LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 8/15 pp. 7-11
  • Żomm il-Lealtà b’Qalb Sħiħa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żomm il-Lealtà b’Qalb Sħiħa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ħallini Nagħtik Rigal”
  • ‘Kun Kuntent’
  • Profeta Xwejjaħ “Qarraq Bih”
  • “Mar Lura” max-​Xwejjaħ
  • Kun Modest
  • Kun Determinat li Tibqaʼ Leali
  • Ġeħova Ma Jitlaqhomx lil-Leali Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • “Int Biss Leali”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Nilqgħu l-Isfida tal-Lealtà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Ara l-Leali!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 8/15 pp. 7-11

Żomm il-​Lealtà b’Qalb Sħiħa

“Jien se nimxi fil-​verità tiegħek. Agħtini qalb sħiħa biex nibżaʼ minn ismek.”—SALM 86:11.

1, 2. (a) Skond Salm 86:2, 11, x’se jgħinna nibqgħu leali lejn Ġeħova meta niffaċċjaw provi jew tentazzjonijiet? (b) Meta għandna nibdew nikkultivaw lealtà b’qalbna kollha?

XI KRISTJANI li baqgħu leali għal ħafna snin minkejja li kienu fil-​ħabs jew persegwitati, iktar tard għala ċedew għall-​materjaliżmu? It-​tweġiba għandha x’taqsam mal-​qalb figurattiva tagħna—dak li aħna verament minn ġewwa. Salm 86 juri li hemm konnessjoni bejn il-​lealtà u l-​qalb sħiħa; jiġifieri, kompleta, qalb li m’hijiex iffokata fuq ħafna affarijiet. “Ħarisli ruħi, għax jien leali,” talab is-​salmista David. “Int Alla tiegħi—salva lill-​qaddej tiegħek li qed jafda fik.” David talab ukoll: “Istruwini, O Ġeħova, dwar triqtek. Jien se nimxi fil-​verità tiegħek. Agħtini qalb sħiħa biex nibżaʼ minn ismek.”—Salm 86:2, 11.

2 Jekk aħna ma nafdawx f’Ġeħova b’qalbna kollha, affarijiet u relazzjonijiet oħrajn jistgħu faċilment idgħajfulna l-​lealtà tagħna lejn l-​Alla l-​veru. Xewqat egoistiċi huma bħal mini splussivi moħbijin taħt l-​art li nimxu fuqha. Avolja forsi bqajna leali lejn Ġeħova f’ċirkustanzi diffiċli, aħna nistgħu nsiru vittmi taʼ nases jew nasbiet sataniċi. Kemm huwa vitali li nikkultivaw lealtà b’qalbna kollha lejn Ġeħova issa, qabel ma jiġu fuqna l-​provi jew it-​tentazzjonijiet! “Iktar minn kull ħaġa oħra li għandek tħares,” tgħid il-​Bibbja, “ħares lil qalbek.” (Prov. 4:23) Nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet imprezzabbli dwar dan mill-​esperjenza taʼ profeta minn Ġuda li ntbagħat minn Ġeħova għand is-​Sultan Ġerobogħam taʼ Israel.

“Ħallini Nagħtik Rigal”

3. Ġerobogħam kif irreaġixxa għall-​messaġġ taʼ ġudizzju li wassallu l-​profeta t’Alla?

3 Immaġina x-​xena. Il-​bniedem t’Alla għadu kif wassal messaġġ iebes lis-​Sultan Ġerobogħam, li kien stabbilixxa l-​qima taʼ l-​għoġol fis-​saltna tat-​tramuntana taʼ l-​għaxar tribujiet taʼ Israel. Is-​sultan jirrabja ħafna. Hu jordna lin-​nies tiegħu biex jaħtfu taħt idejhom lill-​messaġġier. Imma Ġeħova qiegħed mal-​qaddej tiegħu. Immedjatament, l-​id li s-​sultan medd kontrih fir-​rabja tinxef mirakolożament, u l-​artal li jintuża għall-​qima falza jinqasam fi tnejn. F’daqqa waħda, l-​attitudni taʼ Ġerobogħam tinbidel. Hu jitlob lill-​bniedem t’Alla: “Taffi l-​korla taʼ Ġeħova Alla tiegħek, jekk jogħġbok, u itlob għalija sabiex tingħatali idi lura.” Il-​profeta jitlob, u id is-​sultan tfiq.—1 Slat. 13:1-6.

