“Hu Jersaq Lejkom”
“[Alla] m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.”—ATTI 17:27.
1, 2. (a) Meta nħarsu lejn is-sema mimli kwiekeb, x’mistoqsija nistgħu nistaqsu dwar il-Ħallieq? (b) Il-Bibbja kif tiżgurana li aħna l-bnedmin m’aħniex insinifikanti f’għajnejn Jehovah?
QATT ħarist lejn sema mimli kwiekeb f’lejl bnazzi u bqajt imsaħħar? In-numru bla għadd taʼ kwiekeb u l-kobor infinit taʼ l-ispazju jġagħluk tibqaʼ miblugħ. F’dan l-univers immens, l-art m’hijiex ħlief naqra taʼ tikka. Ifisser dan li l-Ħallieq, “l-Għoli fuq l-art kollha,” huwa kbir wisq biex jagħti kas il-bnedmin? Jinsab Hu daqshekk ’il bogħod li diffiċli biex insiru nafuh daqskemm hu bla tarf?—Salm 83:19 (83:18, NW).
2 Il-Bibbja tiżgurana li Jehovah ma jqisx il-bnedmin bħala insinifikanti f’għajnejh, anzi l-kontra. Fil-fatt, il-Kelma t’Alla tinkuraġġina biex infittxuh, u tgħidilna: “Hu m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:27; 1 Kronaki 28:9) Tabilħaqq, jekk aħna nieħdu passi biex nersqu qrib lejn Alla, hu se jaġixxi għall-isforzi tagħna. B’liema mod? Il-kliem taʼ l-iskrittura għas-sena 2003 jagħti din it-tweġiba li tqanqal il-qalb: “Hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:8) Ejja niddiskutu xi ftit mill-barkiet meraviljużi li Jehovah jagħti b’mod tant ġeneruż lil dawk li huma qrib tiegħu.
Rigal Persunali Mingħand Jehovah
3. Jehovah liema rigal jagħti lil dawk li jersqu qrib lejh?
3 L-ewwelnett, il-qaddejja taʼ Jehovah għandhom rigal prezzjuż li hu ħejja għan-nies tiegħu. La l-poter, la r-rikkezzi, u lanqas l-edukazzjoni kollha li toffri din is-sistema t’affarijiet ma jistgħu jiggarantixxu dan ir-rigal. Huwa rigal persunali, rigal li Jehovah jagħti biss lil dawk li huma qrib tiegħu. X’inhu? Il-Kelma t’Alla twieġeb: “Jekk . . . tgħolli leħnek għall-fehma t-tajba; jekk tfittex l-għerf bħall-fidda, u tħaffer għalih bħal teżor moħbi; mbagħad tifhem il-biżaʼ tal-Mulej, u ssib it-tagħrif taʼ Alla. Għax il-Mulej jagħti l-għerf.” (Proverbji 2:3-6) Immaġina bnedmin imperfetti li kapaċi jsibu “t-tagħrif taʼ Alla”! Dan ir-rigal—it-tagħrif, jew l-għarfien, li jinsab fil-Kelma t’Alla—jitqabbel maʼ “teżor moħbi.” Għala?
4, 5. L-għarfien, jew “it-tagħrif, taʼ Alla,” għala jistaʼ jitqabbel maʼ ‘teżori moħbijin’? Agħti eżempju.
4 L-ewwel ħaġa, l-għarfien dwar Alla għandu valur kbir ferm. Waħda mill-iktar barkiet prezzjużi li jġib miegħu hi l-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 17:3) Imma dan l-għarfien itejbilna ħajjitna saħansitra minn issa. Per eżempju, bħala riżultat taʼ l-istudju bir-reqqa li għamilna mill-Kelma t’Alla, aħna sirna nafu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet importanti bħal: X’inhu l-isem t’Alla? (Salm 83:19 [83:18, NW]) X’inhi l-kundizzjoni vera tal-mejtin? (Koħèlet 9:5, 10) X’inhu l-iskop t’Alla għall-art u għall-bnedmin? (Isaija 45:18) Sirna nafu wkoll li l-aqwa mod kif nistgħu ngħixu hu billi napplikaw il-pariri għaqlin tal-Bibbja. (Isaija 30:20, 21; 48:17, 18) B’hekk, għandna gwida soda li tgħinna nkampaw maʼ l-ansjetajiet tal-ħajja u nkomplu mexjin fit-triq li ġġibilna sodisfazzjon u ferħ ġenwin. Fuq kollox, l-istudju tagħna tal-Kelma t’Alla għenna nsiru nafu l-kwalitajiet meraviljużi taʼ Jehovah u wriena kif nersqu qrib lejh. X’jistaʼ jkun iktar prezzjuż minn relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah ibbażata fuq l-għarfien dwar Alla?
