Lejaltà b’Liema Prezz?
“ Maʼ xi ħadd lejali int se taġixxi bil-lejalta.”−SALM 18:25.
1, 2. (a) X’inhi l-lejaltà, u l-aspetti tagħha kif jeffettwaw il-ħajjiet tagħna? (b) Għala hu tajjeb li nduru lejn Jehovah bħala l-Eżempju li jispikka għalina?
FEDELTÀ, dover, imħabba, obbligu, allejanza. Dawn il-kelmiet x’għandhom komuni? Dawn huma aspetti differenti tal-lejaltà. Il-lejaltà hija kwalità taʼ tjieba li tinbet minn devozzjoni li ġejja mill-qalb. Għal ħafna nies illum, madankollu, il-lejaltà tfisser ftit li xejn. Fedeltà lejn is-sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ, obbligi lejn membri xjuħ tal-familja, allejanza taʼ impjegat lejn min iħaddmu—kollha huma każwali u taʼ spiss jiġu kompromessi. U x’jiġri fejn iqum konflitt fil-lejaltajiet? Dan l-aħħar, fl-Ingilterra, meta skrivan qal il-verità dwar il-finanzi tal-kumpanija tiegħu lill-ispetturi tat-taxxa, hu tilef l-impjieg.
2 Huwa faċli li sempliċement titkellem dwar il-lejaltà, imma l-lejaltà vera trid tkun appoġġjata mill-azzjoni li ma tinvolvix kompromess bil-biżaʼ. Bħala bnedmin imperfetti, aħna taʼ spiss nonqsu f’dan. Mela huwa tajjeb għalina li nikkunsidraw l-eżempju taʼ wieħed li l-lejaltà tiegħu ma tistax tiġi ddubitata b’suċċess, Alla Jehovah innifsu.
Il-Lejaltà Eżemplifikata
3. Jehovah kif wera li kien lejali lejn l-iskop tiegħu mistqarr f’Ġenesi 3:15?
3 Meta Adam dineb, Jehovah esprima b’mod ċar l-iskop tiegħu biex jifdi lill-familja umana li kienet għadha ma twelditx. Il-bażi għal din l-azzjoni kienet l-imħabba tiegħu lejn il-ħolqien uman tiegħu. (Ġwann 3:16) Maż-żmien f’waqtu, Ġesù Kristu, iż-żerriegħa tal-wegħda mbassra f’Ġenesi 3:15, wera li kien is-sagrifiċċju taʼ rahan, u lanqas biss tistaʼ timmaġina li Jehovah kien se jmur lura mill-iskop li kien esprima. F’li naċċettaw is-sagrifiċċju taʼ Ġesù, il-fidi tagħna mhix se twassal għal diżappunt.—Rumani 9:33.
4. Jehovah kif wera lilu nnifsu lejali lejn Ġesù, u b’liema riżultat?
4 Il-lejaltà taʼ Jehovah għal Ġesù saħħitu ħafna lill-Iben matul iż-żmien li qattaʼ fuq l-art. Ġesù kien jaf li ried jiffaċċja l-mewt, u kien determinat b’mod sod li jibqaʼ lejali lejn Alla tiegħu sat-tmiem. Għarfien akbar tal-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem ġie rrivelat lilu fil-magħmudija u d-dlik tiegħu bl-ispirtu qaddis. Fil-lejl meta ġie ttradut, hu talab li jiġi restawrat lil Missieru tas-sema għall-‘glorja li kellu maʼ ġenb Jehovah qabel kienet id-dinja.’ (Ġwann 17:5) Dan kif kien se jkun possibbli? Biss billi Jehovah ma jħallix lill-Iben lejali tiegħu fil-qabar biex jara l-korruzzjoni. Jehovah qajmu mill-mewt għall-immortalità, billi b’hekk wettaq bil-lejaltà l-wegħda profetika misjuba f’Salm 16:10: “Int m’intix se tħalli lil ruħi f’Xeol.”—Atti 2:24-31; 13:35; Rivelazzjoni 1:18.
