L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni
18 Wara li qal dan, Ġesù ħareġ mad-dixxipli tiegħu u qasam il-Wied taʼ Kidron. Hemm kien hemm ġnien u daħlu fih. 2 Ġuda, li kien se jittradih, kien jaf b’dan il-post, għax Ġesù kemm-il darba ltaqaʼ mad-dixxipli tiegħu hemmhekk. 3 Għalhekk, Ġuda ħa miegħu l-grupp taʼ suldati u l-uffiċjali tal-qassisin importanti u tal-Fariżej, u marru hemm b’torċi, lampi, u armi. 4 Peress li Ġesù kien jaf b’kulma kien se jiġrilu, resaq ’il quddiem, u staqsiehom: “Lil min qed tfittxu?” 5 Huma wiġbuh: “Lil Ġesù n-Nazzarenu.” Hu qalilhom: “Jien hu.” Magħhom kien hemm Ġuda li kien se jittradih.
6 Imma meta Ġesù qalilhom li kien hu, huma resqu lura u waqgħu mal-art. 7 Għalhekk reġaʼ staqsiehom: “Lil min qed tfittxu?” Qalulu: “Lil Ġesù n-Nazzarenu.” 8 Ġesù wiġibhom: “Għedtilkom li jien hu. Jekk qed tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru.” 9 Hu għamel hekk biex isir dak li qal: “Minn dawk kollha li tajtni ma tlift lil ħadd.”
10 Imbagħad Xmun Pietru ħareġ ix-xabla tiegħu u qataʼ l-widna l-leminija tal-ilsir tal-qassis il-kbir. Dan l-ilsir kien jismu Malku. 11 Imma Ġesù qal lil Pietru: “Daħħal ix-xabla f’postha. M’għandix jien nixrob mit-tazza* li tani l-Missier?”
12 Imbagħad is-suldati, il-kmandant tal-armata, u l-uffiċjali tal-Lhud qabdu* lil Ġesù u rabtuh. 13 Huma l-ewwel ħaduh għand Anna, għax kien il-kunjatu taʼ Kajfa, li kien il-qassis il-kbir dik is-sena. 14 Fil-fatt, Kajfa kien il-wieħed li qal lil-Lhud* li kien għall-ġid tagħhom li raġel wieħed imut għall-poplu.
15 Xmun Pietru u dixxiplu ieħor kienu qed isegwu lil Ġesù. Dan id-dixxiplu kien jafu lill-qassis il-kbir, allura daħal maʼ Ġesù fil-bitħa tal-qassis il-kbir, 16 imma Pietru baqaʼ barra ħdejn il-bieb.* Għalhekk, id-dixxiplu l-ieħor, li kien jaf lill-qassis il-kbir, ħareġ, tkellem maʼ min kien qed jieħu ħsieb il-bieb, u daħħal lil Pietru. 17 Il-qaddejja li kienet mal-bieb qalet lil Pietru: “Int mhux xi wieħed mid-dixxipli taʼ dan ir-raġel, hux?” Qalilha: “Le ta.” 18 Peress li kienet il-kesħa, l-ilsiera u l-uffiċjali qabbdu n-nar u qagħdu madwaru. Anki Pietru qagħad magħhom ħdejn in-nar.
19 Wieħed mill-qassisin importanti staqsa lil Ġesù dwar id-dixxipli u t-tagħlim tiegħu. 20 Ġesù wieġbu: “Jien tkellimt quddiem kulħadd. Dejjem għallimt fis-sinagogi u fit-tempju, fejn kienu jiltaqgħu l-Lhud kollha. M’għedt xejn bil-moħbi. 21 Għala qed tistaqsi lili? Staqsi lil dawk li semgħuni. Huma jafu x’għedt.” 22 Wara li qal dan, wieħed mill-uffiċjali li kien hemm ta daqqa taʼ ħarta lil Ġesù ġo wiċċu u qallu: “Hekk twieġbu lill-qassis?” 23 Ġesù wieġbu: “Jekk għedt xi ħaġa ħażina, għidli x’inhi,* imma jekk m’għedt xejn ħażin, għala tajtni daqqa?” 24 Imbagħad Anna bagħtu marbut għand Kajfa, il-qassis il-kbir.
25 Sadanittant Xmun Pietru kien għadu ħdejn in-nar għas-sħana. Dawk li kienu hemm staqsewh: “Jaqaw int wieħed mid-dixxipli tiegħu wkoll?” Hu m’ammettiex imma qal: “Le m’iniex.” 26 Wieħed mill-ilsiera tal-qassis il-kbir, li kien jiġi mir-raġel li Pietru qatagħlu widintu, staqsieh: “Int mhux li kont fil-ġnien miegħu?” 27 Imma Pietru reġaʼ qal li ma jafux, u dak il-ħin idden is-serduq.
28 Imbagħad ħadu lil Ġesù mingħand Kajfa għall-palazz tal-gvernatur. Dan ġara kmieni filgħodu. Imma huma ma daħlux ħalli jibqgħu nodfa b’mod ċerimonjali u jkunu jistgħu jieklu l-ikla tal-Qbiż. 29 Għalhekk, Pilatu ħareġ jiltaqaʼ magħhom u qalilhom: “X’akkuża għandkom kontra dan ir-raġel?” 30 Huma wiġbuh: “Li kieku ma kienx raġel ħażin* ma konniex inġibuh għandek!” 31 Għalhekk Pilatu qalilhom: “Ħuduh intom u ġġudikawh skont il-liġi tagħkom.” Il-Lhud qalulu: “Skont il-liġi aħna ma nistgħu noqtlu lil ħadd.” 32 Dan ġara biex isir dak li qal Ġesù meta semma b’liema mod kien se jmut dalwaqt.
33 Għalhekk, Pilatu reġaʼ daħal fil-palazz, għajjat lil Ġesù, u qallu: “Int ir-Re tal-Lhud?” 34 Ġesù wieġbu: “Qed tistaqsini għax taħseb hekk int, jew minħabba dak li smajt dwari?” 35 Pilatu wieġeb: “Int taf li jien mhux Lhudi. Il-poplu tiegħek stess u l-qassisin importanti ġabuk għandi. Għidli x’għamilt.” 36 Ġesù wieġeb: “Is-Saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja. Li kieku kienet parti minn din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud. Imma s-Saltna tiegħi mhix ġejja minn hawn.” 37 Għalhekk Pilatu qallu: “Allura int re?” Ġesù wieġbu: “Int stess qed tgħid li jien re. Jien twilidt u ġejt fid-dinja biex nagħti xhieda dwar il-verità. Kull min jgħix fi qbil mal-verità, jagħti kas dak li qed ngħid.” 38 Pilatu qallu: “X’inhi l-verità?”
Wara li qal dan, reġaʼ ħareġ ħdejn il-Lhud u qalilhom: “Ma sibt xejn ħażin fih. 39 Barra minn hekk, skont id-drawwa tagħkom, jien se neħilsilkom ħabsi fil-Qbiż. Triduni neħles lir-Re tal-Lhud?” 40 Imma għajtu: “Teħlisx lilu, imma lil Barabba!” Issa Barabba kien ħalliel.