LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 4/1 pp. 14-18
  • Afda lil Jehovah Biex Iwettaq l-Iskop Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Afda lil Jehovah Biex Iwettaq l-Iskop Tiegħu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Mar Ħażin?
  • L-​Iskop T’Alla Ma Nbidilx
  • Huma Fdaw Lil Jehovah
  • Xhieda Kristjani Jafdaw F’Alla
  • Jehovah Jwettaq il-Wegħdi Tiegħu lil Dawk Leali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ġeħova sejjaħlu “l-ħabib tiegħi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Prova tal-fidi
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • “Qawwu Qalbkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 4/1 pp. 14-18

Afda lil Jehovah Biex Iwettaq l-Iskop Tiegħu

“It-​twajbin infushom se jkollhom pussess taʼ l-​art, u se jgħammru għal dejjem fuqha.”—SALM 37:29.

1. X’inhu l-​iskop taʼ Jehovah għall-​bnedmin u għal din l-​art?

META Jehovah ħalaq lill-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, għamilhom perfetti. U ħalaqhom biex jistgħu jgħixu għal dejjem fuq din l-​art​—jekk huma jobdu l-​liġijiet tiegħu. (Ġenesi 1:26, 27; 2:17) Iktar minn hekk, Alla poġġiehom f’ambjent taʼ ġenna. (Ġenesi 2:8, 9) Jehovah qalilhom: “Agħtu l-​frott u siru ħafna u imlew l-​art u rażżnuha.” (Ġenesi 1:28) B’hekk, in-​nisel tagħhom eventwalment kellhom jinfirxu maʼ l-​art kollha, u din il-​pjaneta ssir ġenna mimlija b’razza taʼ bnedmin perfetta u hienja. X’bidu mill-​aħjar kellha l-​familja umana! “Alla ra kull ħaġa li kien għamel u, ħares! kienet tajba ħafna.”—Ġenesi 1:31.

2. L-​istat taʼ l-​interessi umani jqajjem liema mistoqsijiet?

2 Madankollu, l-​istat taʼ interessi umani li eżista għal eluf taʼ snin ma jixbah bl-​ebda mod l-​iskop oriġinali t’Alla. L-​umanità tinsab ’il bogħod ħafna mill-​perfezzjoni u ’l bogħod milli tkun hienja. Il-​kundizzjonijiet dinjin kienu u għadhom taʼ niket, u kif ġie pprofetizzat, marru għall-​agħar b’mod drammatiku fi żmienna. (2 Timotew 3:1-5, 13) Mela kif nistgħu nkunu fiduċjużi li l-​iskop t’Alla għall-​bnedmin se jiġi rrealizzat fil-​futur qarib? Se jgħaddu iżjed perijodi twal taʼ żmien b’kundizzjonijiet kontinwi taʼ niket?

X’Mar Ħażin?

3. Jehovah għala ma temmx minnufih l-​irvell taʼ l-​umanità?

3 Dawk li għandhom għarfien eżatt tal-​Kelma mnebbħa t’Alla jafu għala Jehovah ippermetta dawn il-​kundizzjonijiet ħżiena fuq l-​art. Huma wkoll jafu x’se jagħmel dwarhom. Mir-​rakkont tal-​Bibbja, tgħallmu li l-​ewwel ġenituri tagħna użaw ħażin ir-​rigal taʼ l-​għaġeb taʼ l-​għażla libera li Alla kien ta lill-​bnedmin. (Qabbel 1 Pietru 2:16.) Huma għażlu b’mod ħażin il-​korsa taʼ indipendenza minn Alla. (Ġenesi, kapitli 2 u 3) L-​irvell tagħhom qajjem mistoqsijiet taʼ l-​akbar importanza, bħal: Is-​Sovran Universali għandu d-​dritt li jaħkem fuq il-​bnedmin? Hija l-​ħakma tiegħu l-​aħjar waħda għalihom? Tistaʼ ħakma umana tirnexxi mingħajr l-​indokrar t’Alla? Il-​mod ċert biex jinstabu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet kien li jitħallew jgħaddu sekli sħaħ taʼ ħakma umana. Ir-​riżultati kellhom juru mingħajr ebda dubju jekk il-​bnedmin setgħux ikollhom suċċess mingħajr Dak li għamilhom.

