Xi Jfisser li Nħobbu lill-Proxxmu
“Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”—MATTEW 22:39.
1. Kif nuru li aħna nħobbu lil Alla?
ĠEĦOVA x’jirrikjedi minn dawk li jqimuh? Fi ftit kliem sempliċi u sinifikanti, Ġesù ġabar it-tweġiba fil-qosor. Hu qal li l-akbar kmandament hu li nħobbu lil Ġeħova b’qalbna, b’ruħna, b’moħħna, u b’saħħitna kollha. (Mattew 22:37; Marku 12:30) Kif rajna fl-artiklu taʼ qabel, l-imħabba għal Alla tinvolvi li nobduh u li nżommu mal-kmandamenti tiegħu bħala respons għall-imħabba li wera lejna. Għal dawk li jħobbu lil Alla, il-fatt li jagħmlu r-rieda tiegħu m’huwiex taʼ piż; għalihom dan hu pjaċevoli.—Salm 40:9 (40:8, NW); 1 Ġwanni 5:2, 3.
2, 3. Għala għandna nagħtu attenzjoni lill-kmandament biex inħobbu lill-proxxmu tagħna, u x’mistoqsijiet iqumu?
2 Ġesù qal li t-tieni l-akbar kmandament huwa marbut maʼ l-ewwel wieħed: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) Issa l-attenzjoni tagħna se ddur lejn dan il-kmandament, u bir-raġun. Iż-żminijiet li qed ngħixu fihom huma karatterizzati minn tip taʼ mħabba li hija egoistika u mgħawġa. Fid-deskrizzjoni ispirata tiegħu taʼ “l-aħħar jiem,” l-appostlu Pawlu kiteb li n-nies kellhom iħobbu, mhux lil xulxin, iżda lilhom infushom, il-flus, u l-pjaċiri. Ħafna wħud kellhom ikunu “mingħajr imħabba naturali,” jew kif tpoġġiha traduzzjoni waħda tal-Bibbja, huma kellhom ikunu “neqsin mill-affezzjoni normali lejn il-familji tagħhom.” (2 Timotju 3:1-4) Ġesù Kristu bassar: “Ħafna . . . jittradixxu lil xulxin u jobogħdu lil xulxin. . . . Tibred l-imħabba tal-biċċa l-kbira min-nies.”—Mattew 24:10, 12.
3 Madankollu, innota li Ġesù ma qalx li l-imħabba taʼ kulħadd se tibred. Minn dejjem kien hemm u dejjem se jkun hemm uħud li juru t-tip taʼ mħabba li Ġeħova jirrikjedi u jistħoqqlu. Dawk li verament iħobbu lil Ġeħova se jistinkaw biex iħarsu lejn l-oħrajn kif iħares lejhom hu. Iżda, min hu l-proxxmu tagħna li rridu nħobbu? Kif għandna nuru mħabba għall-proxxmu? L-Iskrittura tistaʼ tgħinna nwieġbu dawn il-mistoqsijiet importanti.
Min Hu l-Proxxmu Tiegħi?
4. Skond Levitiku kapitlu 19, il-Lhud lejn min kellhom juru mħabba?
4 Meta kien qed jgħid lill-Fariżew li t-tieni l-akbar kmandament kien li tħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek, Ġesù kien qed jirreferi għal liġi speċifika mogħtija lil Iżrael. Hija mniżżla f’Levitiku 19:18. F’dan l-istess kapitlu, il-Lhud intqalilhom li kellhom iqisu lil oħrajn, mhux biss lil sħabhom l-Iżraelin, bħala l-proxxmu tagħhom. Il-vers 34 jgħid: “Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed taʼ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-art taʼ l-Eġittu.” Għalhekk, anki dawk li ma kinux Lhud, speċjalment il-proseliti, kellhom jiġu trattati bi mħabba.
5. Il-Lhud x’fehma kellhom dwar l-imħabba għall-proxxmu?
5 Madankollu, il-mexxejja Lhud taʼ żmien Ġesù kellhom opinjoni differenti dwar il-kwistjoni. Xi wħud kienu jgħallmu li l-kliem “ħabib” u “proxxmu” kienu japplikaw biss għal-Lhud. Dawk li ma kinux Lhud kellhom jiġu mibgħudin. Għalliema bħal dawn irraġunaw li dawk li jaqdu lil Alla kellhom jiddisprezzaw lil dawk li ma jaqduhx. Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid li atmosfera bħal din kienet ideali biex il-mibegħda tiffjorixxi.
6. Liema żewġ punti ħareġ Ġesù meta tkellem dwar l-imħabba għall-proxxmu?
6 Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù ttratta din il-kwistjoni billi tkellem dwar dawk li għandhom jiġu trattati bi mħabba. Hu qal: “Smajtu li ntqal, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek u obgħod lill-għadu tiegħek.’ Madankollu, jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom; sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-smewwiet, għax hu jtellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mattew 5:43-45) Hawnhekk Ġesù ħareġ żewġ punti. L-ewwel, li Ġeħova huwa ġeneruż u ħanin kemm mat-tajbin kif ukoll mal-ħżiena. It-tieni, li aħna rridu nsegwu l-eżempju tiegħu.
7. X’tagħlima nieħdu mill-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb?
7 F’okkażjoni oħra, Lhudi mħarreġ sew fil-Liġi staqsa lil Ġesù: “Min tassew hu l-proxxmu tiegħi?” Ġesù wieġeb billi rrakkonta parabbola dwar Samaritan li ltaqaʼ maʼ raġel Lhudi li kien għadu kif ġie attakkat u misruq minn xi ħallelin. Għalkemm il-Lhud in ġenerali kienu jiddisprezzaw lis-Samaritani, is-Samaritan infaxxa l-feriti tar-raġel u ħadu ġo lukanda għas-sigurtà, fejn setaʼ jistejqer. X’inhi t-tagħlima? L-imħabba tagħna għall-proxxmu għandha tintwera wkoll lejn nies taʼ razza, nazzjonalità, jew reliġjon differenti minn tagħna.—Luqa 10:25, 29, 30, 33-37.
Xi Jfisser li Nħobbu lill-Proxxmu
8. X’jgħid Levitiku kapitlu 19 dwar kif kellha tintwera l-imħabba?
8 L-imħabba għall-proxxmu, bħall-imħabba għal Alla, m’hijiex sempliċi sentiment; din tinvolvi azzjoni. Huwa t’għajnuna li nkomplu nikkunsidraw il-kuntest tal-kmand imniżżel f’Levitiku 19 li jħeġġeġ lill-poplu t’Alla biex iħobbu lill-proxxmu tagħhom bħalhom infushom. Hawnhekk naqraw li l-Iżraelin kellhom iħallu lill-imsejknin u lill-barranin ikollhom sehem mill-ħsad. Ma kienx hemm lok għas-serq u l-qerq. Fi kwistjonijiet ġudizzjarji, l-Iżraelin ma kellhom juru ebda parzjalità. Għalkemm kellhom jagħtu xi twiddiba meta kien hemm bżonn, b’mod speċifiku ntqalilhom: “La tbejjitx lil ħuk f’qalbek.” Dawn il-kmandi u ħafna oħrajn kienu miġburin fil-kliem: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”—Levitiku 19:9-11, 15, 17, 18.
9. Ġeħova għala kkmanda lill-Iżraelin biex iżommu ruħhom separati minn ġnus oħrajn?
9 Għalkemm l-Iżraelin kellhom juru mħabba għal oħrajn, huma kellhom ukoll iżommu ruħhom separati minn dawk li kienu jqimu allat foloz. Ġeħova wissiehom bil-perikli u l-konsegwenzi taʼ sħubija ħażina. Per eżempju, rigward il-ġnus li l-Iżraelin kellhom ikeċċu, Ġeħova kkmandahom: “La titħattinx magħhom. Lil bintek tagħtihiex lil binhom, u anqas ma tieħu lil binthom għal ibnek. Għax dan ibiegħed lil ibnek minni biex iservi allat oħra, u jixgħel imbagħad il-Mulej bl-għadab kontra tagħkom u jeqridkom minnufih.”—Dewteronomju 7:3, 4.
10. Aħna kontra xiex irridu noqogħdu għassa?
10 B’mod simili, il-Kristjani jgħassu kontra li jifformaw relazzjonijiet maʼ dawk li għandhom mnejn idgħajfu l-fidi tagħhom. (1 Korintin 15:33) Aħna niġu mwissijin: “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux,” dawk li m’huma ebda parti mill-kongregazzjoni Kristjana. (2 Korintin 6:14) Iktar minn hekk, il-Kristjani jingħataw il-parir biex jiżżewġu “biss fil-Mulej.” (1 Korintin 7:39) Madankollu, qatt m’għandna nistmerru lil dawk li m’għandhomx l-istess twemmin tagħna f’Ġeħova. Kristu miet għall-midinbin, u ħafna wħud li xi darba kienu jipprattikaw affarijiet moqżieża biddlu l-modi tagħhom u reġgħu tħabbew m’Alla.—Rumani 5:8; 1 Korintin 6:9-11.
11. Liema hu l-aqwa mod kif nuru mħabba lejn dawk li ma jaqdux lil Ġeħova, u għala?
11 L-aqwa mod kif nuru mħabba lejn dawk li ma jridux jaqdu lil Alla hu billi nimitaw lil Ġeħova nnifsu. Għalkemm hu jobgħod il-ħażen, hu juri qalb tajba bl-imħabba lejn kulħadd billi jagħti l-opportunità lilhom ukoll biex iduru lura mill-modi ħżiena tagħhom u jirċievu l-ħajja taʼ dejjem. (Eżekjel 18:23) Ġeħova “jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) Hija r-rieda tiegħu li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Timotju 2:4) Ġesù għal din ir-raġuni inkariga lis-segwaċi tiegħu biex jippridkaw u jgħallmu u ‘jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.’ (Mattew 28:19, 20) Permezz tas-sehem tagħna f’dan ix-xogħol, aħna nuru mħabba kemm għal Alla kif ukoll għall-proxxmu, iva, inkluż saħansitra l-għedewwa tagħna!
Imħabba għal Ħutna l-Kristjani
12. X’kiteb l-appostlu Ġwanni dwar li nħobbu lil ħutna?
12 L-appostlu Pawlu kiteb: “Ħa nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-fidi.” (Galatin 6:10) Bħala Kristjani, aħna għandna l-obbligu li nuru mħabba lejn dawk li jiġu minna fil-fidi—ħutna spiritwali rġiel u nisa. Kemm hi importanti din l-imħabba? Biex jagħmel dan il-punt qawwi, l-appostlu Ġwanni kiteb: “Kulmin jobgħod lil ħuh hu qattiel . . . Jekk xi ħadd jgħid: “Inħobb lil Alla,” iżda jobgħod lil ħuh, hu giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh, li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx.” (1 Ġwanni 3:15; 4:20) Dan il-kliem hu qawwi. Ġesù Kristu applika l-kliem “qattiel” u “giddieb” għal Satana x-Xitan. (Ġwanni 8:44) Aħna qatt ma nixtiequ li dan il-kliem jiġi applikat għalina!
13. B’liema modi nistgħu nuru mħabba għal sħabna fit-twemmin?
13 Il-Kristjani veri huma ‘mgħallmin minn Alla biex iħobbu lil xulxin.’ (1 Tessalonikin 4:9) Aħna għandna nħobbu “la bil-kliem u lanqas bl-ilsien, imma bl-għemil u l-verità.” (1 Ġwanni 3:18) L-imħabba tagħna għandha tkun “mingħajr ipokrisija.” (Rumani 12:9) L-imħabba tqanqalna biex inkunu qalbna tajba, nuru mogħdrija, naħfru, ikollna s-sabar fit-tul u ma nkunux għajjurin, faħħarin, arroganti, jew egoisti. (1 Korintin 13:4, 5; Efesin 4:32) Din timmotivana biex ‘nitjassru għal xulxin.’ (Galatin 5:13) Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex iħobbu lil xulxin bħalma ħabbhom hu. (Ġwanni 13:34) Għaldaqstant, Kristjan għandu jkun lest li, jekk ikun hemm bżonn, saħansitra jmut għal sħabu fit-twemmin.
14. Kif nistgħu nuru l-imħabba fil-familja?
14 L-imħabba għandha tiġi murija b’mod speċjali fil-familja Kristjana u partikolarment bejn ir-raġel u l-mara. Ir-rabta taż-żwieġ tant hi intima li Pawlu qal: “L-irġiel b’dan il-mod għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess.” Hu żied jgħid: “Min iħobb ’il martu jkun iħobb lilu nnifsu.” (Efesin 5:28) Naraw li Pawlu jirripeti din it-twissija ħames versi wara. Raġel li jħobb lil martu mhux se jimita lill-Iżraelin taʼ żmien Malakija li kienu jqarrqu bl-imseħbin tagħhom. (Malakija 2:14) Hu se jgħożżha. Hu se jħobbha bħalma Kristu ħabb lill-kongregazzjoni. Bl-istess mod, l-imħabba se tqanqal lil mara biex tirrispetta lil żewġha.—Efesin 5:25, 29-33.
15. L-imħabba fl-azzjoni li wrew l-aħwa x’qanqlet lil xi wħud jgħidu u jagħmlu?
15 B’mod ċar, dan it-tip taʼ mħabba huwa l-marka li tidentifika lill-Kristjani veri. Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) L-imħabba tagħna għal xulxin tiġbed lin-nies lejn l-Alla li nħobbu u nirrappreżentaw. Rapport mill-Możambik dwar familja taʼ Xhieda huwa eżempju taʼ dan. “Qatt ma konna rajna xi ħaġa bħal din. Wara nofsinhar beda jonfoħ riħ qawwi, segwit minn xita qalila u silġ. Ir-riefnu qered id-dar tagħna tal-qasab, u tajjar is-saqaf magħmul minn pjanċi taż-żingu. Meta l-aħwa minn kongregazzjonijiet fil-viċin ġew biex jgħinuna nerġgħu nibnu d-dar tagħna, il-ġirien kollha mistagħġbin qalulna: ‘Ir-reliġjon tagħkom hija tajba ferm. Aħna qatt ma rċivejna għajnuna bħal din mill-knisja tagħna.’ Aħna ftaħna l-Bibbja u wrejniehom Ġwanni 13:34, 35. Ħafna mill-ġirien tagħna issa qed jistudjaw il-Bibbja.”
Imħabba għal Nies Individwali
16. X’inhi d-differenza bejn li tħobb grupp u li tħobb lil uħud individwali?
16 M’huwiex diffiċli li nħobbu lill-proxxmu tagħna b’mod kollettiv, bħala grupp. Madankollu, jistaʼ jagħti l-każ li l-imħabba għal uħud individwali tkun kwistjoni differenti. Per eżempju, l-imħabba li xi nies għandhom għall-proxxmu m’hijiex iktar minn sempliċi donazzjoni lil xi organizzazzjoni taʼ karità. Tabilħaqq, huwa ħafna iktar faċli li ngħidu li nħobbu lill-proxxmu tagħna milli nħobbu lil seħibna tax-xogħol li donnu ma jimpurtah xejn minna, lil xi persuna inkompatibbli li toqgħod bieb u għatba magħna, jew lil xi ħabib li jiddiżappuntana.
17, 18. Ġesù kif wera mħabba lejn uħud individwali, u b’liema motiv għamel dan?
17 F’din il-kwistjoni taʼ l-imħabba għal individwi, aħna nitgħallmu minn Ġesù, li rrifletta perfettament il-kwalitajiet t’Alla. Għalkemm hu ġie fuq l-art biex ineħħi d-dnub tad-dinja, hu wera mħabba għal uħud individwali—mara marida, wieħed li kellu l-ġdiem, u tifla. (Mattew 9:20-22; Marku 1:40-42; 7:26, 29, 30; Ġwanni 1:29) B’mod simili, aħna nuru mħabba għall-proxxmu bil-mod kif nittrattaw lill-individwi li niltaqgħu magħhom kuljum.
18 Madankollu, qatt m’għandna ninsew li l-imħabba għall-proxxmu hija marbuta maʼ l-imħabba għal Alla. Għalkemm Ġesù għen lill-foqra, fejjaq lill-morda, u temaʼ lill-imġewħin, il-motiv tiegħu biex jagħmel dawn l-affarijiet kollha kif ukoll biex jgħallem lill-folol kien li jgħin lin-nies jerġgħu jitħabbu maʼ Ġeħova. (2 Korintin 5:19) Ġesù għamel kollox għall-glorja t’Alla, u qatt ma nesa li hu rrappreżenta u rrifletta lil dak Alla li hu jħobb. (1 Korintin 10:31) Billi nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù, aħna wkoll nistgħu nuru mħabba ġenwina għall-proxxmu tagħna u fl-istess ħin ma nibqgħu ebda parti mid-dinja taʼ nies ħżiena.
B’Liema Mod Inħobbu lill-Proxxmu Bħalna Nfusna?
19, 20. Xi jfisser li nħobbu lill-proxxmu tagħna bħalna nfusna?
19 Ġesù qal: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” Huwa normali li nieħdu ħsieb tagħna nfusna u li jkollna ammont raġunevoli taʼ rispett lejn nfusna. Kieku ma kienx hekk, il-kmandament kien ikollu ftit li xejn sinifikat. Din l-imħabba xierqa lejna nfusna m’għandhiex tiġi mħawda maʼ l-imħabba egoistika li semma l-appostlu Pawlu fit-2 Timotju 3:2. Minflok, hija sens raġunevoli taʼ stima tiegħek innifsek. Wieħed studjuż tal-Bibbja ddeskrivieha bħala mħabba bilanċjata lejna nfusna li la naħsbu li aħna superjuri u lanqas ma naħsbu li aħna inferjuri.
20 Li nħobbu lil oħrajn bħalma nħobbu lilna nfusna jfisser li nħarsu lejn oħrajn bil-mod kif irridu li oħrajn iħarsu lejna u nittrattaw lil oħrajn bil-mod kif irriduhom jittrattaw lilna. Ġesù qal: “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) Innota li Ġesù ma qalilniex biex noqogħdu nhewdnu fuq dak li għamlilna ħaddieħor fil-passat, u mbagħad inpattu bl-istess mod. Minflok, aħna għandna naħsbu dwar kif nixtiequ niġu trattati, u mbagħad naġixxu skond dan. Innota wkoll li Ġesù ma llimitax kliemu għall-ħbieb u l-aħwa Kristjani biss. Hu uża l-kelma “bnedmin,” forsi biex jindika li aħna għandna naġixxu b’dan il-mod man-nies kollha, maʼ kulmin niltaqgħu.
21. Xi nkunu qegħdin nuru meta nittrattaw lill-oħrajn bi mħabba?
21 L-imħabba lejn il-proxxmu se tipproteġina milli nagħmlu dak li hu ħażin. L-appostlu Pawlu kiteb: “Il-kodiċi tal-liġi, ‘Tagħmilx adulterju, Toqtolx, Tisraqx, Tixxennaqx b’għira,’ u kwalunkwe kmandament ieħor, tinġabar f’dan il-kliem, jiġifieri, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ L-imħabba ma tagħmilx ħsara lill-proxxmu.” (Rumani 13:9, 10) L-imħabba se tqanqalna biex infittxu modi kif nagħmlu l-ġid lil oħrajn. Billi nħobbu l-bnedmin sħabna, aħna nuru li nħobbu wkoll lill-wieħed li ħalaq il-bniedem fuq ix-xbieha Tiegħu, Alla Ġeħova.—Ġenesi 1:26.
Int Kif Twieġeb?
• Lejn min għandna nuru mħabba, u għala?
• Kif nistgħu nuru mħabba lejn dawk li ma jaqdux lil Ġeħova?
• Il-Bibbja kif tiddeskrivi l-imħabba li għandu jkollna għal ħutna l-Kristjani?
• Xi jfisser li nħobbu lill-proxxmu tagħna bħalna nfusna?
[Stampa f’paġna 26]
“Min tassew hu l-proxxmu tiegħi?”
[Stampa f’paġna 29]
Ġesù juri mħabba wkoll għal uħud individwali