Għanja taʼ David.
26 Iġġudikani, Ġeħova, għax jien għext b’lealtà,
Jien bqajt dejjem nafda fik, Ġeħova.
2 Innotani sew, Ġeħova, u ara kif jien verament;
Irfinali ħsibijieti u qalbi.
3 Għax jien dejjem nimmedita fuq l-imħabba u l-lealtà tiegħek,
U nimxi fit-triq it-tajba.
4 Jien ma nagħmilhiex maʼ nies qarrieqa;
U nevita lil dawk li jaħbu min huma.
5 Jien nobgħod noqgħod maʼ nies ħżiena,
U ma nagħmilhiex maʼ dawk li huma mill-agħar.
6 Ġeħova, se naħsel idejja biex nuri li jien innoċenti,
U se nimxi madwar l-artal tiegħek
7 Biex nirringrazzjak b’leħen għoli,
U biex inxandar l-affarijiet tal-għaġeb li int għamilt.
8 Ġeħova, id-dar fejn tgħix int, fejn hemm il-glorja tiegħek,
Hi prezzjuża għalija.
9 Teqridnix mal-midinbin,
U toqtolnix flimkien maʼ nies vjolenti,
10 Li jagħmlu affarijiet taʼ mistħija,
U li jħobbu jaċċettaw it-tixħim.
11 Imma min-naħa tiegħi, jien se ngħix b’lealtà.
Eħlisni u ħenn għalija.
12 Jien qiegħed wieqaf f’post sod;
Ġeħova, jien se nfaħħrek fil-kongregazzjoni l-kbira.