4. (a) L-​offerta tas-​sultan għala kienet verament prova tal-​lealtà tal-​profeta? (b) X’kienet it-​tweġiba tal-​profeta?

4 Imbagħad Ġerobogħam jgħid lill-​bniedem taʼ l-​Alla l-​veru: “Ejja miegħi d-​dar u kul xi ħaġa, u ħallini nagħtik rigal.” (1 Slat. 13:7) Issa x’kien se jagħmel il-​profeta? Għandu hu jaċċetta l-​ospitalità tas-​sultan wara li wassallu messaġġ taʼ kundanna? (Salm 119:113) Jew għandu jirrifjuta l-​istedina tas-​sultan, avolja s-​sultan jidher li ddispjaċieh? Ġerobogħam żgur li għandu minfejn jagħti lil ħbiebu rigali li jiswew ħafna. Li kieku l-​profeta t’Alla kellu xi xewqa moħbija għall-​affarijiet materjali, l-​offerta tas-​sultan wisq probabbli kienet se tkun tentazzjoni kbira. Madankollu, Ġeħova kkmanda lill-​profeta: “La tikolx ħobż jew tixrob ilma, u terġax lura mit-​triq li għaddejt minnha.” Għalhekk, il-​profeta b’mod sod wieġeb: “Lanqas kieku kellek tagħtini nofs darek ma niġi miegħek, u niekol il-​ħobż u nixrob l-​ilma f’dan il-​post.” U l-​profeta jitlaq minn Betel minn triq oħra. (1 Slat. 13:8-10) Id-​deċiżjoni tal-​profeta liema lezzjoni tgħallimna dwar il-​lealtà b’qalbna kollha?—Rum. 15:4.

‘Kun Kuntent’

5. Il-​materjaliżmu kif inhu kwistjoni taʼ lealtà?

5 Il-​materjaliżmu għandu mnejn jidher li m’huwiex kwistjoni taʼ lealtà, imma fir-​realtà hu. Nafdaw aħna fil-​wegħda taʼ Ġeħova li hu se jipprovdi dak li verament għandna bżonn? (Mt. 6:33; Ebr. 13:5) Minflok ma nistinkaw biex niksbu akkost taʼ kollox xi ftit mill-​“aħjar” affarijiet fil-​ħajja li bħalissa ma naffordjawhomx, nistgħu aħna ngħaddu mingħajrhom? (Aqra Filippin 4:11-13.) Niġu ttantati aħna biex inwarrbu l-​privileġġi teokratiċi sabiex inkunu nistgħu niksbu dak li rridu issa? Huwa s-​servizz leali lejn Ġeħova fl-​ewwel post f’ħajjitna? It-​tweġibiet tagħna jiddependu ħafna minn jekk is-​servizz tagħna lil Alla aħniex qed nagħtuh b’qalbna kollha jew le. “Hi mezz taʼ qligħ kbir,” qal l-​appostlu Pawlu, “din id-​devozzjoni lejn Alla flimkien maʼ li wieħed ikun kuntent b’dak li għandu. Għax ma ġibna xejn magħna fid-​dinja, u ma nistgħu nieħdu xejn. Għalhekk, la għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-​affarijiet.”—1 Tim. 6:6-8.

6. Liema “rigali” jistgħu jiġu offruti lilna, u x’se jgħinna niddeċiedu jekk għandniex naċċettawhom jew le?

6 Per eżempju, l-​imgħallem tagħna jistaʼ joffrilna promozzjoni b’paga aħjar u b’benefiċċji oħrajn. Jew forsi nirrealizzaw li nistgħu naqilgħu iktar jekk immorru noqogħdu f’xi pajjiż jew reġjun ieħor biex insibu impjieg. Għall-​ewwel, opportunitajiet bħal dawn jistgħu jidhru li huma barka minn Ġeħova. Imma qabel nieħdu deċiżjoni, m’għandniex aħna neżaminaw il-​motivi tagħna? It-​tħassib primarju tagħna għandu jkun, “Din id-​deċiżjoni kif se teffettwa r-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova?”