4, 5. (a) X’kien ir-​riżultat taʼ li l-​bnedmin irrifjutaw il-​ħakma t’Alla? (b) Il-​medda tas-​snin x’uriet mingħajr ebda dubju?

4 Meta Adam u Eva telqu lil Alla, hu ma baqax isostnihom fil-​perfezzjoni. Mingħajr l-​appoġġ tiegħu, huma ddeterjoraw. Ir-​riżultat kien imperfezzjoni, xjuħija, u fl-​aħħar mewt. Bil-​liġijiet taʼ l-​eredità, l-​ewwel ġenituri tagħna għaddew dawk il-​karatteristiċi negattivi għal fuq id-​dixxendenti tagħhom kollha, inklużi aħna. (Rumani 5:12) U xi ngħidu dwar ir-​riżultat taʼ eluf taʼ snin taʼ ħakma umana? Kien katastrofiku, bħalma jistqarr b’mod veru Ekkleżjasti 8:9: “Bniedem iddomina lil bniedem bi ħsara għalih.”

5 Iż-​żmien li għadda wera b’mod konklussiv li l-​bnedmin m’għandhomx il-​ħila li jidderieġu b’suċċess l-​interessi tagħhom mingħajr il-​Ħallieq tagħhom. Il-​kittieb Bibliku mnebbaħ Ġeremija ddikjara: “Jien naf sewwa, O Jehovah, li għall-​bniedem taʼ l-​art il-​mogħdija tiegħu ma tappartjenix lilu. Ma jappartjenix lill-​bniedem li miexi saħansitra li jidderieġi l-​pass tiegħu.”—Ġeremija 10:23; Dewteronomju 32:4, 5; Ekkleżjasti 7:29.

L-​Iskop T’Alla Ma Nbidilx

6, 7. (a) L-​eluf taʼ snin taʼ storja umana biddluh l-​iskop taʼ Jehovah? (b) X’inhu inkluż fl-​iskop taʼ Jehovah?

6 L-​eluf taʼ snin li għaddew taʼ storja umana​—tant mimlija b’ħażen u sofferenza—​biddlu l-​iskop t’Alla? Il-​Kelma tiegħu tistqarr: “Dan hu dak li qal Jehovah, il-​Ħallieq tas-​smewwiet, Hu l-​veru Alla, Dak li sawwar l-​art u Dak li għamilha, Hu l-​Wieħed li stabbiliha fis-​sod, li ma ħalaqhiex sempliċement għal xejn, li sawwarha saħansitra biex tkun abitata.” (Isaija 45:18) Mela Alla fforma l-​art biex tkun abitata minn bnedmin, u dak għadu l-​iskop tiegħu.

7 Jehovah mhux biss ħalaq l-​art biex tkun abitata imma l-​iskop tiegħu kien ukoll li hi ssir ġenna li titgawda minn nies perfetti u henjin. Kien għalhekk li l-​Bibbja bassret li se jkun hemm “art ġdida,” soċjetà umana ġdida, li fiha “t-​tjieba għandha tgħammar.” (2 Pietru 3:13) U f’​Rivelazzjoni 21:​4, il-​Kelma t’Alla tgħidilna li fid-​dinja ġdida tiegħu, ‘se jimsaħ kull demgħa minn għajnejn il-​bnedmin, u l-​mewt mhix se tkun iżjed, u la l-​għali u la l-​biki u lanqas l-​uġigħ ma jkunu iżjed.’ Kien minħabba f’dawn ir-​raġunijiet li Ġesù setaʼ jitkellem dwar dik id-​dinja ġdida li ġejja fuq l-​art bħala “Ġenna.”—Luqa 23:43.

