Lill-Efesin
1 Jien, Pawlu, appostlu taʼ Kristu Ġesù skont dak li jrid Alla, qed nikteb din l-ittra lill-qaddisin li qegħdin f’Efesu u li huma dixxipli leali taʼ Kristu Ġesù:
2 Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi.
3 Ħa jkun imfaħħar Alla, li hu l-Missier tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, għax fis-sema hu tana kull barka li tiġi mill-ispirtu qaddis peress li aħna dixxipli taʼ Kristu. 4 Hu għażilna biex inkunu miegħu* qabel il-bidu tad-dinja,* ħalli b’hekk nuru mħabba, inkunu qaddisin, u bla difett quddiemu. 5 Għax hu ddeċieda minn qabel li jadottana bħala t-tfal tiegħu permezz taʼ Ġesù Kristu, skont dak li jogħġbu u dak li jrid. 6 Hu għamel hekk ħalli jiġi mfaħħar, għax uża lil Ibnu l-għażiż biex juri l-imħabba kbira tiegħu lejna. 7 Permezz taʼ Ibnu, aħna ġejna mifdijin* u meħlusin. Iva, id-dnubiet tagħna qed jinħafru permezz tad-demm tiegħu. Il-qalb tajba kbira t’Alla hi verament kbira!
8 Alla wriena din il-qalb tajba kbira u tana kull għerf u abbiltà li nifhmu,* 9 billi ħalliena nkunu nafu x’inhu s-sigriet qaddis taʼ dak li jrid. Dan hu fi qbil maʼ dak li jixtieq u l-iskop tiegħu 10 u jinkludi li jkun hemm amministrazzjoni meta jintemm iż-żmien li għażel, jiġifieri biex jiġbor kollox flimkien permezz tal-Kristu, kemm l-affarijiet tas-sema u kemm l-affarijiet tal-art. Iva, permezz tiegħu, 11 aħna ġejna inkarigati bħala werrieta miegħu. Alla għażilna minn qabel skont l-iskop tiegħu, għax hu jagħmel kollox bħalma jiddeċiedi u kif irid. 12 B’hekk, aħna li ttamajna l-ewwel fil-Kristu, inkunu nistgħu nfaħħru u nigglorifikaw lil Alla. 13 Imma anki intom ittamajtu fil-Kristu wara li smajtu l-kelma tal-verità, li hi l-aħbar tajba dwar li Alla se jsalvakom. Ukoll permezz tal-Kristu, wara li emmintu, intom ġejtu ssiġillati bl-ispirtu qaddis li Alla wiegħed. 14 Dan l-ispirtu qaddis hu garanzija tal-wirt tagħna, biex Alla jeħles lill-poplu tiegħu stess permezz taʼ fidwa, u b’hekk jiġi mfaħħar u gglorifikat.
15 Minħabba f’hekk, mindu smajt dwar il-fidi tagħkom fil-Mulej Ġesù u l-imħabba li wrejtu mal-qaddisin kollha, 16 jien dejjem nirringrazzja lil Alla għalikom. Jien inkompli nsemmikom fit-talb tiegħi, 17 ħalli l-Alla tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, il-Missier glorjuż, jagħtikom il-qawwa biex tkunu għorrief u tifhmu l-affarijiet li jikxef, u b’hekk ikollkom għarfien eżatt dwaru. 18 Alla fetħilkom moħħkom* biex tkunu tistgħu taraw u tkunu tafu dwar it-tama li takom, dwar l-affarijiet tajbin li ma jitqabblu maʼ xejn li hu wiegħed lill-qaddisin, 19 u kemm hi kbira l-qawwa tiegħu li wera magħna li nemmnu. Din il-qawwa tidher bil-mod kif uża s-saħħa tiegħu 20 fil-każ taʼ Kristu, meta qajmu mill-mewt u qiegħdu fuq il-lemin tiegħu fis-sema. 21 Hu tah pożizzjoni bil-wisq iktar għolja minn kull gvern, awtorità, mexxej, re, u kwalunkwe persuna li hi importanti, mhux biss issa* imma anki fil-futur. 22 Ukoll, Alla poġġa kollox taħt il-kontroll tiegħu u għamlu kap fuq l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-kongregazzjoni. 23 Il-kongregazzjoni hi bħall-ġisem tiegħu, u hu jagħtiha kulma għandha bżonn.