7. Għala huwa importanti li naqilgħu kompletament ’il barra minn qalbna kwalunkwe xewqa materjalistika li jistaʼ jkollna?

7 Is-​sistema taʼ Satana tippromwovi kontinwament il-​materjaliżmu. (Aqra l-​1 Ġwanni 2:15, 16.) L-​iskop tax-​Xitan huwa li jħassrilna qalbna. Għalhekk, irridu noqogħdu għassa sabiex nidentifikaw kwalunkwe xewqa materjalistika li jistaʼ jkollna f’qalbna u naqilgħuha kompletament ’il barra. (Riv. 3:15-17) Ġesù ma kellu l-​ebda diffikultà biex jirrifjuta l-​offerta taʼ Satana meta offrielu s-​saltniet kollha tad-​dinja. (Mt. 4:8-10) Hu wissa: “Żommu għajnejkom miftuħin u għassu kontra kull xenqa b’għira, għax anki meta wieħed ikollu bl-​abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Lq. 12:15) Il-​lealtà se tgħinna nistrieħu fuq Ġeħova minflok fuqna nfusna.

Profeta Xwejjaħ “Qarraq Bih”

8. Il-​lealtà tal-​profeta t’Alla kif ġiet imġarrba?

8 Kieku l-​profeta baqaʼ sejjer fi triqtu lejn daru kollox kien imur sew. Madankollu, kważi mill-​ewwel reġaʼ ffaċċja prova oħra. “Ċertu profeta xiħ kien joqgħod Betel,” tgħid il-​Bibbja, “u wliedu marru għandu u rrakkontawlu” dak kollu li kien ġara iktar kmieni dakinhar. Malli semaʼ dak li kien ġara, ix-​xwejjaħ talabhom biex ixiddulu l-​ħmar ħalli jipprova jilħaq lill-​profeta t’Alla. Ftit wara, hu jsib lill-​profeta jistrieħ taħt siġra kbira u jgħidlu: “Ejja miegħi d-​dar u kul il-​ħobż.” Meta l-​bniedem taʼ l-​Alla l-​veru jirrifjuta l-​istedina, ix-​xwejjaħ iwieġeb: “Jien ukoll profeta bħalek, u anġlu kellimni skond il-​kelma taʼ Ġeħova u qalli: ‘Għidlu jiġi lura miegħek id-​dar sabiex jiekol il-​ħobż u jixrob l-​ilma.’” Imma l-​Iskrittura tgħid: “Hu qarraq bih.”—1 Slat. 13:11-18.

9. L-​Iskrittura x’tgħid dwar nies qarrieqa, u dawn lil min iweġġgħu?

9 Kien x’kien il-​motiv tal-​profeta x-​xiħ, hu gideb. Forsi dan ix-​xwejjaħ xi darba kien profeta leali taʼ Ġeħova. Madankollu, issa kien qed jaġixxi bil-​qerq. L-​Iskrittura tikkundanna b’mod sod kondotta bħal din. (Aqra Proverbji 3:32.) Dawk li jqarrqu mhux biss jagħmlu ħsara lilhom infushom spiritwalment imma wkoll ħafna drabi jagħmlu ħsara lil oħrajn.

“Mar Lura” max-​Xwejjaħ

10. Il-​profeta t’Alla kif irreaġixxa għall-​istedina tax-​xwejjaħ, u x’kien ir-​riżultat?

10 Il-​profeta minn Ġuda messu induna bil-​makakkerija tal-​profeta x-​xiħ. Hu setaʼ staqsa lilu nnifsu, ‘Ġeħova għala kellu jibgħat anġlu lil ħaddieħor b’istruzzjonijiet ġodda għalija?’ Il-​profeta setaʼ staqsa lil Ġeħova biex jiċċaralu d-​direzzjoni, imma l-​Iskrittura ma turix li għamel dan. Minflok, “mar lura [max-xwejjaħ] sabiex jiekol il-​ħobż għandu, u jixrob l-​ilma.” Ġeħova ma ħax pjaċir. Meta l-​profeta li ġie mqarraq finalment reġaʼ qabad triqtu lura lejn Ġuda, sabu ljun u qatlu. Xi tmiem traġiku għall-​karriera profetika tiegħu!—1 Slat. 13:19-25.a

