“Ersqu Lejn Alla, U Hu Jersaq Lejkom”
Qabel u Wara—Prinċipji Bibliċi Għenuh Jinbidel
META Adrian kien żagħżugħ kien mimli rabja u riżentiment. Minħabba li kien jitlagħlu malajr kien f’daqqa waħda jiżbroffa u jsir vjolenti. Kien jixrob, ipejjep, u jgħix ħajja immorali. Adrian kien magħruf bħala punk u għamel tatwaġġ li wera kemm kien jemmen fl-anarkija. Biex jiddeskrivi dawk is-snin, hu jgħid: “Qtajt xagħri bl-istil tradizzjonali tal-punk, dliktu bil-kolla biex joqgħodli wieqaf, u kultant kont niżbgħu aħmar jew xi kulur ieħor.” Adrian ukoll għamel misluta fi mnieħru.
Adrian mar jgħix f’dar diżabitata maʼ xi żgħażagħ oħra ribellużi. Hemmhekk kienu jixorbu l-alkoħol u jieħdu d-drogi. “Jien kont nieħu l-ispeed flimkien mal-Valium u kwalunkwe ħaġa oħra li stajt nakkwista,” jgħid Adrian. “Meta ma stajtx nakkwista d-drogi jew il-kolla, kont nisraq il-petrol mill-karozzi tan-nies u kont inħossni f’estasi (high) bih.” Minħabba li kien jinvolvi ruħu fil-kriminalità fit-toroq, Adrian sar taʼ min jibżaʼ minnu u vjolenti ħafna. In-nies in ġenerali kienu jevitawh. Fl-istess ħin, minħabba r-reputazzjoni tiegħu ġibed ħbieb ħżiena.
Iktar m’għadda ż-żmien Adrian iktar beda jirrealizza li “sħabu” kienu jassoċjaw miegħu biss għal dak li setgħu jakkwistaw. Iktar minn hekk, hu induna li “r-rabja u l-vjolenza kollha ma kienu wettqu xejn.” Billi ħassu vojt u frustrat, hu telaq lil sħabu. Meta sab kopja tat-Torri taʼ l-Għassa fi nħawi fejn kien qed isir xogħol taʼ bini, hu ħassu jinġibed mill-messaġġ tal-Bibbja li kien fih, u dan wassal għal studju tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Adrian wieġeb bil-ħeġġa għall-istedina: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:8) B’hekk, Adrian malajr ħass il-bżonn li jibda japplika l-prinċipji misjubin fl-Iskrittura Mqaddsa.
L-għarfien li kompla jieħu mill-Bibbja kellu effett tajjeb fuq il-kuxjenza taʼ Adrian u biddillu ħajtu. Hu ġie megħjun jikkontrolla t-tempra tiegħu u jiżviluppa r-rażna. Grazzi għall-qawwa tal-Kelma t’Alla, il-personalità taʼ Adrian saret differenti ħafna.—Lhud 4:12.
Iżda, il-Bibbja kif jistaʼ jkollha effett daqshekk qawwi? Għarfien taʼ l-Iskrittura jgħinna ‘nilbsu l-[“personalità,” NW] l-ġdida.’ (Efesin 4:24) Iva, il-personalità tagħna tinbidel meta napplikaw l-għarfien eżatt li nsibu fil-Bibbja. Imma dan l-għarfien kif ibiddel lin-nies?
L-ewwelnett, il-Bibbja tidentifika tendenzi xejn sbieħ fil-personalità li jeħtieġ jinbidlu. (Proverbji 6:16-19) It-tieni, l-Iskrittura tħeġġiġna nuru l-kwalitajiet mixtiqin li jipproduċi l-ispirtu qaddis t’Alla. Dawn jinkludu “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.”—Galatin 5:22, 23.
Fehma iktar profonda taʼ dak li Alla jirrikjedi għenet lil Adrian biex jeżamina lilu nnifsu u jara liema tendenzi fil-personalità kellu bżonn jikkultiva u dawk li kellu jelimina. (Ġakbu 1:22-25) Imma dan kien biss il-bidu. Flimkien maʼ l-għarfien, kien hemm bżonn tal-motivazzjoni—xi ħaġa li tqanqal lil Adrian biex ikun irid jinbidel.
Adrian tgħallem li l-personalità l-ġdida tant mixtieqa tissawwar ‘skond ix-xbieha taʼ min ħalaqha.’ (Kolossin 3:10) Hu rrealizza li l-personalità taʼ Kristjan għandha tkun tixbah lil dik t’Alla nnifsu. (Efesin 5:1) Permezz taʼ studju tal-Bibbja, Adrian tgħallem dwar kif Jehovah ittratta lill-umanità u ra l-kwalitajiet mill-aqwa t’Alla, bħalma huma l-imħabba, il-qalb tajba, il-ħniena, u l-ġustizzja tiegħu. Dan l-għarfien qanqal lil Adrian biex iħobb lil Alla u biex jistinka ħalli jkun it-tip taʼ bniedem li Jehovah japprova.—Mattew 22:37.
Maż-żmien u bl-għajuna taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla, Adrian irrnexxielu jikkontrolla t-tempra vjolenti tiegħu. Hu u martu issa qed iħabirku biex jgħinu lil oħrajn ibiddlu ħajjithom bl-għajnuna taʼ l-għarfien mill-Bibbja. “Għall-kuntrarju tal-ħbieb li kelli qabel, li issa huma mejtin, jien għadni ħaj u qed ingawdi ħajja taʼ familja ferħana,” jgħid hu. Adrian hu evidenza ħajja tal-qawwa li l-Bibbja għandha biex tbiddel il-ħajjiet għall-aħjar.
[Kumment f’paġna 25]
“Ir-rabja u l-vjolenza kollha ma kienu wettqu xejn”
[Kaxxa f’paġna 25]
Il-Prinċipji tal-Bibbja fil-Prattika
Dawn li ġejjin huma xi prinċipji Bibliċi li għenu lil ħafna nies li kienu vjolenti u jirrabjaw malajr sabiex isiru nies paċifiċi:
“Għixu fil-paċi maʼ kulħadd. Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla taʼ Alla tagħmel hi.” (Rumani 12:18, 19) Ħalli lil Alla jiddetermina meta u fuq min għandu jkun hemm il-vendetta. Hu jistaʼ jagħmel dan għax jaf il-fatti kollha, u kwalunkwe vendetta li toriġina minnu se tirrifletti l-ġustizzja perfetta tiegħu.
“Tinkurlaw? Imma tidinbux; tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom, u tagħtux wisaʼ lix-xitan.” (Efesin 4:26, 27) Bniedem jistaʼ kultant ikollu raġun jirrabja minħabba xi sitwazzjoni. Jekk dan jiġri, m’għandux jibqaʼ ‘inkorlat.’ Għala? Għax dan jistaʼ jqanqlu biex jagħmel xi ħaġa ħażina, u b’hekk jagħti “wisaʼ lix-xitan,” u dan jirriżulta fid-diżapprovazzjoni t’Alla Jehovah.
“Ħallik mill-korla u la tirrabjax; tinkedd xejn, għax deni jiswielek.” (Salm 37:8) Emozzjonijiet mhux kontrollati jwasslu għal azzjonijiet mhux kontrollati. Jekk individwu jirrabja, hi jew hu x’aktarx li se jgħidu jew jagħmlu xi ħaġa li se tweġġaʼ lil kulmin ikun involut.