Ġwanni
20 Fl-ewwel jum+ tal-ġimgħa, Marija l-Maddalena ġiet kmieni ħdejn il-qabar tat-tifkira, waqt li kien għadu d-dlam, u rat li l-ġebla kienet diġà tneħħiet minn quddiem il-qabar tat-tifkira.+ 2 Għalhekk, marret tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor,+ li Ġesù kellu affezzjoni lejh, u qaltilhom: “Lill-Mulej ħaduh mill-qabar tat-tifkira,+ u ma nafux fejn qegħduh.”
3 Imbagħad Pietru+ u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u telqu lejn il-qabar tat-tifkira. 4 Iva, telqu jiġru t-tnejn flimkien; imma d-dixxiplu l-ieħor ġera iktar minn Pietru u wasal l-ewwel wieħed ħdejn il-qabar tat-tifkira. 5 U ttawwal ġewwa u lemaħ il-faxex maʼ l-art,+ iżda ma daħalx. 6 Imbagħad warajh ġie wkoll Xmun Pietru u daħal fil-qabar tat-tifkira. Hemmhekk ra l-faxex maʼ l-art.+ 7 Ra wkoll li ċ-ċarruta li kienet fuq rasu ma kinitx fl-art mal-faxex imma mgerba f’post għaliha. 8 U f’dak il-waqt id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel wieħed ħdejn il-qabar tat-tifkira, daħal ukoll, u ra u emmen. 9 Għax kienu għadhom ma fehmux l-iskrittura li jrid iqum mill-imwiet.+ 10 Imbagħad id-dixxipli marru lura lejn djarhom.
11 Madankollu, Marija baqgħet barra ħdejn il-qabar tat-tifkira, tibki. Imbagħad, waqt li kienet qed tibki, ittawlet fil-qabar tat-tifkira 12 u rat żewġ anġli+ lebsin l-abjad bil-qiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tas-saqajn, fejn qabel kien mimdud il-ġisem taʼ Ġesù. 13 U qalulha: “Mara, għalfejn qed tibki?” Qaltilhom: “Ħadu lill-Mulej tiegħi, u ma nafx fejn qegħduh.” 14 Wara li qalet dan, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, imma m’għarfitx li kien Ġesù.+ 15 Qalilha Ġesù: “Mara, għalfejn qed tibki? Lil min qed tfittex?”+ Billi immaġinat li kien il-ġardinar, qaltlu: “Sinjur, jekk ħadtu minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u niġi nieħdu.” 16 Ġesù qalilha: “Marija!”+ Hi daret u qaltlu bl-Ebrajk: “Rabboni!”+ (li jfisser “Għalliem!”) 17 Qalilha Ġesù: “Tibqax imqabbda miegħi. Għax għadni ma tlajtx għand il-Missier. Imma mur għand ħuti+ u għidilhom, ‘Jien tielaʼ għand Missieri+ u Missierkom, Alla tiegħi+ u Alla tagħkom.’”+ 18 Marija l-Maddalena marret u wasslet l-aħbar lid-dixxipli: “Rajt lill-Mulej!” u qaltilhom dak li qalilha.+
19 Imbagħad, tard dak il-jum li kien l-ewwel jum tal-ġimgħa,+ waqt li d-dixxipli kienu bil-bibien imsakkrin minħabba l-biżaʼ+ mil-Lhud, Ġesù ġie+ u waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom.”+ 20 U wara li qal dan, uriehom idejh u ġenbu;+ u d-dixxipli ferħu+ meta raw lill-Mulej. 21 Għalhekk, Ġesù reġaʼ qalilhom: “Is-sliem għalikom. Bħalma l-Missier bagħat lili,+ jien ukoll qed nibgħat lilkom.”+ 22 U wara li qal dan nefaħ fuqhom u qalilhom: “Irċievu l-ispirtu qaddis.+ 23 Jekk taħfru d-dnubiet taʼ xi ħadd,+ jinħafrulu; jekk iżżommu d-dnubiet taʼ xi ħadd, jibqgħu miżmumin.”+
24 Imma Tumas,+ wieħed mit-tnax, li kienu jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. 25 Għaldaqstant, id-dixxipli l-oħra bdew jgħidulu: “Rajna lill-Mulej!” Imma hu qalilhom: “Jekk ma narax il-marka taʼ l-imsiemer f’idejh u ma nqegħedx sebgħi ġol-marka taʼ l-imsiemer u idi ġo ġenbu,+ żgur ma nemminx.”+
26 U wara tmint ijiem, id-dixxipli tiegħu reġgħu kienu ġewwa, u Tumas kien magħhom. Għalkemm il-bibien kienu msakkrin, Ġesù ġie u waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom.”+ 27 Imbagħad qal lil Tumas: “Poġġi sebgħek hawn, u ara idejja, u ġib idek+ u daħħalha f’ġenbi, u tibqax ma temminx iżda emmen.” 28 Tumas wieġeb u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”+ 29 Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni? Henjin dawk li ma jarawx u xorta jemmnu.”+
30 Tabilħaqq, Ġesù wettaq quddiem id-dixxipli ħafna sinjali oħra li m’humiex miktubin f’dan ir-romblu.+ 31 Imma dawn inkitbu+ biex intom temmnu li Ġesù hu l-Kristu, l-Iben t’Alla u, għax temmnu,+ jistaʼ jkollkom il-ħajja permezz taʼ ismu.