5 Hemm raġuni oħra għala l-għarfien dwar Alla jistaʼ jitqabbel maʼ ‘teżori moħbijin.’ Bħal ħafna teżori, dan hu pjuttost rari f’din id-dinja. Mis-sitt biljun abitant taʼ dan il-globu, xi sitt miljun aduratur taʼ Jehovah, jew madwar 1 minn kull 1,000, sabuh l-għarfien dwar Alla. Biex nagħtu eżempju taʼ kemm hu rari t-teżor li għandna li nafu l-verità tal-Kelma t’Alla, ikkunsidra sempliċement mistoqsija waħda mill-Bibbja: X’jiġrilhom il-bnedmin meta jmutu? Aħna nafu mill-Iskrittura li r-ruħ tmut u li l-mejtin ma jafu xejn. (Eżekjel 18:4, Karm Żammit) Madankollu, it-twemmin falz li xi ħaġa ġewwa persuna tkompli tgħix wara l-mewt huwa aċċettat mill-biċċa l-kbira mir-reliġjonijiet tad-dinja. Huwa parti fundamentali mir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu. Dan jinsab ukoll fil-Buddiżmu, fil-Ġajniżmu, fil-Ġudaiżmu, fil-Ħinduiżmu, fl-Islam, fis-Sikhiżmu, fit-Taoiżmu, u fix-Xintù. Aħseb ftit—biljuni taʼ nies jinsabu mqarrqin minn din id-duttrina falza waħda.
6, 7. (a) Min biss jistaʼ jsib l-għarfien dwar Alla? (b) Liema eżempju juri li Jehovah berikna b’dehen li lanqas ħafna nies għorrief u intellettwali m’għandhom?
6 Għala ma kienx hemm iżjed nies li sabu l-għarfien dwar Alla? Għaliex aħna l-bnedmin ma nistgħux nifhmu kompletament it-tifsir tal-Kelma t’Alla mingħajr l-għajnuna Tiegħu. Ftakar li dan l-għarfien huwa rigal. Jehovah jagħtih biss lil dawk li huma lesti li jfittxu fil-Kelma tiegħu bl-onestà u bl-umiltà. Dawn forsi ma jkunux “għorrief skond il-qjies tad-dinja.” (1 Korintin 1:26) Skond il-livelli tad-dinja, ħafna minnhom jistgħu saħansitra jitqiesu bħala nies “sempliċi u bla tagħlim.” (Atti 4:13) Imma dan mhux importanti. Jehovah jippremjana bl-għarfien dwaru minħabba l-kwalitajiet li hu jara f’qalbna.
7 Ikkunsidra eżempju. Ħafna studjużi fil-Kristjaneżmu pproduċew kummentarji estensivi dwar il-Bibbja. Dawn ix-xogħlijiet taʼ referenza forsi jispjegaw l-isfond storiku, it-tifsir taʼ kliem bl-Ebrajk u bil-Grieg, u ħafna affarijiet oħra. Bl-istudju kollu tagħhom, irnexxielhom dawn l-istudjużi verament isibu l-għarfien dwar Alla? Sewwa, jifhmu huma b’mod ċar x’inhi t-tema tal-Bibbja—l-ivvindikar tas-sovranità taʼ Jehovah permezz tas-Saltna tiegħu tas-sema? Jafu li Alla Jehovah m’huwiex parti minn Trinità? Imma aħna differenti minnhom għax nistgħu nifhmu eżatt dawn l-affarijiet. Għala? Għax Jehovah berikna b’dehen biex nifhmu veritajiet spiritwali li n-nies għorrief u intellettwali ma jistgħux jifhmuhom. (Mattew 11:25) Kemm iberikhom Jehovah lil dawk li huma qrib tiegħu!
“Iħares il-Mulej lil Ħbiebu Kollha”
8, 9. (a) David kif iddeskriva barka oħra għal dawk li huma qrib Jehovah? (b) Il-Kristjani veri għala jeħtiġuha l-protezzjoni divina?
8 Dawk li huma qrib Jehovah igawdu barka oħra—il-protezzjoni divina. Is-salmista David, li għadda minn ħafna diffikultajiet u problemi, kiteb: “Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. Jaqtgħalhom xewqathom ’il dawk li jibżgħu minnu, jismaʼ l-għajta tagħhom, u jsalvahom. Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha.” (Salm 145:18-20) Iva, Jehovah hu qrib dawk li jħobbuh, u għalhekk ikun pront iwieġeb it-talb tagħhom għall-għajnuna.
9 Għala neħtiġuha l-protezzjoni divina? Minbarra li qed iħossu l-effetti taʼ dan iż-“żmien iebes” li mhux faċli ssib tarfu, il-Kristjani veri huma l-mira prinċipali taʼ l-avversarju ewlieni taʼ Jehovah, Satana x-Xitan. (2 Timotju 3:1) Dan l-għadu makakk hu determinat li ‘jiblagħna.’ (1 Pietru 5:8) Satana jagħmlilna persekuzzjonijiet, pressjonijiet, u tentazzjonijiet. Hu jfittex biex jara jistax jipprofitta ruħu minn attitudnijiet kemm tal-moħħ kif ukoll tal-qalb. F’moħħu għandu objettiv wieħed: li jdgħajfilna l-fidi tagħna u jeqridna spiritwalment. (Apokalissi 12:12, 17) Ladarba rridu niffaċċjaw għadu daqshekk qawwi, ma jqawwilniex qalbna li nkunu nafu li Jehovah ‘iħares lil ħbiebu kollha’?
10. (a) Jehovah kif iħares lin-nies tiegħu? (b) Liema xorta taʼ protezzjoni hija l-iktar importanti, u għala?
10 Iżda, Jehovah kif iħarishom lin-nies tiegħu? Il-wegħda tiegħu li jipproteġina m’hijiex garanzija taʼ ħajja mingħajr problemi f’din is-sistema; lanqas ma tfisser li hu obbligat jagħmel xi mirakli minħabba fina. Minkejja dan, Jehovah jipproteġi fiżikament lin-nies tiegħu bħala grupp. Wara kollox, hu qatt ma se jħalli lix-Xitan jeqred lill-aduraturi veri minn fuq wiċċ l-art! (2 Pietru 2:9) Fuq kollox, Jehovah jipproteġina spiritwalment. Hu jarmana b’dak li għandna bżonn biex inkunu nistgħu nissaportu l-provi u nipproteġu r-relazzjoni tagħna miegħu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-protezzjoni spiritwali hija l-iktar xorta taʼ protezzjoni importanti. Għala? Għaliex sakemm għandna din ir-relazzjoni tajba maʼ Jehovah, xejn—lanqas il-mewt—ma jistaʼ jagħmlilna ħsara li ma tistax tissewwa.—Mattew 10:28.
11. Jehovah liema provvedimenti għamel għall-protezzjoni spiritwali tan-nies tiegħu?
11 Jehovah għamel abbundanza taʼ provvedimenti għall-protezzjoni taʼ dawk li huma qrib tiegħu. Permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja, hu jagħtina l-għerf biex inkunu nistgħu nkampaw maʼ diversi provi. (Ġakbu 1:2-5) Tagħmel differenza kbira meta aħna napplikaw il-pariri prattiċi li nsibu fl-Iskrittura. Barra minn hekk, Jehovah jagħti “spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Luqa 11:13) Dak l-ispirtu huwa l-iktar forza qawwija fl-univers, u għalhekk żgur li jistaʼ jarmana biex niffaċċjaw kwalunkwe prova jew tentazzjoni li tistaʼ tinqalaʼ. Permezz taʼ Kristu, Jehovah jipprovdi “għotjiet fi rġiel.” (Efesin 4:8, NW) Meta jgħinu lill-aduraturi sħabhom, dawn l-irġiel kwalifikati spiritwalment jistinkaw biex jimitaw il-mogħdrija kbira li juri Jehovah innifsu.—Ġakbu 5:14, 15.
12, 13. (a) Jehovah liema mezz juża biex jipprovdilna l-ikel spiritwali fiż-żmien xieraq? (b) Kif tħossok dwar il-provvedimenti li Jehovah jagħmel għall-ġid spiritwali tagħna?
12 Jehovah jipprovdi xi ħaġa oħra biex iħarisna: ikel spiritwali fiż-żmien xieraq. (Mattew 24:45) Jehovah jipprovdilna dak li għandna bżonn f’waqtu permezz taʼ pubblikazzjonijiet stampati, inkluż ir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, kif ukoll il-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet. Tiftakar xi okkażjoni meta smajt xi ħaġa f’xi laqgħa, assemblea, jew konvenzjoni Kristjana li messitlek qalbek u saħħitek jew kienet taʼ faraġ għalik? Qatt qrajt xi artiklu f’waħda mir-rivisti li semmejna hawn fuq u ħassejt li kien miktub għalik?
13 Waħda mill-iktar armi effettivi taʼ Satana hija l-iskuraġġiment, u aħna wkoll niġu effettwati minn dan. Hu jaf tajjeb li iktar ma nħallu d-disprament jirkibna, iktar se nitilfu s-saħħa, u saħansitra niddgħajfu. (Proverbji 24:10) Peress li Satana qed jipprova jipprofitta ruħu minn sentimenti negattivi, aħna għandna bżonn l-għajnuna. Fir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! kultant jidhru xi artikli li jgħinuna nikkumbattu l-iskuraġġiment. Dwar artiklu minnhom, oħt Kristjana kitbet: “Jien naqra l-artiklu kważi kuljum, u dejjem jaqbiżli d-dmugħ. Inżommu ħdejn is-sodda tiegħi sabiex inkun nistaʼ nsibu meta nħossni skuraġġita. Permezz t’artikli bħal dawn, jien inħoss lil Jehovah bħallikieku jdawwar dirgħajh madwari biex jipproteġini.”a M’aħniex grati li Jehovah jipprovdilna tant ikel spiritwali f’waqtu? Ftakar, il-provvedimenti tiegħu għall-ġid spiritwali tagħna huma evidenza li hu qrib tagħna u li jinsab għal-lest biex jipproteġina.
Nistgħu Nersqu Lejn Semmiegħ it-Talb
14, 15. (a) Jehovah liema barka persunali jitfaʼ fuq dawk li huma qrib tiegħu? (b) Il-fatt li aħna nistgħu nersqu bil-libertà lejn Jehovah permezz tat-talb għala hu privileġġ taʼ l-għaġeb?
14 Qatt innotajt li malli xi ħadd jikseb il-poter u l-awtorità, spiss dawk taʼ taħtu ma jkunux jistgħu javviċinawh? Iżda, xi ngħidu dwar Alla Jehovah? Jinsab hu ’l bogħod wisq biex ikun interessat fl-espressjonijiet li jsirulu minn sempliċi bnedmin? Għall-kuntrarju! Ir-rigal tat-talb hu jerġaʼ barka oħra li Jehovah jagħti lil dawk li huma qrib tiegħu. Il-fatt li nistgħu nersqu bil-libertà lejn Semmiegħ it-talb huwa verament privileġġ taʼ l-għaġeb. (Salm 65:3 [65:2, NW]) Għala?