5. Liema atti lejali oħra huma marbutin mal-wegħdiet taʼ Jehovah lil Ġesù?
5 Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù bl-istess mod kien jaf li setaʼ joqgħod fuq l-istqarrija taʼ Jehovah li ‘jpoġġi lill-egħdewwa tiegħu bħala banketta għal saqajh.’ (Salm 110:1) Dak iż-żmien wasal fl-1914, fit-tmiem taż-“żminijiet maħtura tal-ġnus,” bit-twaqqif tas-Saltna fis-smewwiet. Ir-rebħa mwiegħda taʼ Ġesù fuq l-egħdewwa tiegħu bdiet bit-tkeċċija taʼ Satana u d-demonji tiegħu mis-sema. Se tilħaq il-quċċata tagħha meta huma jintefgħu fl-abbiss għal elf sena u “s-slaten tal-art u l-armati tagħhom” ikunu ġew meqrudin.—Luqa 21:24; Rivelazzjoni 12:7-12; 19:19; 20:l-3.
6. Liema tama ċerta jestendilna Alla u kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għaliha?
6 Is-salmista ħeġġeġ: “Ittama f’Jehovah u żomm il-mogħdija tiegħu, u hu se jeżaltak biex tieħu pussess tal-art.” (Salm 37:34) Nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jkompli jżomm, kelmtu, u sat-tmiem taʼ din id-dinja mill-agħar, hu se jsalva rġiel, nisa u tfal li “jżommu l-mogħdija tiegħu.” Dik il-frażi fl-Ebrajk oriġinali ġġorr il-ħsieb sew taʼ diliġenza kif ukoll taʼ fedeltà f’li taqdi lil Jehovah. Issa, għalhekk, mhux iż-żmien li ngħajjew jew li nċedu privileġġi taʼ servizz offruti lilna. Dan hu ż-żmien li nirsistu f’servizz lejali taʼ Alla tagħna u tas-Saltna tiegħu. (Isaija 35:3, 4) Hemm eżempji mill-aħjar biex jinkuraġġuna. Ejjew nikkunsidraw xi ftit minnhom.
Il-Patrijarki Jirriflettu l-Lejaltà
7, 8. (a) Liema karigi taʼ xogħol Jehovah estenda lil Noè u lill-familja tiegħu? (b) Il-familja taʼ Noè kif uriet li kien jixirqilha l-protezzjoni t’Alla matul id-dulluvju mal-art kollha?
7 Meta Jehovah iddeċieda li jeqred soċjetà umana mill-agħar b’dulluvju taʼ ilma, hu għamel patt mal-kap tal-familja partijarkali, Noè, għall-ħarsien tal-familja tiegħu u l-kontinwazzjoni tal-ħajja fuq din l-art. (Ġenesi 6:18) Noè kien grat għall-prospett taʼ protezzjoni divina, imma hu u l-familja tiegħu riedu juru li kienet tixirqilhom. Kif? Billi jagħmlu dak li kkmandahom Jehovah. Huma l-ewwel ġew ikkonfrontati mill-faċenda enormi tal-bini tal-arka. Meta tlestiet, Noè kellu jimlieha b’rappreżentanti tal-qasam tal-annimali u b’ikel biżżejjed biex isostnihom għal perijodu twil. Imma dak ma kienx kollox. Matul iż-żmien estiż taʼ tħejjija, Noè kien qed jagħmel kull ma setaʼ f’xogħol taʼ ippridkar li qatt ma kien sar bħalu, billi jwissi dwar il-ġudizzju divin li kien ġej.—Ġenesi, kapitli 6 u 7; 2 Pietru 2:5.
8 Il-Bibbja tgħidilna li “Noè ssokta jagħmel skond dak kollu li Alla kien ikkmandah. Hu għamel sewwa sew hekk.” (Ġenesi 6:22; 7:5) Noè u l-familja tiegħu wrew li kienu lejali f’li jwettqu x-xogħol li ngħatalhom. L-ispirtu taʼ ssagrifikar tagħhom infushom kien ifisser li ż-żmien tagħhom qattgħuh b’mod taʼ profitt, imma x-xogħol kien iebes u l-ippridkar diffiċli. Billi ma pproduċewx tfal qabel id-Dulluvju, ulied Noè u n-nisa tagħhom ġew mgħejjunin biex jikkonċentraw fuq ix-xogħol li kellhom jagħmlu u biex jikkoordinaw l-attività tagħhom. Dak id-Dulluvju katakliżmiku ġab tmiem ġust għal dinja mill-agħar. Noè, martu, u t-tliet uliedu u n-nisa tagħhom biss baqgħu ħajjin. Nistgħu nkunu ferħanin li huma kienu lejali lejn Alla u lejn id-direzzjonijiet tiegħu, peress li kull wieħed minna hu direttament imnissel minn Noè permezz taʼ Xem, Ħam, jew Ġafet.—Ġenesi 5:32; 1 Pietru 3:20.
9. (a) Il-prova taʼ Jehovah fuq Abraham kif kienet prova tal-lejaltà tiegħu? (b) Iżakk kif wera lejaltà f’dan?
9 Meta Abraham ħejja biex joffri lil Iżakk bħala sagrifiċċju, hu kien qed jaġixxi b’ubbidjenza lejali lejn il-kmand taʼ Jehovah. Xi prova tal-lejaltà tiegħu kienet dik! Madankollu, Jehovah żamm id Abraham billi qal: “Issa jien naf li int tibżaʼ minn Alla billi int ma żammejtx lura lil ibnek, l-uniku wieħed tiegħek, minni.” Nagħmlu tajjeb, iżda, li nirriflettu fuq x’ġie qabel dak. Matul il-vjaġġ taʼ tlett ijiem lejn il-Muntanja Morija, Abraham ċertament kellu biżżejjed ħin biex jiżen l-affarijiet u biex ibiddel ħsiebu. Xi ngħidu dwar Iżakk, li ġarr l-injam għas-sagrifiċċju u li ħalla lilu nnifsu jiġi marbut minn idejh u saqajh? Hu ma ċediex fl-allejanza tiegħu lejn missieru, Abraham, lanqas ma oġġezzjona għall-parti li kellu jilgħab, avolja kien jidher li l-korsa taʼ lejaltà se tiswielu ħajtu.—Ġenesi 22:l-18; Ebrej 11:17.
Lejaltà Kristjana
10, 11. Il-Kristjani tal-bidu jipprovdu liema eżempji taʼ lejaltà?
10 Jehovah dejjem aġixxa b’lejaltà vera. “Siru imitaturi t’Alla,” jħeġġeġ l-appostlu Pawlu. (Efesin 5:1, 2) Kif wieġbu l-patrijarki, hekk kellhom iwieġbu l-Kristjani. Il-Kristjani tal-bidu taw eżempju mill-aħjar f’qima lejali, kif turi l-esperjenza li ġejja.
11 L-imperatur Ruman Kostanzju I, missier l-Imperatur Kostantinu, milli jidher kellu rispett profond lejn is-segwaċi taʼ Ġesù Kristu. Biex jittestja l-lejaltà taʼ Kristjani li kellhom x’jaqsmu mal-palazz tiegħu, hu qalilhom li huma setgħu jibqgħu fis-servizz tiegħu biss jekk jaċċettaw li jissagrifikaw lill-idoli. Jekk jirrifjutaw, intqalilhom li dan kien se jwassal għal li hu jkeċċihom u jivvendika ruħu minnhom. B’dan il-pjan sempliċi, Kostanzju ried jidentifika lil dawk li qatt ma kienu se jikkompromettu l-lejaltà tagħhom. Dawk li baqgħu lejali lejn Alla u lejn il-prinċipji tiegħu nżammu fis-servizz tal-imperatur, u xi wħud saħansitra saru kunsillieri fdati. Dawk li ma baqgħux lejali lejn il-kmand t’Alla tkeċċew b’għajb għalihom.
12. Indokraturi Kristjani kif għandhom juru l-lejaltà, u dan għala hu essenzjali għall-ġid tal-kongregazzjoni?
12 Għalkemm il-lejaltà trid tikkaratterizza l-ħajjiet tal-Kristjani kollha, hija b’mod speċifiku msemmija f’Titus 1:8 fil-lista taʼ kwalitajiet neċessarji biex raġel isir indokratur Kristjan. William Barclay igħid li hoʹsios, il-kelma Griega hawn tradotta bħala “lejaltà,” tiddeskrivi “r-raġel li jobdi l-liġijiet eterni li kienu u għadhom qabel kwalunkwe liġijiet magħmulin mill-bniedem.” Huwa essenzjali li anzjani jieħdu waqfa lejali bħal din taʼ ubbidjenza lejn il-liġijiet t’Alla. Dan l-eżempju tajjeb se jgħin lill-kongregazzjoni biex tikber u tkun b’saħħitha biżżejjed biex tiffaċċja l-provi u l-pressjonijiet kollha li jistgħu jhedduha bħala ġemgħa jew lill-membri tagħha individwalment. (1 Pietru 5:3) Anzjani maħtura għandhom responsabbiltà kbira lejn il-merħla biex qatt ma jikkompromettu l-lejaltà tagħhom lejn Jehovah, għax il-kongregazzjoni tiġi mwiddba biex ‘timita l-fidi tagħhom.’—Ebrej 13:7.
Lejaltà—Taħt Liema Prezz?
13. Xi tfisser l-istqarrija “Kull raġel għandu prezzu,” u liema eżempji jidhru li jagħtu prova taʼ dan?
13 “Kull raġel għandu prezzu” hija stqarrija attribwita lil Sir Robert Walpole, prim ministru Ingliż tas-seklu 18. Hija tiġbor fil-qosor il-fatt li matul l-istorja l-lejaltajiet taʼ spiss ġew impartin maʼ qliegħ egoist. Ikkunsidra lit-traduttur tal-Bibbja William Tyndale, li b’mod żballjat aċċetta lil Henry Phillips bħala ħabib lejali. Fl-1535 Phillips b’nuqqas taʼ lejaltà ttradixxa lil Tyndale maʼ l-egħdewwa tiegħu, li wassal biex Tyndale jiġi mitfugħ il-ħabs immedjatament u jingħata l-mewt barra minn żmienha. Wieħed storiku jgħid li Phillips, probabbli xi aġent tas-sultan Ingliż jew tal-Kattoliċi Ingliżi, “kien imħallas tajjeb għax-xogħol taʼ Ġuda li għamel.” L-istoriku kien qed jalludi, naturalment, għal Ġuda l-Iskarjota, li aċċetta 30 biċċa tal-fidda bħala prezz biex jittradixxi lil Ġesù Kristu. M’għandniex nikkonkludu minn dawn l-eżempji, iżda, li l-“prezz” għal-lejaltà taʼ persuna hu dejjem flus. M’huwiex hekk.
14. Il-lejaltà taʼ Ġużeppi lejn Jehovah kif tpoġġiet taħt prova, u b’liema riżultat?
14 Meta mart Potifar iffittat lil Ġużeppi biex ‘jimtedd magħha,’ il-lejaltà tiegħu lejn Jehovah tqiegħdet taħt prova. X’kien se jagħmel? B’moħħu diġà ċar rigward il-prinċipji involuti, Ġużeppi ġera ’l barra mid-dar, iddeterminat li hu qatt ma setaʼ ‘jikkommetti dan il-ħażen kbir u attwalment jidneb kontra Alla.’ Il-prospett taʼ pjaċir sesswali ma setax jegħleb il-lejaltà taʼ Ġużeppi lejn Alla tiegħu, Jehovah.—Ġenesi 39:7-9.