11. Aħija x’eżempju tajjeb ta?

11 Min-​naħa l-​oħra, il-​profeta Aħija, li ntbagħat biex jaħtar lil Ġerobogħam bħala sultan, baqaʼ leali sa xjuħitu. Meta Aħija kien xiħ u agħma, Ġerobogħam bagħat lil martu biex tistaqsi lil Aħija dwar x’kien se jiġri minn binhom li kien marid. Aħija b’kuraġġ bassar li iben Ġerobogħam kien se jmut. (1 Slat. 14:1-18) Fost il-​ħafna barkiet li rċieva Aħija kien hemm il-​privileġġ taʼ li jikkontribwixxi għall-​Kelma ispirata t’Alla. Kif? Iktar tard, il-​qassis Esdra uża l-​kitbiet tiegħu bħala sors taʼ informazzjoni.—2 Kron. 9:29.

12-14. (a) Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-​ġrajja li involviet lill-​profeta iżgħar? (b) Uri l-​bżonn li nikkunsidraw bir-​reqqa u bit-​talb il-​pariri bbażati fuq il-​Bibbja li jingħataw mill-​anzjani.

12 Il-​Bibbja ma tgħidx għala l-​profeta ż-​żgħir ma staqsiex lil Ġeħova qabel ma dar lura u kiel u xorob max-​xwejjaħ. Jistaʼ jkun li x-​xwejjaħ qallu dak li xtaq jismaʼ? Liema lezzjoni hemm għalina f’dan? Jeħtieġ li nkunu assolutament konvinti li dak li jirrikjedi minna Ġeħova huwa sewwa. U aħna rridu nkunu determinati li nsegwu d-​direzzjoni tiegħu, jiġri x’jiġri.

13 Meta jingħataw parir, xi wħud jisimgħu dak li jaqblilhom. Per eżempju, pubblikatur jistaʼ jiġi offrut impjieg li jistaʼ jiħodlu mill-​ħin li jqattaʼ mal-​familja tiegħu jew fl-​attivitajiet teokratiċi. Hu jistaʼ jistaqsi lil xi anzjan għal parir. L-​anzjan għandu mnejn jibda l-​parir tiegħu billi jammetti li hu m’huwiex f’pożizzjoni li jgħidlu kif għandu jappoġġa l-​familja tiegħu. Imbagħad l-​anzjan forsi jirrivedi mal-​ħu l-​perikli spiritwali involuti jekk jaċċetta l-​impjieg li ġie offrut lilu. Sejjer il-​ħu jiftakar biss il-​kummenti li beda bihom l-​anzjan, jew se jikkunsidra bis-​serjetà dak li qallu wara? Ovvjament, il-​ħu għandu bżonn jiddetermina dak li hu l-​aħjar għalih spiritwalment.

14 Ikkunsidra sitwazzjoni oħra li tistaʼ tqum. Oħt għandha mnejn tistaqsi lil anzjan jekk għandhiex tissepara minn maʼ żewġha li mhux taʼ l-​istess twemmin. L-​anzjan żgur li se jispjega li d-​deċiżjoni jekk tisseparax jew le trid tiħodha hi. Hu għandu mnejn jirrivedi magħha l-​parir tal-​Bibbja fuq is-​suġġett. (1 Kor. 7:10-16) Se tikkunsidra l-​oħt bis-​serjetà dak li jgħidilha l-​anzjan? Jew diġà qatgħetha li titlaq lil żewġha? Biex tieħu d-​deċiżjoni, ikun għaqli li hi tikkunsidra bit-​talb il-​parir ibbażat fuq il-​Bibbja.

Kun Modest

15. X’nitgħallmu mill-​iżball tal-​profeta t’Alla?

15 X’nitgħallmu iktar mill-​iżball tal-​profeta minn Ġuda? Proverbji 3:5 jgħid: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess.” Minflok ma kompla jistrieħ fuq Ġeħova bħalma għamel fil-​passat, f’din l-​okkażjoni l-​profeta minn Ġuda fada fil-​ħsieb tiegħu. L-​iżball tiegħu swielu ħajtu u r-​reputazzjoni tajba tiegħu m’Alla. Kemm tenfasizza l-​esperjenza tiegħu l-​valur taʼ li naqdu lil Ġeħova bil-​modestja u l-​lealtà!

