitan. Jehovah qal lil Satana: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara [l-organizzazzjoni t’Alla fis-sema], bejn nislek [id-dinja kontrollata minn Satana] u nisilha [Ġesù Kristu], u hu jisħaqlek rasek u int [Satana] tisħaqlu għarqubu [il-mewt taʼ Ġesù].” (Ġenesi 3:15) F’din l-ewwel profezija tal-Bibbja, Jehovah irrefera għall-iskop tiegħu li jibgħat lill-Iben spirtu tiegħu mis-sema biex jiġi fuq l-art ħalli jgħix bħala l-bniedem perfett Ġesù u mbagħad imut—jinsaħaq fl-għarqub—f’dan l-istat bla dnub.
Alla għala kien jeħtieġ il-mewt taʼ bniedem perfett? Sewwa, x’kien il-kastig t’Alla Jehovah għal Adam jekk jidneb? Mhux il-mewt? (Ġenesi 2:16, 17) “Il-ħlas tad-dnub hu l-mewt,” kiteb l-appostlu Pawlu. (Rumani 6:23) Adam ħallas għad-dnub tiegħu b’mewtu stess. Hu ngħata l-ħajja, għażel li jidneb, u miet bħala kastig talli dineb. (Ġenesi 3:19) Xi ngħidu għall-kundanna li ġiet fuq ir-razza umana kollha kemm hi minħabba dan id-dnub? Kienet meħtieġa mewt biex tpatti għad-dnubiet tagħhom. Imma l-mewt taʼ min setgħet tpatti b’mod ġust għan-nuqqasijiet tal-bnedmin kollha?
Il-Liġi li Alla ta lill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem kienet titlob “ħajja b’ħajja [jew, ruħ b’ruħ].” (Eżodu 21:23) Skond dan il-prinċipju legali, il-mewt li kienet se tpatti għan-nuqqasijiet taʼ l-umanità ried ikollha valur indaqs għal dak li kien tilef Adam. Kienet biss il-mewt taʼ bniedem perfett ieħor li setgħet tħallas għad-dnub. Ġesù kien bniedem bħal dan. Tabilħaqq, Ġesù kien “prezz tal-fidwa għal kulħadd” biex bih isalvaw il-bnedmin kollha li setgħu jinfdew u li huma ġejjin minn Adam.—1 Timotju 2:6; Rumani 5:16, 17, Saydon.
Il-Mewt taʼ Ġesù Għandha Valur Kbir
Il-mewt taʼ Adam ma kellha ebda valur. Hu kien jistħoqqlu li jmut għal dnubu. Madankollu, il-mewt taʼ Ġesù kellha valur kbir għax meta miet ma kellu ebda dnub. Alla Jehovah setaʼ jaċċetta l-valur tal-ħajja perfetta taʼ Ġesù bħala fidwa għad-dixxendenti ubbidjenti tal-midneb Adam. U l-valur tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù ma jiswiex biss biex iħallas għad-dnubiet li għamilna fl-imgħoddi. Kieku kien jiswa għalhekk biss, ma kien ikollna ebda futur. Peress li aħna mnisslin fid-dnub, żgur li se nerġgħu niżbaljaw. (Salm 51:7 [51:5, NW]) Kemm għandna għalfejn inkunu grati li l-mewt taʼ Ġesù tagħtina l-opportunità li niksbu l-perfezzjoni li Jehovah kellu f’moħħu fil-bidu għan-nisel taʼ Adam u Eva!
Adam jistaʼ jiġi mxebbah maʼ missier li miet u ħalliena f’dejn finanzjarju tant kbir (id-dnub) li assolutament m’huwiex possibbli għalina li neħilsu minnu. Mill-banda l-oħra, Ġesù hu bħal missier tajjeb li miet u ħallielna wirt għani li mhux biss jeħlisna mid-dejn enormi li għabbiena bih Adam imma wkoll jipprovdilna biżżejjed biex ngħixu għall-eternità. Il-mewt taʼ Ġesù mhux biss tikkanċella d-dnubiet li għamilna fl-imgħoddi iżda hija wkoll provvediment meraviljuż għall-futur tagħna.
Ġesù jsalvana għaliex hu miet għalina. U xi provvediment imprezzabbli hi l-mewt tiegħu! Meta narawha bħala parti mis-soluzzjoni t’Alla għall-problema komplessa tad-dnub taʼ Adam, il-fidi tagħna f’Jehovah u fil-mod kif hu jagħmel l-affarijiet tissaħħaħ. Iva, permezz tal-mewt taʼ Ġesù, “kull min jemmen fih” se jiġi salvat mid-dnub, mill-mard, mix-xjuħija, u mill-mewt infisha. (Ġwann 3:16) Troddlu ħajr int lil Alla talli għamel dan l-arranġament taʼ mħabba għas-salvazzjoni tagħna?
[Stampa f’paġna 5]
Adam ġab id-dnub u l-mewt fuq l-umanità
[Stampa f’paġna 6]
Jehovah ipprovda soluzzjoni perfetta