15. Absalom kif wera nuqqas taʼ lejaltà, u b’liema riżultat?
15 Madankollu, hemm perikli oħra; l-ambizzjoni tistaʼ therri l-lejaltà. Dak kien il-mottiv wara l-irvell taʼ Absalom kontra missieru, is-Sultan David. Bi pjanijiet makakki u intriċċi, Absalom fittex li jingħoġob mill-poplu. Maż-żmien, hu qajjem armata biex tiffaċċja lil dawk li baqgħu lejali lejn missieru. Mewtu minn idejn Ġoab ġabet tmiem għan-nuqqas taʼ lejaltà taʼ Absalom lejn missieru, David, imma xi prezz kellu jħallas talli pprova jegħleb lill-arranġament teokratiku!—2 Samwel 15:1-12; 18:6-17.
Il-Lejaltà Li M’Għandha Ebda Prezz
16. It-2 Korintin 11:3 x’jikxef dwar il-mottivi taʼ Satana?
16 Għalkemm Satana jgħid li kulħadd għandu prezzu, u dan kien veru dwar Absalom, ma kienx veru dwar Ġużeppi, u qatt ma kien veru dwar adoraturi lejali taʼ Jehovah. Minkejja dan, Satana se jagħmel kwalunkwe offerta biex igagħalna niksru l-lejaltà tagħna lejn il-Ħallieq tagħna. L-appostlu Pawlu esprima l-biżaʼ tiegħu li “b’xi mod, bħalma s-serpent isseduċa lil Eva bil-makakkerija tiegħu,” il-ħsieb tagħna jistaʼ jsir korrott, billi jwassalna għal li nikkompromettu l-lejaltà tagħna lejn Jehovah u lejn il-qima tiegħu.—2 Korintin 11:3.
17. Xi wħud maʼ xiex parttu privileġġi imprezzabbli taʼ servizz?
17 Huwa xieraq li nistaqsu lilna nfusna: ‘Hemm xi prezz li jien naċċetta bi bdil mal-privileġġ tiegħi li naqdi bil-lejaltà lill-Ħallieq tiegħi?’ Huwa fatt li jnikket li, kuntrarju għal Ġużeppi, xi wħud li kienu qaddejja ddedikati taʼ Jehovah talbu ftit wisq bi bdil. Saħansitra xi anzjani parttu l-privileġġi imprezzabbli tagħhom taʼ servizz sagru mat-tgawdija temporanja tal-pjaċiri senswali immorali. Anzjani jew m’humiex, ħafna minn dawk li għamlu dan tilfu l-unità tal-familja darba għal dejjem, l-imħabba u r-rispett tal-kongregazzjoni, u l-approvazzjoni taʼ Jehovah—Dak il-wieħed li jistaʼ jagħti s-saħħa biex tinżamm il-lejaltà u biex nirreżistu kwalunkwe tentazzjoni minn Satana.—Isaija 12:2; Filippin 4:13.
18. Għala huwa importanti li nagħtu kas it-twissija fl-1 Timotew 6:9, 10?
18 Oħrajn, b’determinazzjoni ambizzjuża biex javvanzaw f’ġiri wara l-affarijiet tad-dinja, “nifdu lilhom infushom maʼ kullimkien b’ħafna weġgħat,” minkejja twissijiet ċari tal-Bibbja. (1 Timotew 6:9, 10) Demas, Kristjan imsemmi minn Pawlu, tilef minħabba f’hekk, jew għal ftit jew għal kollox. (2 Timotew 4:10) Il-lejaltà lejn Jehovah qatt ma tistaʼ tinkiser mingħajr riżultati diżastrużi. “Alla mhux wieħed li żżebilħu. Għax kulma bniedem qed jiżraʼ, dan ukoll se jaħsad.”—Galatin 6:7.
19, 20. (a) Liema huma xi ftit mill-perikli assoċjati maʼ li wieħed iqattaʼ ħin twil quddiem it-televiżjoni? (b) X’eżempju tat waħda familja fost ix-Xhieda?