15 Biex nagħtu eżempju: Prinċipal taʼ kumpanija kbira għandu ħafna responsabbiltajiet. Dan jiddeċiedi liema affarijiet għandu jieħu ħsiebhom hu personalment u liema affarijiet jafda f’idejn ħaddieħor. Bl-istess mod, il-Ħakkiem Sovran taʼ l-univers għandu l-għażla li jiddetermina liema affarijiet se jinvolvi ruħu direttament fihom u liema affarijiet se jafda f’idejn ħaddieħor. Ikkunsidra dak kollu li Jehovah fada f’idejn Ibnu l-maħbub, Ġesù. L-iben ngħata “s-setgħa li jagħmel ħaqq.” (Ġwann 5:27) L-anġli ‘tqiegħdu taħtu.’ (1 Pietru 3:22) Jehovah poġġa l-ispirtu qaddis tiegħu, li hu tant qawwi, għad-dispożizzjoni taʼ Ġesù biex permezz taʼ dan l-ispirtu jkun jistaʼ jmexxi lid-dixxipli tiegħu fuq l-art. (Ġwann 15:26; 16:7) Minħabba f’hekk, Ġesù setaʼ jgħid: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.” (Mattew 28:18) Madankollu, fejn jidħol it-talb tagħna, Jehovah għażel li jinvolvi ruħu personalment. Huwa għalhekk li l-Bibbja tgħidilna biex nindirizzaw it-talb tagħna lil Jehovah biss, u biex dan nagħmluh f’isem Ġesù.—Salm 69:14 (69:13, NW); Ġwann 14:6, 13.
16. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah tassew jismaʼ talbna?
16 Jehovah tassew jismaʼ talbna? Li kieku kien indifferenti jew ma jimpurtahx, ma kienx se jħeġġiġna biex ‘nitolbu bla waqfien’ jew biex nitfgħu t-tagħbijiet u t-tħassib tagħna fuqu. (Rumani 12:12; Salm 55:22, KŻ; 1 Pietru 5:7) Qaddejja leali fi żminijiet Bibliċi kellhom fiduċja sħiħa li Jehovah jismaʼ t-talb. (1 Ġwann 5:14) B’hekk, is-salmista David stqarr: “[Jehovah] jismaʼ l-leħen tiegħi.” (Salm 55:18 [55:17, NW]) Aħna wkoll għandna għalfejn inkunu fiduċjużi li Jehovah jinsab qrib, lest li jismaʼ dwar kull tħassib u ansjetà li jistaʼ jkollna.
Jehovah Jippremja lill-Qaddejja Tiegħu
17, 18. (a) Jehovah kif iħossu dwar is-servizz leali tal-ħlejjaq intelliġenti tiegħu? (b) Spjega kif Proverbji 19:17 juri li l-għemejjel taʼ ħniena li nagħmlu kollha jiġu notati minn Jehovah.
17 Il-pożizzjoni taʼ Jehovah bħala s-Sovran Universali ma tiġix effettwata minn dak li jagħmlu jew ma jagħmlux il-bnedmin tad-demm u l-laħam. Madankollu, Jehovah hu Alla li dejjem lest juri apprezzament. Għalih hu prezzjuż—fil-fatt, għażiż—is-servizz leali tal-ħlejjaq intelliġenti tiegħu. (Salm 147:11) Dan, mela, hu benefiċċju ieħor li jgawdu dawk li huma qrib Jehovah: Hu jippremja lill-qaddejja tiegħu.—Lhud 11:6.
18 Il-Bibbja turi ċar li dak li jagħmlu l-aduraturi taʼ Jehovah huwa prezzjuż ferm f’għajnejh. Per eżempju, naqraw: “Min iħenn għall-fqir ikun qed jislef lill-Mulej, u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb.” (Proverbji 19:17) Il-konsiderazzjoni mimlija ħniena li Jehovah juri lill-fqajrin kienet riflessa fil-Liġi Mosajka. (Levitiku 14:21; 19:15) Jehovah kif iħossu meta nimitaw il-ħniena tiegħu fil-mod kif nittrattaw lill-fqajrin? Meta nagħtu lill-fqar, u ma nippretendux li jpattuhulna, Jehovah iqis dan bħallikieku qed nisilfu Lilu. Jehovah iwiegħed li jħallas lura dan id-dejn permezz t’appoġġ u barkiet. (Proverbji 10:22; Mattew 6:3, 4; Luqa 14:12-14) Iva, Jehovah iħoss qalbu titqanqal meta nuru mogħdrija lejn wieħed minn sħabna l-Kristjani li jkun fil-bżonn. Kemm aħna grati li nafu li Missierna tas-sema jinnota l-għemejjel taʼ ħniena li nagħmlu!—Mattew 5:7.
19. (a) Għala nistgħu nkunu żguri li Jehovah japprezza dak li aħna nagħmlu fix-xogħol taʼ l-ippridkar u f’li nagħmlu dixxipli? (b) Jehovah kif jippremja l-atti taʼ servizz li jsiru b’appoġġ għas-Saltna tiegħu?
19 Jehovah japprezza speċjalment ix-xogħol tagħna f’konnessjoni mas-Saltna. Meta nersqu qrib lejn Jehovah, hija ħaġa naturali li nkunu rridu nużaw il-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi tagħna biex ikollna sehem sħiħ fix-xandir tas-Saltna u f’li nagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20) Kultant, nistgħu nħossu li ma tantx qed ikollna suċċess. Taʼ bnedmin imperfetti li aħna, qalbna tistaʼ saħansitra ġġagħalna niddubitaw jekk Jehovah huwiex qed jieħu pjaċir bl-isforzi li qed nagħmlu. (1 Ġwann 3:19, 20) Imma Jehovah jgħożż kull għotja—tkun kemm tkun żgħira—basta tiġi minn qalb imqanqla mill-imħabba. (Mark 12:41-44) Il-Bibbja tiżgurana: “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu.” (Lhud 6:10) Tabilħaqq, Jehovah jiftakar u jippremja saħansitra l-iċken att taʼ servizz li nagħmlu b’appoġġ għas-Saltna tiegħu. Minbarra l-barkiet spiritwali kbar li jkollna issa, nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn il-ferħ taʼ ħajja fid-dinja l-ġdida li ġejja, meta Jehovah, b’mod ġeneruż, se jiftaħ idu u jissodisfa x-xewqat tajbin taʼ kulmin ikun qrib tiegħu!—Salm 145:16; 2 Pietru 3:13.
20. Matul is-sena 2003, kif nistgħu nżommu f’moħħna l-kliem taʼ l-iskrittura tas-sena, u b’liema riżultat?
20 Matul is-sena 2003, ejja nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex nagħmlu sforz kontinwu biex nersqu qrib Missierna tas-sema. Jekk qed nagħmlu hekk, nistgħu nibqgħu ċerti li hu se jaġixxi skond ma wiegħed. Wara kollox, Alla ma jistax jigdeb. (Titu 1:2) Jekk tersaq lejh, hu jersaq lejk. (Ġakbu 4:8) U xi jkun ir-riżultat? Barkiet kbar issa u l-prospett li nersqu dejjem eqreb lejn Jehovah għall-eternità kollha!
[Nota taʼ taħt]
a Kumment li sar minn qarrejja dwar l-artiklu “Jehovah Hu Akbar minn Qlubna,” fit-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Mejju, 2000, paġni 28-31.
Tiftakar Int?
• Jehovah liema rigal jagħtihom lil dawk li jersqu qrib lejh?
• Jehovah liema provvedimenti jagħmel sabiex in-nies tiegħu jkollhom protezzjoni spiritwali?
• Għala huwa privileġġ taʼ l-għaġeb il-fatt li nistgħu nersqu bil-libertà lejn Jehovah permezz tat-talb?
• Il-Bibbja kif turina li Jehovah japprezza s-servizz leali tal-ħlejjaq intelliġenti tiegħu?
[Stampa f’paġna 15]
Jehovah berikna b’dehen biex nifhmu veritajiet spiritwali
[Stampi f’paġna 16 , 17]
Jehovah jipprovdi protezzjoni spiritwali
[Stampa f’paġna 18]
Jehovah hu qrib, lest li jismaʼ t-talb kollu tagħna