8. Għala nistgħu nkunu żguri li Jehovah se jwettaq l-​iskop tiegħu?

8 Ladarba Jehovah hu l-​Ħallieq kollu qawwa u kollu għerf taʼ l-​univers, ħadd ma jistaʼ jfixkel l-​iskop tiegħu. “Jehovah taʼ l-​armati ħalef, billi qal: ‘Żgur li bħalma stħajjilt jien, hekk irid jiġri; u sewwa sew bħalma tajt parir jien, dak hu li se jseħħ.’” (Isaija 14:24) B’hekk, meta Alla jgħid li se jagħmel lil din l-​art ġenna abitata minn nies perfetti, dak hu li se jseħħ. Ġesù qal: “Henjin il-​kalmi, ladarba se jirtu l-​art.” (Mattew 5:5; qabbel Salm 37:29.) Aħna nistgħu nkunu żguri u naġixxu fi qbil mat-​twettieq taʼ dik il-​wegħda. Fil-​fatt, nistgħu nissograw l-​istess ħajjiet tagħna għaliha.

Huma Fdaw Lil Jehovah

9. Abraham x’għamel li wera l-​fiduċja tiegħu f’Jehovah?

9 Ħafna nies li kellhom il-​biżaʼ t’Alla matul l-​istorja umana fil-​fatt issograw il-​ħajjiet tagħhom minħabba l-​iskop t’Alla għall-​art għaliex kienu konvinti li hu kien se jwettqu. Għalkemm l-​għarfien tagħhom setaʼ kien limitat, huma fdaw lil Alla u bnew il-​ħajjiet tagħhom fuq li jagħmlu r-​rieda tiegħu. Per eżempju, kien hemm Abraham, li għex madwar 2,000 sena qabel ma Ġesù għex fuq l-​art​—ħafna qabel ma bdiet tinkiteb il-​Bibbja. Hu fada lil Jehovah biex iwettaq il-​wegħdiet Tiegħu. X’aktarx, Abraham tgħallem dwar il-​Ħallieq mingħand l-​antenat leali tiegħu Xem, li kien mgħallem minn Noè. Mela meta Alla qal lil Abraham biex joħroġ ’il barra minn Ur, belt prosperuża tal-​Kaldin, għal ġo l-​art perikoluża u mhix familjari taʼ Kagħnan, dak il-​patrijarka kien jaf li setaʼ jafda lil Jehovah, u għalhekk mar. (Ebrej 11:8) Maż-​żmien, Jehovah qallu: “Se nagħmel ġens kbir minnek.”—Ġenesi 12:2.

10, 11. Abraham għala kien lest li joffri lill-​iben uniġenitu tiegħu, Iżakk?

10 X’ġara wara li Iżakk twieled lil Abraham? Jehovah indika lil Abraham li kien permezz taʼ Iżakk li d-​dixxendenti tiegħu kienu se jiżżviluppaw f’ġens kbir. (Ġenesi 21:12) B’hekk, setgħet dehret bħala kontradizzjoni kbira meta Jehovah qal lil Abraham, bħala prova tal-​fidi tiegħu, biex jissagrifika lil ibnu Iżakk. (Ġenesi 22:2) Madankollu, b’fiduċja sħiħa f’Jehovah, Abraham ħa l-​passi biex jaġixxi mal-​kmand, billi attwalment refaʼ s-​sikkina tiegħu biex ibiċċer lil Iżakk. Fl-​aħħar mument, Alla bagħat anġlu biex iżomm lil Abraham.—Ġenesi 22:9-14.

11 Abraham għala kien tant ubbidjenti? Ebrej 11:17-19 jirrivela: “Bil-​fidi Abraham, meta kien ittestjat, kważi offrieh lil Iżakk, u r-​raġel li bil-​ferħ kien irċieva l-​wegħdiet ittanta joffri lill-​iben uniġenitu tiegħu, għalkemm kien intqal lilu: ‘Dak li se jissejjaħ “iż-​żerriegħa tiegħek” se jkun permezz taʼ Iżakk.’ Imma hu qies li Alla kien kapaċi jqajmu saħansitra mill-​imwiet; u minn hemm tassew irċevieh ukoll b’mod taʼ xebh.” Rumani 4:20, 21 b’mod simili jistqarr: “Minħabba l-​wegħda t’Alla [Abraham] ma qagħadx itellaʼ u jniżżel b’nuqqas taʼ fidi, . . . billi kien konvint għalkollox li dak li [Alla] kien wiegħed kien kapaċi wkoll jagħmlu.”

12. Abraham kif kien ippremjat għall-​fidi tiegħu?

12 Abraham ġie ppremjat għall-​fidi tiegħu mhux biss b’li Iżakk jiġi skansat u b’li jkollu “ġens kbir” permezz tiegħu imma wkoll b’mod ieħor. Alla qal lil Abraham: “Permezz taż-​żerriegħa tiegħek il-​ġnus kollha taʼ l-​art ċertament li se jbierku lilhom infushom minħabba l-​fatt li inti smajt minn leħni.” (Ġenesi 22:18) Kif? Is-​Sultan tas-​Saltna tas-​sema t’Alla kellu jiġi permezz tal-​linja taʼ dixxendenza taʼ Abraham. Dik is-​Saltna se tfarrak mill-​eżistenza lil din id-​dinja mill-​agħar taħt Satana. (Danjel 2:44; Rumani 16:20; Rivelazzjoni 19:11-21) Imbagħad, f’art imnaddfa taħt il-​ħakma tas-​Saltna, il-​Ġenna se tiġi żviluppata globalment, u mill-​“ġnus kollha” l-​bnedmin li jagħmlu r-​rieda t’Alla se jgawdu saħħa u ħajja perfetti għal dejjem. (1 Ġwann 2:15-17) U għalkemm Abraham kien jippossjedi biss għarfien limitat tas-​Saltna, hu fada lil Alla u ħares ’il quddiem lejn it-​twaqqif tagħha.—Ebrej 11:10.

13, 14. Ġob għala fada lil Alla?

13 Ħafna mijiet taʼ snin wara, kien hemm Ġob, li għex bejn is-​sekli 17 u 16 Q.E.K. f’dik li hi issa l-​Arabja. Hu wkoll għex qabel ma bdiet tinkiteb il-​Bibbja. Ġob “ta prova li kien bla ħtija u rett, u jibżaʼ minn Alla u jwarrab mill-​ħażen.” (Ġob 1:1) Meta Satana tafaʼ marda mistmerra u taʼ wġigħ fuq Ġob, dak ir-​raġel leali “ma lissinx kelma midinba waħda” matul l-​esperjenza ħarxa tiegħu. (Ġob 2:10, The New English Bible) Ġob fada lil Alla. U fil-​waqt li ma kienx jaf id-​dettalji dwar il-​għala kien qed ibati daqshekk, hu ssogra ħajtu għal Alla u għall-​wegħdiet Tiegħu.

14 Ġob kien jaf li saħansitra jekk imut, Alla setaʼ xi darba jerġaʼ jagħtih il-​ħajja permezz taʼ l-​irxoxt. Hu indika din it-​tama meta qal lil Alla Jehovah: “O li f’Xeol [il-qabar] int kont taħbini, . . . li kont taħtar limitu taʼ żmien għalija u tiftakar fija! Jekk bniedem f’saħħtu jmut jistaʼ jgħix mill-​ġdid? . . . Int se ssejjaħ, u jien innifsi se nwieġbek.” (Ġob 14:13-15) Għalkemm f’agunija, Ġob wera fidi fis-​sovranità taʼ Jehovah, billi stqarr: “Sakemm immut miniex se nneħħi l-​integrità tiegħi minni nnifsi!”—Ġob 27:5.

15. David kif esprima l-​fiduċja tiegħu fl-​iskop taʼ Jehovah?

15 Xi sitt sekli wara Ġob u madwar elf sena qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art, David esprima l-​fiduċja tiegħu f’dinja ġdida. Hu qal fis-​salmi: “Dawk li qegħdin jittamaw f’Jehovah huma dawk li se jkollhom pussess taʼ l-​art. U ftit ieħor biss, u l-​wieħed mill-​agħar mhux se jkun iżjed . . . Imma l-​ġwejdin infushom se jkollhom pussess taʼ l-​art, u huma tabilħaqq se jsibu l-​għaxqa bnina tagħhom fl-​abbundanza taʼ paċi. It-​twajbin infushom se jkollhom pussess taʼ l-​art, u se jgħammru għal dejjem fuqha.” Minħabba t-​tama tiegħu li ma titbiddilx, David ħeġġeġ: “Afda f’Jehovah . . . Ukoll ħu pjaċir skwiżit b’Jehovah, u hu se jagħtik dak li titlob qalbek.”—Salm 37:3, 4, 9-11, 29.