19 Xi drabi l-prezz tat-tpartit jidher b’mod sottili ħafna. Per eżempju, rapport mill-Istati Uniti jgħid li ħafna familji jqattgħu madwar nofs iż-żmien li jkunu mqajmin id-dar jaraw it-televiżjoni, biż-żgħażagħ b’mod partikulari maħkumin minnu. Li kieku Kristjan kellu jimla moħħu primarjament bit-televiżjoni, bis-sess u l-vjolenza tiegħu, hu malajr iherri l-prinċipji Kristjani tiegħu. Dak malajr jistaʼ jwassal għal li hu ma jibqax lejali u jitbiegħed minn Jehovah. Sħubija ħażina bħal din veru li tħassar drawwiet utli. (1 Korintin 15:33) Ma rridux ninsew li l-Iskrittura twiddibna biex nieħdu ħin biex nistudjaw u nimmeditaw fuq il-Kelma taʼ Jehovah. Huwa ħin żejjed li jitqattaʼ biex wieħed jintelaq quddiem it-televiżjoni tpartit xieraq mal-ħin li jistaʼ jintuża biex jinkiseb għarfien li jwassal għal ħajja taʼ dejjem bħala adoratur lejali taʼ Jehovah? Ħafna li qed isiru jafu l-verità llum kellhom jagħmlu bidliet kbar fil-ħsieb tagħhom f’dan ir-rigward.—1 Timotew 4:15, 16; 2 Timotew 2:15.
20 Takaxi huwa negozjant Ġappuniż li jgħix fl-Ingilterra. Kien iqattaʼ tlieta jew erbaʼ sigħat kważi kull lejla quddiem it-televiżjoni mal-familja tiegħu. Wara li hu u l-mara tiegħu tgħammdu tliet snin ilu, hu ddeċieda li studju tal-Bibbja persunali u tal-familja jrid jieħu prijorità. Billi naqqas il-ħin li joqgħod quddiem it-televiżjoni għal sempliċi 15 jew 30 minuta kuljum bħala medja, hu kien taʼ eżempju mill-aħjar fil-familja. Għalkemm Takaxi jrid jistudja billi juża’ żewġ Bibbji, waħda bl-Ingliż u l-oħra bil-Ġappuniż, il-kobor spiritwali tiegħu kien imgħaġġel, u issa jaqdi bħala qaddej ministerjali f’kongregazzjoni taʼ lingwa Ingliża. Martu hija pijuniera awżiljarja. “Biex nissalvagwardja l-ispiritwalità taż-żewġt itfal subien żgħar tagħna,” jgħid hu, “kuljum jien nikkontrolla bir-reqqa dak li marti u jien inħalluhom jaraw fuq it-televiżjoni.” Dixxiplina fuqna nfusna bħal din hija premjanti.
21. X’nafu dwar it-tattiċi taʼ Satana, u kif nistgħu nissalvagwardjaw lilna nfusna?
21 Nistgħu nkunu ċerti minn dan: Satana jaf id-djufijiet tagħna, forsi aħjar milli nafuhom aħna stess. Hu se jipprova minn kollox biex iġegħilna nċedu jew indgħajfu l-allejanza tagħna lejn Jehovah. (Qabbel Mattew 4:8, 9.) Kif, mela, nistgħu nissalvagwardjaw lilna nfusna? Billi kontinwament inżommu d-dedikazzjoni tagħna quddiemna u billi nsibu għaxqa f’li niżżviluppaw kapaċitajiet hekk kif nimministraw għall-ħtiġijiet spiritwali taʼ oħrajn. Bħala qaddejja lejali taʼ Jehovah, irridu nżommu attivi fis-servizz tiegħu u niġu ggwidati l-ħin kollu mill-kelma qaddisa tiegħu. Dan se jgħinna fid-determinazzjoni soda tagħna li l-ebda prezz li Satana qatt jistaʼ joffri ma se jdawwarna mil-lejaltà lejn Alla.—Salm 119:14-16.
Int Kif Twieġeb?
◻ Jehovah u Ġesù kif urew il-lejaltà?
◻ Liema huma xi eżempji oħra mill-Bibbja taʼ lejaltà?
◻ Satana x’jistaʼ joffrilna jew jipprova jagħmel?
◻ Kif nistgħu nsaħħu lilna nfusna biex nibqgħu lejali fil-qima tagħna lejn Jehovah?