16, 17. X’se jgħinna nibqgħu leali lejn Ġeħova?

16 L-​inklinazzjoni egoistika taʼ qalbna għandha t-​tendenza li tiggwidana ħażin. “Il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata.” (Ġer. 17:9) Sabiex nibqgħu leali lejn Ġeħova, għandna nibqgħu naħdmu iebes biex ninżgħu l-​personalità l-​qadima bit-​tendenza tagħha li nkunu prużuntużi u nistrieħu fuqna nfusna. U għandna nilbsu l-​personalità l-​ġdida, “li nħolqot skond ir-​rieda t’Alla fil-​ġustizzja u l-​lealtà vera.”—Aqra Efesin 4:22-24.

17 “L-​għerf hu mal-​modesti,” jgħid Proverbji 11:2. Jekk bil-​modestja nistrieħu fuq Ġeħova se niġu megħjunin nevitaw żbalji b’konsegwenzi serji. Per eżempju, l-​iskuraġġiment jistaʼ faċilment itellifna milli nieħdu deċiżjoni tajba. (Prov. 24:10) Għandu mnejn negħjew nieħdu sehem f’xi aspett partikulari tas-​servizz sagru u nibdew inħossu li matul is-​snin għamilna biżżejjed, u b’hekk nibdew naħsbu li forsi issa wasal iż-​żmien biex oħrajn jibdew iġorru t-​tagħbija minflokna. Jew forsi nibdew nixtiequ ħajja iktar “normali.” Madankollu, jekk ‘nistinkaw kemm nifilħu’ u ‘dejjem ikollna ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej,’ qlubna se jkunu mħarsin.—Lq. 13:24; 1 Kor. 15:58.

18. X’għandna nagħmlu jekk ma nafux liema deċiżjoni għandna nieħdu?

18 Kultant, forsi jkollna bżonn nieħdu deċiżjonijiet diffiċli, u ma jkunx jidher ċar liema għażla għandna nagħmlu. Se niġu ttantati biex nagħmlu dak li jidhrilna aħna li hu sewwa? Kulmeta nsibu ruħna f’xi sitwazzjoni bħal din, inkunu għaqlin jekk nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna. “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-​għerf,” jgħid Ġakbu 1:5, “ħa jibqaʼ jitlob lil Alla, għax hu jagħti b’mod ġeneruż” lil kulħadd. Missierna tas-​sema se jagħtina l-​ispirtu qaddis li għandna bżonn sabiex inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin.—Aqra Luqa 11:9, 13.

Kun Determinat li Tibqaʼ Leali

19, 20. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

19 Is-​snin diffiċli li ġew wara li Salamun ma baqax iżomm mal-​qima vera ġarrbu bil-​kbir il-​lealtà tal-​qaddejja t’Alla. Veru, ħafna għamlu kompromess b’xi mod jew ieħor. Minkejja dan, kien hemm uħud li baqgħu leali lejn Ġeħova.

20 Kull ġurnata, aħna niffaċċjaw għażliet u deċiżjonijiet li jġarrbu l-​lealtà tagħna. Aħna wkoll nistgħu nagħtu prova li aħna leali. Ejja dejjem nibqgħu leali lejn Ġeħova hekk kif inżommu qalb sħiħa, u nkunu kompletament fiduċjużi li hu se jkompli jbierek lil-​leali tiegħu.—2 Sam. 22:26.

[Nota taʼ taħt]

a Il-Bibbja ma tgħidx jekk Ġeħova ġabx il-​mewt fuq il-​profeta x-​xiħ.

Int Kif Twieġeb?

• Għala għandna naħdmu biex naqilgħu kompletament ’il barra kwalunkwe xewqa materjalistika li jistaʼ jkollna f’qalbna?

• X’se jgħinna nibqgħu leali lejn Ġeħova?

• Il-​modestja kif se tgħinna nibqgħu leali lejn Alla?

[Stampi f’paġna 9]

Issibha int diffiċli biex tirreżisti t-​tentazzjonijiet?

[Stampi f’paġna 10]

Se tikkunsidrah bit-​talb il-​parir li tingħata bbażat fuq il-​Bibbja?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja