Ġwanni
18 Wara li qal dan, Ġesù ħareġ mad-dixxipli tiegħu u qasam għan-naħa l-oħra tal-wied taʼ Kidron+ fejn kien hemm ġnien u daħal fih mad-dixxipli tiegħu.+ 2 Issa Ġuda, it-traditur tiegħu, ukoll kien jafu l-post, għax Ġesù kemm-il darba kien jiltaqaʼ hemmhekk mad-dixxipli tiegħu.+ 3 Għaldaqstant, Ġuda ħa miegħu lill-ġemgħa tas-suldati u l-uffiċjali tal-qassisin ewlenin u tal-Fariżej, u marru hemmhekk b’torċi u msiebaħ u armi.+ 4 Għalhekk, billi kien jaf b’kulma kien ġej fuqu,+ Ġesù resaq lejhom u qalilhom: “Lil min qed tfittxu?” 5 Wiġbuh: “Lil Ġesù n-Nazzarenu.”+ Qalilhom: “Jien hu.” Issa Ġuda, it-traditur tiegħu,+ kien magħhom ukoll.
6 Madankollu, meta qalilhom: “Jien hu,” resqu lura+ u waqgħu maʼ l-art. 7 Għalhekk, reġaʼ staqsiehom: “Lil min qed tfittxu?” Qalulu: “Lil Ġesù n-Nazzarenu.” 8 Wiġibhom Ġesù: “Għedtilkom jien hu. Għaldaqstant, jekk qed tfittxu lili, ħalluhom imorru lil dawn”; 9 sabiex titwettaq il-kelma li qal: “Minn dawk li tajtni ma tlift lanqas wieħed.”+
10 Imbagħad, billi kellu sejf, Xmun Pietru siltu u darab lill-ilsir tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu l-leminija barra.+ L-ilsir kien jismu Malku. 11 Iżda Ġesù qal lil Pietru: “Daħħal is-sejf fl-għant tiegħu.+ M’għandix jien nixrob+ il-kies li tani l-Missier?”
12 Imbagħad il-ġemgħa tas-suldati u l-kmandant militari u l-uffiċjali tal-Lhud qabdu lil Ġesù u rabtuh, 13 u l-ewwel ħaduh għand Anna; għax kien ħaten Kajfa, li dik is-sena kien il-qassis il-kbir.+ 14 Fil-fatt, kien Kajfa dak li ta l-parir lil-Lhud li kien għall-ġid tagħhom li raġel wieħed imut għan-nom tan-nies.+
15 Issa Xmun Pietru flimkien maʼ dixxiplu ieħor mar wara Ġesù.+ Dan id-dixxiplu kien midħla tal-qassis il-kbir u daħal maʼ Ġesù fil-bitħa tal-qassis il-kbir, 16 imma Pietru baqaʼ barra ħdejn il-bieb.+ Għalhekk, id-dixxiplu l-ieħor, li kien midħla tal-qassis il-kbir, ħareġ barra u kellem lil tal-bieb u daħħal lil Pietru. 17 Imbagħad il-qaddejja li kienet mal-bieb qalet lil Pietru: “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli taʼ dan ir-raġel?” Qalilha: “M’iniex.”+ 18 Issa l-ilsiera u l-uffiċjali kienu weqfin hemmhekk għas-sħana, għax kienu qabbdu nar bil-faħam,+ peress li kien il-bard. Pietru wkoll kien qiegħed magħhom għas-sħana.
19 Issa l-qassis ewlieni staqsa lil Ġesù dwar id-dixxipli tiegħu u dwar it-tagħlim tiegħu. 20 Wieġbu Ġesù: “Jien kellimt lid-dinja pubblikament. Dejjem għallimt f’xi sinagoga u fit-tempju,+ fejn il-Lhud kollha jiltaqgħu flimkien; u m’għedt xejn bil-moħbi. 21 Għala qed tistaqsi lili? Staqsi lil dawk li semgħu dak li għedtilhom. Ara! Dawn jafu x’għedt.” 22 Wara li qal dan, wieħed mill-uffiċjali, li kien fil-qrib, ta daqqa taʼ ħarta+ lil Ġesù u qallu: “Hekk twieġbu int lill-qassis ewlieni?” 23 Wieġbu Ġesù: “Jekk għedt xi ħaġa ħażina, ixhed dwar il-ħażin; imma jekk tkellimt sewwa, għala tagħtini bil-ħarta?” 24 Imbagħad Anna bagħtu marbut għand Kajfa, il-qassis il-kbir.+
25 Issa Xmun Pietru kien qiegħed għas-sħana. Imbagħad qalulu: “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu?” Hu ċaħad u qal: “M’iniex.”+ 26 Wieħed mill-ilsiera tal-qassis il-kbir, li kien jiġi mir-raġel li Pietru qatagħlu widintu barra,+ qallu: “Ma rajtekx fil-ġnien miegħu?” 27 Madankollu, Pietru reġaʼ ċaħad; u minnufih is-serduq idden.+
28 Imbagħad ħadu lil Ġesù mingħand Kajfa għall-palazz tal-gvernatur.+ Issa kien fil-għodu kmieni. Imma huma stess ma daħlux fil-palazz tal-gvernatur biex ma jitniġġsux,+ u jkunu jistgħu jieklu l-ikla tal-Qbiż. 29 Għalhekk, Pilatu ħareġ barra ħdejhom u qalilhom: “X’akkuża ġġibu kontra dan ir-raġel?”+ 30 Wieġbu u qalulu: “Kieku ma kienx raġel ħażin, ma konniex inġibuh u nagħtuhulek f’idejk.” 31 B’hekk Pilatu qalilhom: “Ħuduh intom u ġġudikawh skond il-liġi tagħkom.”+ Qalulu l-Lhud: “Skond il-liġi aħna ma nistgħu noqtlu lil ħadd.”+ 32 Dan ġara sabiex titwettaq il-kelma li qal Ġesù biex juri liema xorta taʼ mewt kellu jmut.+
33 Għalhekk, Pilatu reġaʼ daħal fil-palazz tal-gvernatur u sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Int is-sultan tal-Lhud?”+ 34 Wieġbu Ġesù: “Dan qed tgħidu minnek innifsek, jew qalulek oħrajn dwari?”+ 35 Wieġeb Pilatu: “Mela jien Lhudi? Ġensek stess u l-qassisin ewlenin tawk f’idejja.+ X’għamilt?” 36 Wieġeb Ġesù:+ “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja.+ Kieku s-saltna tiegħi kienet parti minn din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu+ biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud. Imma, tabilħaqq, is-saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.” 37 Għalhekk, Pilatu qallu: “Allura int sultan?” Wieġbu Ġesù: “Int stess qed tgħid li jien sultan.+ Għal dan jien twilidt, u għal dan ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità.+ Kulmin qiegħed fuq in-naħa tal-verità+ jismaʼ leħni.”+ 38 Qallu Pilatu: “X’inhi l-verità?”
U wara li qal dan, reġaʼ ħareġ ħdejn il-Lhud u qalilhom: “Ma nsib ebda ħtija fih.+ 39 Ukoll, għandkom drawwa li fil-Qbiż neħilsilkom lil xi ħadd.+ Għalhekk, triduni neħilsilkom lis-sultan tal-Lhud?” 40 Imma reġgħu bdew jgħajtu u jgħidu: “Mhux lil dan, imma lil Barabba!” Issa Barabba kien ħalliel.+