16. ‘Sħaba kbira taʼ xhieda’ liema tama kellhom?

16 Matul is-​sekli, irġiel u nisa leali kellhom din l-​istess tama taʼ ħajja eterna fuq l-​art. Fil-​fatt, huma kienu jifformaw ‘sħaba kbira taʼ xhieda’ li b’mod tassew litterali ssograw il-​ħajjiet tagħhom fuq il-​wegħdiet taʼ Jehovah. Ħafna minn dawk ix-​xhieda taʼ Jehovah tal-​qedem kienu ttorturati u maqtulin minħabba l-​fidi tagħhom, “sabiex ikunu jistgħu jiksbu rxoxt aħjar.” Dan kif? Fid-​dinja l-​ġdida, Alla se jippremjahom b’irxoxt aħjar u l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 5:28, 29; Ebrej 11:35; 12:1.

Xhieda Kristjani Jafdaw F’Alla

17. Kristjani fl-​ewwel seklu kemm fdaw b’mod sod lil Jehovah?

17 Fl-​ewwel seklu E.K., Jehovah irrivela lill-​kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kif ġiet stabbilita iżjed dettalji dwar is-​Saltna u l-​ħakma tagħha fuq l-​art. Per eżempju, l-​ispirtu tiegħu nebbaħ lill-​appostlu Ġwanni biex jikteb li l-​għadd taʼ dawk li kellhom ikunu assoċjati maʼ Ġesù Kristu fis-​Saltna tas-​sema kellu jkun 144,000. Dawn kellhom ikunu qaddejja leali t’Alla li kienu ġew “mixtrijin minn fost il-​bnedmin.” (Rivelazzjoni 7:4; 14:1-4) Huma kienu se jaħkmu għal fuq l-​art “bħala slaten” maʼ Kristu fis-​sema. (Rivelazzjoni 20:4-6) Dawk il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu tant kienu jafdaw b’mod sod lil Jehovah, li hu se jwettaq l-​iskop tiegħu għas-​Saltna tas-​sema u d-​dominju tagħha fuq l-​art, li kienu lesti li jagħtu ħajjiethom għall-​fidi tagħhom. Ħafna minnhom fil-​fatt għamlu preċiż hekk.

18. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah illum kif jimitaw lil dawk li kienu jixbhuhom fil-​passat?

18 Illum, kważi ħames miljun Xhieda taʼ Jehovah għandhom l-​istess fiduċja f’Alla kif kellhom dawk li kienu jixbhuhom u li kienu jgħixu sekli qabilhom. Dawn ix-​Xhieda tal-​preżent ukoll issograw ħajjiethom fuq il-​wegħdiet t’Alla. Huma ddedikaw ħajjiethom lilu u għandhom il-​Bibbja kompluta biex issaħħilhom il-​fidi tagħhom. (2 Timotew 3:14-17) Dawn ix-​Xhieda taʼ Jehovah taż-​żmien modern jimitaw lis-​segwaċi taʼ Ġesù taʼ l-​ewwel seklu li ddikjaraw li huma kienu se ‘jobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-​bnedmin.’ (Atti 5:29) F’dan is-​seklu ħafna minn dawn ix-​Xhieda Kristjani ġew ippersegwitati b’mod krudil. Xi wħud ġew saħansitra maqtulin minħabba l-​fidi tagħhom. Oħrajn mietu minħabba mard, diżgrazzji, jew xjuħija. Bħal xhieda leali taż-​żmien l-​imgħoddi, madankollu, huma fdaw lil Alla għaliex kienu jafu li hu se jerġaʼ jagħtihom il-​ħajja fid-​dinja ġdida tiegħu permezz taʼ l-​irxoxt.—Ġwann 5:28, 29; Atti 24:15; Rivelazzjoni 20:​12, 13.

19, 20. X’nirrikonoxxu aħna dwar il-​profezija tal-​Bibbja għal żmienna?

19 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah japprezzaw li l-​fatt li ġew maħruġin mill-​ġnus kollha għal ġo fratellanza globali waħda kien imbassar żmien twil ilu fil-​profezija tal-​Bibbja. (Isaija 2:2-4; Rivelazzjoni 7:4, 9-17) U Jehovah qed iqabbadhom jagħmlu xogħol taʼ ppridkar mad-​dinja kollha biex jiġbor għall-​favur u l-​protezzjoni tiegħu jerġaʼ lil oħrajn taʼ qalb onesta. (Proverbji 18:10; Mattew 24:14; Rumani 10:13) Dawn kollha jpoġġu l-​fiduċja sħiħa tagħhom f’Jehovah, billi jafu li hu dalwaqt se jġib id-​dinja ġdida meraviljuża tiegħu.—Qabbel 1 Korintin 15:58; Ebrej 6:10.

20 Il-​profeziji tal-​Bibbja jindikaw li d-​dinja taʼ Satana ilha fl-​aħħar jiem tagħha għal kważi 80 sena issa, mis-​sena kruċjali taʼ l-​1914. Din id-​dinja qiegħda toqrob lejn tmiemha. (Rumani 16:20; 2 Korintin 4:4; 2 Timotew 3:1-5) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għalhekk għandhom kuraġġ u determinazzjoni għaliex jirrealizzaw li dalwaqt is-​Saltna t’Alla se tieħu kontroll sħiħ taʼ l-​interessi kollha taʼ l-​art. Billi jtemm did-dinja preżenti mill-​agħar u jġib id-​dinja ġdida taʼ tjieba tiegħu, Alla se jħassar għalkollox is-​sitwazzjoni ħażina li ilha teżisti fuq l-​art għal tant sekli.—Proverbji 2:21, 22.

21. Għala nistgħu nifirħu minkejja l-​inkwiet tal-​preżent?

21 Imbagħad, għall-​eternità kollha, Alla se juri l-​interess kbir tiegħu fina billi jitfaʼ fuqna barkiet li se jpattu bil-​kbir għal kwalunkwe uġigħ li rċevejna fil-​passat. Tant se nġarrbu affarijiet tajbin fid-​dinja l-​ġdida li l-​inkwiet taʼ qabel se jisparixxi mill-​memorja. Kemm hu taʼ faraġ li tkun taf li Jehovah imbagħad se ‘jiftaħ idu u jissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’—Salm 145:16; Isaija 65:17, 18.

22. Għala għandna npoġġu l-​fiduċja tagħna f’Jehovah?

22 Fid-​dinja l-​ġdida, l-​umanità leali se tara t-​twettieq taʼ Rumani 8:21: “Il-​ħolqien innifsu wkoll se jinħeles mill-​jasar għall-​korruzzjoni u jkollu l-​libertà glorjuża tat-​tfal t’Alla.” Huma se jaraw titwettaq din it-​talba li Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa tintgħamel ir-​rieda tiegħek, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:10) Mela poġġi l-​fiduċja sħiħa tiegħek f’Jehovah għaliex il-​wegħda infallibbli tiegħu hi: “It-​twajbin infushom se jkollhom pussess taʼ l-​art, u se jgħammru għal dejjem fuqha.”—Salm 37:29. (w94 3/15)

Kif Twieġeb Int?

◻ X’inhu l-​iskop taʼ Jehovah għall-​bnedmin u għal din l-​art?

◻ Alla għala ppermetta kundizzjonijiet ħżiena fuq l-​art?

◻ Nies leali tal-​qedem kif urew il-​fiduċja tagħhom f’Jehovah?

◻ Il-​qaddejja t’Alla llum għala jafdaw f’Jehovah?

[Stampa f’paġna 17]

Abraham poġġa l-​fiduċja tiegħu fl-​abbiltà taʼ Jehovah li jirxoxta lill-​mejtin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja