Luqa
22 Issa kienet qed toqrob il-festa tal-ħobż bla ħmira, li jgħidulha l-Qbiż.+ 2 Ukoll, il-qassisin ewlenin u l-iskribi kienu qed ifittxu l-aħjar mod kif jeħilsu minnu,+ għax kienu jibżgħu mill-poplu.+ 3 Imma Satana daħal f’Ġuda li jgħidulu l-Iskarjota u li kien wieħed mit-tnax;+ 4 u dan telaq u tkellem mal-qassisin ewlenin u mal-kmandanti tat-tempju dwar il-mod effettiv kif jittradih u jagħtihulhom f’idejhom.+ 5 Huma ferħu u ftiehmu li jagħtuh xi flus tal-fidda.+ 6 Għalhekk, hu aċċetta u beda jfittex opportunità tajba biex jittradih u jagħtihulhom f’idejhom x’ħin ma jkunx hemm folla madwaru.+
7 Issa wasal il-jum fil-festa tal-ħobż bla ħmira li fih tiġi sagrifikata l-vittma tal-Qbiż;+ 8 u hu bagħat lil Pietru u lil Ġwanni u qalilhom: “Morru ħejjulna l-ikla tal-Qbiż.”+ 9 Qalulu: “Fejn tridna nħejjuha?” 10 Qalilhom:+ “Ara! Meta tidħlu fil-belt jiltaqaʼ magħkom raġel iġorr ġarra tal-fuħħar bl-ilma. Morru warajh u idħlu fid-dar fejn jidħol.+ 11 U għidu lil sid id-dar, ‘Qallek l-Għalliem: “Fejn hi l-kamra tal-mistidnin li fiha nistaʼ niekol l-ikla tal-Qbiż mad-dixxipli tiegħi?”’+ 12 U dak ir-raġel jurikom kamra kbira taʼ fuq, mgħammra. Ħejju hemmhekk.”+ 13 Għalhekk, telqu u sabu kollox bħalma kien qalilhom, u ħejjew l-ikla tal-Qbiż.+
14 Imbagħad, meta sar il-ħin, hu qagħad mal-mejda flimkien maʼ l-appostli.+ 15 U qalilhom: “Kelli xewqa kbira li niekol din l-ikla tal-Qbiż magħkom qabel ma nbati; 16 għax ngħidilkom, ma nerġax nikolha sakemm titwettaq fis-saltna t’Alla.”+ 17 U qabad kies,+ radd ħajr, u qal: “Ħudu dan u għadduh lil xulxin minn wieħed għall-ieħor; 18 għax ngħidilkom, Minn issa ’l quddiem ma nerġax nixrob mill-prodott tad-dielja sakemm tasal is-saltna t’Alla.”+
19 Ukoll, ħa ħobża,+ radd ħajr, qasamha, tahielhom, u qal: “Dan il-ħobż jirrappreżenta* ġismi+ li se jingħata għalikom.+ Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”+ 20 Ukoll, bl-istess mod ħa l-kies+ wara l-ikla taʼ fil-għaxija u qal: “Dan il-kies jirrappreżenta l-patt il-ġdid+ konfermat b’demmi+ li se jixxerred għalikom.+
21 “Imma, ara! Id it-traditur+ tiegħi qiegħda mal-mejda miegħi.+ 22 Għax Bin il-bniedem jitlaq skond ma kien deċiż;+ iżda, xorta waħda, gwaj għal dak ir-raġel li permezz tiegħu jiġi tradut!”+ 23 Għalhekk, bdew jiddiskutu bejniethom min minnhom kien tassew se jagħmel dan.+
24 Madankollu, qam ukoll argument sħun fosthom dwar min minnhom kien jidher li hu l-akbar.+ 25 Imma hu qalilhom: “Is-slaten tal-ġnus jiddominawhom, u dawk li għandhom l-awtorità fuqhom jissejħu Benefatturi.+ 26 Imma intom m’għandkomx tkunu hekk.+ Imma min hu l-akbar fostkom ħa jsir bħall-iżgħar,+ u min jaġixxi bħala kap isir bħal min jaqdi.+ 27 Għax min hu akbar, dak li jkun mal-mejda jew dak li jaqdi? Mhux dak li jkun mal-mejda? Imma jien ninsab f’nofskom bħala dak li jaqdi.+
28 “Madankollu, intom dawk li bqajtu+ miegħi fil-provi tiegħi;+ 29 u nagħmel patt magħkom għal saltna,+ bħalma Missieri għamel miegħi,+ 30 biex tieklu+ u tixorbu fuq il-mejda tiegħi f’saltnati,+ u toqogħdu bil-qiegħda fuq tronijiet+ biex tiġġudikaw lit-tnax-il tribù taʼ Israel.
31 “Xmun, Xmun, ara! Satana+ riedkom f’idejh biex jgħarbilkom bħal qamħ.+ 32 Imma jien tlabt bil-ħerqa+ għalik biex il-fidi tiegħek ma tonqosx; u int, meta terġaʼ tiġi lura, saħħaħ+ lil ħutek.” 33 U dan qallu: “Mulej, jien lest li mmur miegħek kemm il-ħabs u kemm għall-mewt.”+ 34 Imma hu qal: “Ngħidlek, Pietru, Illum ma jiddinx is-serduq qabel ma int, għal tliet darbiet, tkun ċħadt li tafni.”+
35 Qalilhom ukoll: “Naqsitkom xi ħaġa meta bgħattkom+ bla borża tal-flus u bla ħorġa taʼ l-ikel u bla sandli?” Qalulu: “Le!” 36 Imbagħad qalilhom: “Imma issa min għandu borża tal-flus ħa jiħodha miegħu, u l-istess il-ħorġa taʼ l-ikel; u min m’għandux sejf ħa jbigħ il-mantar tiegħu u jixtri wieħed. 37 Għax ngħidilkom li dak li hu miktub irid jitwettaq fija, jiġifieri, ‘U kien magħdud mal-kriminali.’+ Għax dak li jikkonċerna lili qed jitwettaq.”+ 38 Imbagħad qalulu: “Mulej, ara! Hawn żewġt isjuf.” Qalilhom: “Biżżejjed.”
39 Imbagħad ħareġ u, kif kienet id-drawwa tiegħu, mar lejn il-Muntanja taż-Żebbuġ; u d-dixxipli wkoll marru warajh.+ 40 Malli wasal fil-post qalilhom: “Ibqgħu itolbu sabiex ma tidħlux fit-tentazzjoni.”+ 41 U tbiegħed minnhom daqs tefgħa taʼ ġebla, niżel għarkopptejh, u beda jitlob 42 u jgħid: “Missier, jekk trid, warrab minni dan il-kies. Madankollu, ħa sseħħ ir-rieda tiegħek+ u mhux tiegħi.”+ 43 Imbagħad deherlu anġlu mis-sema jqawwilu qalbu.+ 44 Imma kien f’agunija u kompla jitlob iktar bil-ħeġġa;+ u l-għaraq tiegħu beda nieżel fl-art bħal qtar tad-demm.+ 45 U qam minfejn kien qed jitlob, mar ħdejn id-dixxipli, u sabhom jonogħsu minħabba n-niket;+ 46 u qalilhom: “Għala rqadtu? Qumu u ibqgħu itolbu, sabiex ma tidħlux fit-tentazzjoni.”+
47 Waqt li kien għadu qed jitkellem, ara, folla nies! U miexi quddiemhom kien hemm dak li jgħidulu Ġuda,+ wieħed mit-tnax; u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu.+ 48 Imma Ġesù qallu: “Ġuda, b’bewsa tittradih lil Bin il-bniedem?”+ 49 Meta dawk taʼ madwaru raw x’kien se jiġri, qalulu: “Mulej, nagħtu bis-sejf?”+ 50 Wieħed minnhom saħansitra darab lill-ilsir tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu l-leminija.+ 51 Imma Ġesù wieġeb u qal: “Ieqfu! Biżżejjed!” U messlu widintu u fejqu.+ 52 Imbagħad Ġesù qal lill-qassisin ewlenin u lill-kmandanti tat-tempju u lix-xjuħ li kienu ġew għalih hemmhekk: “Ħriġtu bis-sjuf u l-bsaten qisu kontra xi ħalliel?+ 53 Meta kont inkun magħkom kuljum fit-tempju+ ma meddejtux idejkom fuqi.+ Imma din hi s-siegħa+ tagħkom u l-awtorità+ tad-dlam.”+
54 Imbagħad arrestawh u ħaduh+ magħhom u ġabuh fid-dar tal-qassis il-kbir;+ imma Pietru kien miexi warajhom mill-bogħod.+ 55 Meta qabbdu nar f’nofs il-bitħa u qagħdu bil-qiegħda flimkien, Pietru kien bil-qiegħda magħhom.+ 56 Imma waħda qaddejja ratu bil-qiegħda ħdejn in-nar qawwi u flietu u qalet: “Dan ir-raġel ukoll kien miegħu.”+ 57 Imma hu ċaħad+ u qal: “Ma nafux, mara.”+ 58 U wara ftit rah ħaddieħor u qallu: “Int ukoll wieħed minnhom.” Imma Pietru qallu: “Le, żgur li m’iniex.”+ 59 U wara xi siegħa ndaħal ieħor li beda jinsisti b’saħħa: “Dan żgur li wkoll kien miegħu; għax, fil-fatt, hu Galilew!”+ 60 Imma Pietru qallu: “Raġel, ma nafx x’int tgħid.” U minnufih, waqt li kien għadu qed jitkellem, is-serduq idden.+ 61 U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru, u Pietru ftakar fil-kliem tal-Mulej meta qallu: “Illum, qabel ma jidden is-serduq, int tiċħadni tliet darbiet.”+ 62 U ħareġ barra u beka biki taʼ mrar.+
63 Issa l-irġiel li kienu qed iżommuh arrestat bdew jiżżuffjettaw+ bih u jsawtuh;+ 64 u wara li għattewlu wiċċu, bdew jistaqsuh u jgħidulu: “Ipprofetizza. Min sawtek?”+ 65 U komplew jgħidu ħafna dagħa+ ieħor kontra tiegħu.
66 Sa fl-aħħar, meta sebaħ, inġabret l-assemblea tax-xjuħ tal-poplu, il-qassisin ewlenin, u l-iskribi,+ u daħħluh fis-sala tagħhom tas-Sinedriju u qalulu:+ 67 “Jekk int il-Kristu,+ għidilna.” Imma qalilhom: “Anki jekk ngħidilkom, żgur ma temmnux.+ 68 Iktar minn hekk, jekk nistaqsikom, żgur ma twiġbux.+ 69 Madankollu, minn issa ’l quddiem Bin il-bniedem+ ikun bil-qiegħda fuq il-leminija+ qawwija t’Alla.”+ 70 Għal dan, ilkoll qalulu: “Allura int l-Iben t’Alla?” Qalilhom: “Intom stess qed tgħidu+ li jien.” 71 Qalu: “X’għandna bżonn taʼ iktar xiehda?+ Għax aħna nfusna smajna dan minn fommu stess.”+