LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w23 Settembru pp. 14-19
  • Meta Tkun Kalm Tkun b’Saħħtek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Meta Tkun Kalm Tkun b’Saħħtek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF NISTGĦU NURU IKTAR ĦLEWWA?
  • L-GĦAQAL JGĦINNA NIBQGĦU KALMI
  • IPPREPARAW FLIMKIEN BĦALA FAMILJA
  • Il-Ħlewwa—Għala Hi taʼ Ġid Għalina?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Uri “l-Ħlewwa maʼ Kulħadd”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Kunu Mlibbsin il-Ħlewwa!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Il-Ħlewwa—Kwalità Kristjana Essenzjali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
w23 Settembru pp. 14-19

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 39

Meta Tkun Kalm Tkun b’Saħħtek

“Ilsir tal-Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili maʼ kulħadd.”—2 TIM. 2:24.

GĦANJA 120 Imitaw il-ħlewwa taʼ Kristu

ĦARSA BIL-QUDDIEMa

1. Meta nkunu x-xogħol jew l-iskola, x’jistgħu jsaqsuna?

META xi ħadd tax-xogħol jew tal-iskola jsaqsik x’temmen, tibżaʼ? Ħafna minna jħossuhom hekk. Imma meta jsaqsuna x’nemmnu, dan jistaʼ jgħinna nifhmu x’taħseb jew temmen il-persuna, u b’hekk jistaʼ jkun iktar faċli biex nagħtu xhieda. Xi kultant, xi nies isaqsu l-mistoqsijiet għax ikunu jridu jaqbdu argument. Ħafna drabi dan jiġri għax ma jkunux jafu x’nemmnu. (Atti 28:22) Barra minn hekk, qed ngħixu “fl-aħħar jiem,” meta ħafna nies “ma jkunux iridu jiftiehmu” u huma “feroċi.”—2 Tim. 3:​1, 3.

2. Għala għandna nuru l-ħlewwa?

2 Forsi ssaqsi, ‘Kif nistaʼ nibqaʼ kalm u noqgħod attent x’ngħid meta xi ħadd jipprova jargumenta miegħi fuq x’nemmen mill-Bibbja?’ Kwalità li se tgħinek hi l-ħlewwa. Persuna li turi l-ħlewwa tibqaʼ kalma meta xi ħadd jirrabjaha jew ma tkunx taf kif se twieġeb. (Prov. 16:32) Bla dubju, mhux dejjem ikun faċli biex nibqgħu kalmi. Kif tistaʼ titgħallem turi iktar ħlewwa? Kif tistaʼ twieġeb bil-ħlewwa meta xi ħadd jargumenta miegħek dwar dak li temmen? U jekk int ġenitur, kif tistaʼ tgħin lit-tfal tiegħek jibqgħu kalmi meta jiddefendu dak li jemmnu? Ejja naraw.

KIF NISTGĦU NURU IKTAR ĦLEWWA?

3. Għala nistgħu ngħidu li min ikun kalm ikun b’saħħtu? (2 Timotju 2:​24, 25)

3 Min hu kalm jew juri l-ħlewwa mhux dgħajjef, imma b’saħħtu. Trid tkun b’saħħtek biex tibqaʼ kalm f’sitwazzjoni diffiċli. Il-ħlewwa hi kwalità ‘mill-frott taʼ l-ispirtu.’ (Gal. 5:​22, 23) Il-kelma Griega għal “ħlewwa,” kultant kienet tintuża biex tiddeskrivi żiemel salvaġġ li mbagħad isir kalm. Żiemel li jsir kalm, xorta jkun b’saħħtu. Issa aħna kif nistgħu nitgħallmu nkunu kalmi u fl-istess ħin b’saħħitna? Żgur li mhux se jirnexxilna weħidna. Irridu nitolbu lil Alla għall-ispirtu tiegħu biex jgħinna naħdmu fuq din il-kwalità sabiħa. Ħafna nies irnexxielhom isiru kalmi. Pereżempju, ħafna aħwa baqgħu kalmi meta n-nies provaw jargumentaw magħhom. U dan għen lil ħafna jbiddlu l-opinjoni tagħhom dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova. (Aqra t​-2 Timotju 2:​24, 25.) Il-ħlewwa kif tistaʼ tkun waħda mill-aqwa kwalitajiet tiegħek?

4. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Iżakk?

4 Hemm ħafna rakkonti fil-Bibbja li juru kemm hu importanti li tibqaʼ kalm. Wieħed minnhom hu taʼ Iżakk. Meta mar joqgħod Gerar, il-Filistin għalqu l-bjar li kienu għamlu l-qaddejja taʼ missieru. Imma minflok qagħad jiġġieled magħhom, qabad il-familja tiegħu, mar joqgħod xi mkien ieħor u għamel bjar ġodda. (Ġen. 26:​12-18) Imma l-Filistin qalu li l-ilma t’hemmhekk kien tagħhom ukoll. Minkejja dan, Iżakk xorta żamm il-paċi. (Ġen. 26:​19-25) X’għenu jibqaʼ kalm anki meta oħrajn provaw jirrabjawh? Hu żgur li tgħallem ħafna mill-ġenituri tiegħu, għax Abraham kien iżomm il-paċi u Sara kienet mara ‘kwieta u kalma.’—1 Pt. 3:​4-6; Ġen. 21:​22-34.

5. L-eżempju tal-ġenituri taʼ Maxence x’jgħallimna?

5 Ġenituri Kristjani, intom ukoll tistgħu tgħinu lit-tfal jifhmu kemm hu importanti li tibqaʼ kalm. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Maxence, li għandu 17-il sena. Fl-iskola u fuq il-ministeru, ġieli kellu jiffaċċja nies irrabjati. Il-ġenituri tiegħu bil-paċenzja għallmuh kif jibqaʼ kalm. Huma jgħidu, “Maxence issa jifhem li hu faċli biex tirrabja jew tkun vjolenti, imma xi ħadd b’saħħtu ma jagħmilx hekk.” Illum Maxence tgħallem kif jibqaʼ kalm.

6. It-talb kif jistaʼ jgħinna nkunu iktar kalmi?

6 X’nistgħu nagħmlu meta xi ħadd jirrabjana, bħal meta xi ħadd jitkellem kontra l-Bibbja u Ġeħova? Għandna nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina l-ispirtu u l-għerf tiegħu ħalli nibqgħu kalmi. Xi ngħidu jekk wara nindunaw li bil-mod kif weġibna ma wrejniex ħlewwa? Nistgħu nerġgħu nitolbu lil Ġeħova u naraw x’nistgħu nagħmlu biex darb’oħra nitkellmu b’mod aħjar. Imbagħad, Ġeħova se jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu biex aħna nkunu nistgħu nikkontrollaw ir-rabja u nibqgħu kalmi.

7. Meta nitgħallmu bl-amment xi versi mill-Bibbja, kif se jgħinuna nibqgħu kalmi f’sitwazzjonijiet diffiċli? (Proverbji 15:​1, 18)

7 Ħafna versi mill-Bibbja jistgħu jgħinuna meta jkun diffiċli biex nibqgħu kalmi waqt li nitkellmu. L-ispirtu taʼ Ġeħova jistaʼ jgħinna niftakru dawn il-versi. (Ġw. 14:26) Pereżempju, il-prinċipji li nsibu fil-ktieb tal-Proverbji jistgħu jgħinuna nibqgħu kalmi. (Aqra Proverbji 15:​1, 18.) Dan il-ktieb jurina wkoll kemm hu tajjeb għalina li nibqgħu kalmi f’sitwazzjonijiet stressanti.—Prov. 10:19; 17:27; 21:23; 25:15.

L-GĦAQAL JGĦINNA NIBQGĦU KALMI

8. Għala għandna naħsbu x’setaʼ ġiegħel lil persuna tistaqsina mistoqsija?

8 L-għaqal jistaʼ jgħinna wkoll. (Prov. 19:11) Persuna li jkollha l-għaqal tistaʼ tikkontrolla lilha nfisha meta xi ħadd jiħodha kontriha minħabba dak li temmen. Ħafna drabi, meta n-nies isaqsuna mistoqsija ma jgħidulniex ir-raġuni għala qed isaqsuhielna. Għalhekk, qabel inwieġbu, ikun tajjeb li nifhmu li aħna ma nafux x’ġiegħel lill-persuna ssaqsi l-mistoqsija.—Prov. 16:23.

9. Gidegħon kif wera l-għaqal u l-ħlewwa meta tkellem mal-irġiel t’Efrajm?

9 Aħseb kif Gidegħon wieġeb lill-irġiel t’Efrajm. Huma bir-rabja staqsewh għala ma qalilhomx biex imorru jgħinuh fil-ġlieda kontra l-għedewwa tal-Iżraelin. Imma x’kienet ir-raġuni vera għala huma kienu rrabjati? Kienet x’kienet ir-raġuni, Gidegħon wera li kien għaqli. Hu pprova jifhem għala kienu rrabjati u kellimhom bil-ħlewwa. X’kien ir-riżultat? Il-Bibbja tgħid: “Meta kellimhom b’dan il-mod, huma kkalmaw.”—Mħ. 8:​1-3.

10. X’se jgħinna nkunu nafu kif inwieġbu lil dawk li jsaqsuna dwar dak li nemmnu? (1 Pietru 3:15)

10 Jistaʼ jkun li xi ħadd li jaħdem magħna jew xi ħadd l-iskola jistaqsina għala nobdu dak li tgħid il-Bibbja. Aħna nagħmlu l-aħjar tagħna biex niddefendu dak li nemmnu. Imma rridu nirrispettaw l-opinjoni tal-persuna. (Aqra l-​1 Pietru 3:15.) Mela minflok ma taħseb li l-persuna qed taqbad miegħek, aħseb kif il-mistoqsija tistaʼ tgħinek tkun taf x’inhu importanti għaliha. Tkun xi tkun ir-raġuni għala ssaqsik il-mistoqsija, ikun tajjeb li aħna nwieġbu bil-kalma. It-tweġiba tiegħek tistaʼ tgħinha taħseb dwar l-opinjoni tagħha. Anki jekk il-persuna tkun maledukata jew sarkastika, aħna dejjem irridu nwieġbu bil-ħlewwa.—Rum. 12:17.

Mara li taħdem maʼ oħt qed toffrilha biċċa cake. Oħrajn qed jieklu, jixorbu, u jiċċelebraw ħdejn l-uffiċċju tagħha.

Meta taħseb għala xi ħadd qed jistiednek għal birthday party, tkun tistaʼ twieġbu aħjar (Ara paragrafi 11-12)

11-12. (a) Dwar xiex għandna naħsbu qabel inwieġbu mistoqsijiet li mhux kulħadd jaqbel dwarhom? (Ara l-istampa.) (b) Agħti eżempju kif meta xi ħadd isaqsi mistoqsija tistaʼ tibda konversazzjoni.

11 Jekk xi ħadd li jaħdem miegħek jistaqsik għala ma niċċelebrawx il-birthday, aħseb ftit: Jistaʼ jkun li jaħseb li ma jħalluniex nieħdu pjaċir? Jew jaħseb li għax ma niċċelebrawx il-birthday inkunu qed inħassru l-pjaċir t’oħrajn fuq ix-xogħol? Forsi nistgħu nfaħħruh talli hu qed jaħseb f’oħrajn u ngħidulu li anki aħna nieħdu pjaċir meta l-ħaddiema jkunu ferħanin. Dan jistaʼ jgħinna biex ikollna konversazzjoni tajba dwar dak li nsibu fil-Bibbja dwar il-birthday.

12 Nistgħu nagħmlu xi ħaġa simili meta xi ħadd isaqsina mistoqsijiet li mhux kulħadd jaqbel dwarhom. Xi ħadd fl-iskola jistaʼ jgħidilna li x-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom ibiddlu l-opinjoni tagħhom dwar in-nies omosesswali. Imma jistaʼ jkun li jgħid dan għax ma jafx eżatt x’naħsbu dwarhom? Jistaʼ jkun li għandu xi ħabib jew xi ħadd minn tal-familja li hu omosesswali? Jew forsi jaħseb li aħna nobogħduhom? Jaf ikollna bżonn naċċertawh li aħna nħobbu lil kulħadd u nirrispettaw id-deċiżjonijiet tagħhom.b (1 Pt. 2:17) Imbagħad forsi nkunu nistgħu ngħidulu dak li tgħid il-Bibbja u kif meta nobdu dak li tgħidilna se jkollna ħajja aħjar.

13. Kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd li jwaqqgħek għaċ-ċajt għax temmen f’Alla?

13 Meta xi ħadd jiħodha kontrina, m’għandniex naslu għall-konklużjoni li nafu x’jemmen. (Titu 3:2) Pereżempju, xi ngħidu jekk xi ħadd fl-iskola jwaqqgħek għaċ-ċajt għax temmen f’Alla? Se taħseb li jemmen bl-evoluzzjoni u jaf ħafna dwarha? Forsi jkun qed jgħid affarijiet li jkun semaʼ. Minflok ma tipprova tiddiskuti miegħu dwar l-evoluzzjoni, forsi tistaʼ tgħid xi ħaġa li ġġiegħlu jaħseb dwarha. Forsi tistaʼ tibgħatlu link għal artiklu jew vidjow dwar il-ħolqien li hemm fuq jw.org. Jekk isib xi ħaġa li togħġbu, forsi jkun irid jitkellem dwarha miegħek. Meta nuru rispett, nistgħu ngħinu lill-persuna tkun trid titgħallem iktar dwar il-Bibbja.

14. Niall kif uża l-website b’mod tajjeb?

14 Żagħżugħ jismu Niall uża l-website tagħna biex jispjega li dak li jgħidu xi nies dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova mhux veru. Hu jgħid, “Wieħed fil-klassi kien jgħidli li jien ma nemminx fix-xjenza għax nemmen fi ktieb mimli stejjer.” Meta t-tifel tal-klassi ma ħalliehx jispjega x’jemmen, Niall urieh is-sezzjoni “Ix-xjenza u l-Bibbja” fuq jw.org. Iktar tard, Niall induna li kien daħal fuq il-website u għalhekk setaʼ jitkellem miegħu dwar kif bdiet il-ħajja. Dan jistaʼ jiġri lilek ukoll.

IPPREPARAW FLIMKIEN BĦALA FAMILJA

15. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom iwieġbu b’mod kalm meta tal-klassi ma jaqblux maʼ dak li jemmnu?

15 Il-ġenituri jistaʼ jirnexxilhom jgħallmu lit-tfal kif jibqgħu kalmi meta xi ħadd jiħodha kontrihom minħabba dak li jemmnu. (Ġak. 3:13) Xi ġenituri jużaw il-qima bħala familja biex jipprattikaw. Huma jitkellmu dwar suġġetti li jistgħu jsaqsuhom dwarhom l-iskola, juruhom kif jistgħu jwieġbu, u jgħallmu lit-tfal tagħhom kif jibqgħu kalmi u jitkellmu bil-ħlewwa. Ara l-kaxxa “Ipprattikaw Flimkien Bħala Familja.”

Tifel qed iwieġeb lil missieru waqt li qed jipprattika fil-qima bħala familja.

Ipprattikaw Flimkien Bħala Familja

Ħafna familji jsibuha t’għajnuna li waqt il-qima bħala familja jitkellmu dwar suġġetti diffiċli li jistgħu jiltaqgħu magħhom l-iskola jew ix-xogħol. (Prov. 9:9) Pereżempju, aħseb kif twieġeb jekk xi ħadd jgħid:c

  • “Nies li m’għandhomx skola biss jemmnu f’Alla.”

  • “L-evoluzzjoni hi vera.”

  • “Jekk Alla ħalaq kollox, min ħalaq lilu?”

  • “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jobogħdu lin-nies omosesswali.”

  • “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala jġiegħlu lin-nies jibdlu r-reliġjon?”

  • “Intom tispjegaw il-Bibbja kif jogħġob lilkom.”

16-17. Kif tistaʼ tuża l-qima bħala familja biex tgħin liż-żgħażagħ?

16 Meta jipprattikaw bħala familja, iż-żgħażagħ jistgħu jsiru iktar ċerti dwar dak li jemmnu u jitgħallmu jispjegawh lill-oħrajn. Fis-sezzjoni “Żgħażagħ” fuq jw.org tistaʼ ssib “Eżerċizzji” għaż-żgħażagħ. Dawn magħmulin biex jgħinu liż-żgħażagħ ikunu iktar konvinti minn dak li jemmnu u jgħinuhom jitgħallmu kif iwieġbu. Meta bħala familja nistudjaw din is-sezzjoni u s-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu,” ilkoll kemm aħna se nitgħallmu kif niddefendu l-verità b’mod kalm.

17 Żagħżugħ jismu Matthew jgħid kif għenu dak li pprattika waqt il-qima bħala familja. Hu u l-ġenituri tiegħu jistudjaw dwar suġġetti li jistgħu jsaqsuh fil-klassi tiegħu. Matthew jgħid: “Aħna naħsbu dwar mistoqsijiet li jistgħu jsaqsuni, imbagħad nagħmlu riċerka u nipprattikaw kif inkun nistaʼ nwiġibhom. Meta nifhem sew ir-raġunijiet għal dak li nemmen, inħossni aħjar. Imbagħad insibha iktar faċli biex nibqaʼ kalm meta nitkellem m’oħrajn.”

18. Skont Kolossin 4:​6, x’inhu importanti?

18 Anki meta nispjegaw l-affarijiet b’mod ċar, mhux kulħadd se jkun irid jismaʼ. Imma li nibqgħu kalmi u nitkellmu bil-ħlewwa jistaʼ jgħin. (Aqra Kolossin 4:6.) Meta nispjegaw dak li nemmnu lil xi ħadd hu bħallikieku qed inwaddbulu ballun. Nistgħu nwaddbulu l-ballun bil-mod jew bis-saħħa. Meta nwaddbulu l-ballun bil-mod, se jkollu iktar ċans li jaqbdu u jkompli jilgħab. Bl-istess mod, meta aħna noqogħdu attenti kif nitkellmu u nibqgħu kalmi, in-nies x’aktarx li se jkunu iktar lesti li jisimgħu u jkomplu jitkellmu magħna. Bla dubju, jekk xi ħadd ikun irid jargumenta magħna jew iwaqqagħna għaċ-ċajt, aħna mhux se nkomplu nitkellmu miegħu. (Prov. 26:4) Imma ħafna min-nies x’aktarx li mhux se jagħmlu hekk.

19. Għala għandna nkunu kalmi meta nitkellmu dwar dak li nemmnu?

19 Jidher ċar li meta nitgħallmu nkunu kalmi nibbenefikaw ħafna. Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tibqaʼ kalm meta twieġeb lil xi ħadd li jkun qed jikkritikak. Ftakar li meta tkun kalm, se tevita li jinqalgħu l-argumenti meta jkun hemm opinjonijiet differenti. U meta twieġeb lil xi ħadd bil-ħlewwa, tistaʼ tgħinu jbiddel il-ħarsa tiegħu lejna u lejn il-veritajiet tal-Bibbja. “Kunu dejjem lesti li tiddefendu” dak li temmnu “bil-ħlewwa u b’rispett profond.” (1 Pt. 3:15) Iva, meta tkun kalm tkun b’saħħtek!

INT KIF TWIEĠEB?

  • Kif nistgħu nsiru kalmi?

  • L-għaqal kif jistaʼ jgħinna nibqgħu kalmi meta niġu biex inwieġbu lil xi ħadd?

  • Il-ġenituri kif jistgħu jippreparaw lit-tfal tagħhom biex jibqgħu kalmi meta jiddefendu dak li jemmnu?

GĦANJA 88 Għarrafni triqatek

a Dan l-artiklu fih pariri kif nistgħu nibqgħu kalmi meta xi ħadd jiħodha kontrina jew iwaqqagħna għaċ-ċajt minħabba dak li nemmnu.

b Għal pariri tajbin, ara l-artiklu “Il-Bibbja x’tgħid dwar l-omosesswalità?” fi Stenbaħ! Nru. 4 tal-2016.

c Tistaʼ ssib pariri tajbin fis-serje t’artikli “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu” u “Mistoqsijiet komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova” fuq jw.org.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja