Napprezzaw Għala l-Messija Kellu jiġi
“Sibna lill-Messija.”—ĠWANN 1:41.
1. X’taħbira li taħsdek hija mniżżla fil-Bibbja, u meta saret?
LHUDI jismu Indrì għamel l-istqarrija sorprendenti t’hawn fuq lil ħuh ’il fuq minn 1,950 sena ilu. Tistaʼ tħoss l-eċċitament fi kliemu, kif miktub mill-appostlu Kristjan Ġwanni? Dik is-sena li ma tintesaʼ qatt ġiet indikata bi preċiżjoni mill-kittieb Kristjan tal-istorja, Luqa, bħala “is-sena ħmistax tar-renju taʼ Tiberju Ċesri.” Is-sena ħmistax taʼ Tiberju, miż-żmien li ġie pproklamat imperatur Ruman, bdiet f’Settembru tas-sena 28 E.K. u ntemmet f’Settembru tas-sena 29 E.K.—Luqa 3:1-3, 21, 22; Ġwann 1:32-35, 41.
2. Il-profezija taʼ Danjel kif iffokat fuq is-sena 29 E.K.?
2 Is-sena meta jidher il-Messija kienet ġiet imbassra b’mod eżatt. Kienu għaddew 483 sena minn mindu ngħata l-kmand mis-sultan Persjan Artaxerxes biex Ġerusalemm tinbena mill-ġdid, u dan kien fis-sena 20 tar-renju tiegħu, 455 Q.E.K.a (Neħemija 2:1-8) Il-profeta Danjel bassar “li mill-ħruġ tal-kelma biex Ġerusalemm tiġi restawrata u mibnija mill-ġdid sal-Messija l-Mexxej, se jkun hemm sebaʼ ġimgħat, ukoll tnejn u sittin ġimgħa.” (Danjel 9:25) B’hekk perijodu taʼ 7 + 62 = 69 ġimgħat profetiċi kellhom jifirdu lil dawn iż-żewġ avvenimenti importanti. Disgħa u sittin ġimgħa litterali jammontaw għal 483 jum. Skond ir-regola profetika taʼ “jum għal sena,” il-Messija kien se jidher 483 sena wara, fis-sena 29 E.K.—Eżekjel 4:6.
3. (a) X’inhu t-tifsir tat-titlu “Messija”? (b) Xi profeziji kellu jwettaq il-Messija?
3 Bir-raġun fis-sena 29 E.K., “[i]n-nies kienu qed jistennew” il-Messija. (Luqa 3:1, 15) It-titlu “Messija” għandu l-istess tifsir bħal “Kristu” bil-Grieg; it-tnejn ifissru “Wieħed Midluk.” (Ġwann 1:41) Il-mistoqsija taħraq fost ħafna Lhud kienet, ‘Alla Jehovah lil min se jidlek bħala sultan biex jaħkem mhux biss fuq Iżrael imma fuq il-bnedmin kollha?’ Permezz taʼ profezija, il-għażla kienet ġiet imċekkna għal dixxendent taʼ Ġuda, it-tifel tan-neputi taʼ Abraham. Barra minn hekk, il-Messija kellu jkun eredi tat-tron tas-sultan Ġudean David u kellu jitwieled f’Betlehem, il-belt taʼ David.—Ġenesi 17:5, 6; 49:10; Salm 132:11; Danjel 7:13, 14; Mikea 5:2; Ġwann 7:42.
Identifikazzjoni Mingħajr Ebda Dubju
4, 5. (a) X’ġara fis-sena importanti tad-29 E.K.? (b) B’liema mod li ma tistax titfixklu ġie identifikat dak magħżul bħala l-Messija?
4 F’dik is-sena importanti tad-29 E.K., dan hu li ġara: “Id-dikjarazzjoni t’Alla ġiet għand Ġwanni bin Żakkarija fix-xagħri. Mela ġie ġol-pajjiż kollu taʼ madwar il-Ġordan, jippriedka l-magħmudija b’simbolu taʼ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.” (Luqa 3:2, 3) Il-ministeru taʼ Ġwanni ħejja lil Lhud niedma biex jaċċettaw il-miġja imminenti tal-Messija. Barra minn dan, Jehovah ta lil Ġwanni sinjal. Hu kellu jfittex lil dak “li fuqu [kellu jara] l-ispirtu nieżel u jibqaʼ.”—Ġwann 1:33.
5 Wara li għammed lil Ġesù taʼ Nazzaret, Ġwanni ra dan id-dlik li ma tistax titfixklu; Ġesù ma ġiex midluk biż-żejt, kif kien ġie David, l-antenat tiegħu fuq l-art, imma bl-ispirtu qaddis taʼ Alla Jehovah. (1 Samwel 16:13; Atti 10:38) Fl-istess ħin, il-leħen t’Alla stess qal: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:16, 17) Kif Ġwanni xehed iktar tard: “Jien rajt l-ispirtu nieżel bħal ħamiema mis-sema, u baqaʼ fuqu. U jien rajtu, u jien tajt xiehda li dan il-wieħed hu l-Iben t’Alla.”—Ġwann 1:32, 34.
6. Liema eżempju mill-aħjar taw Indrì u Ġwanni għalina?
6 Bi kliem bħal dan, Ġwanni l-Għammied bil-fedeltà introduċa lid-dixxipli tiegħu lil Ġesù, billi sejjaħlu wkoll “il-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja.” (Ġwann 1:29) Żewġ dixxipli malajr aġixxew. Wara ġurnata waħda li qattgħu fil-kumpanija taʼ Ġesù, huma kienu konvinti għalkollox. Isem wieħed minnhom kien Indrì, li bil-ħrara fittex lil ħuh, Xmun Pietru. Id-dixxiplu l-ieħor hu mifhum li kien Ġwanni bin Żebedew, li sar l-appostlu maħbub taʼ Ġesù. Wara li ta xiehda dwar il-Messija għal kważi 70 sena, dan Ġwanni ġie mqanqal biex jikteb din l-informazzjoni taʼ hawn fuq għall-benefiċċju tagħna. L-eżempju tiegħu u dak taʼ Indrì ma jmisslekx qalbek? Ħerqan int kif kienu huma u l-“appostli tal-Mulej” l-oħrajn biex ixxandar il-veritajiet eċċitanti dwar il-Messija?—Rivelazzjoni 1:9; 21:14; Ġwann 1:35-41; Atti 5:40-42.
Midluk Bħala Sultan u Qassis il-Kbir
7. Ġesù għala ma setax jaqdi bħala qassis fit-tempju taʼ Ġerusalemm?
7 Billi twieled ġol-ġens Lhudi, Ġesù “ġie li jkun taħt il-liġi.” (Galatin 4:4) Għalhekk, billi kien mit-tribù taʼ Ġuda, hu ma setax jaqdi bħala qassis fit-tempju tipiku taʼ Jehovah, li l-qassisin tiegħu kienu dixxendenti taʼ Aronne tat-tribù taʼ Levi. “Il-Mulej tagħna ħareġ minn Ġuda, tribù li dwaru Mosè ma tkellem xejn rigward qassisin,” fakkar l-appostlu Pawlu lil Kristjani sħabu.—Ebrej 7:14.
8. It-tempju tal-art taʼ Jehovah kien jagħti stampa taʼ liema ħaġa?
8 L-appostlu Ġwanni kiteb: “Il-veru dawl li jagħti d-dawl lil kull xorta taʼ bniedem kien wasal biex jiġi ġod-dinja.” (Ġwann 1:6-9) Mal-magħmudija taʼ Ġesù, kien bħal li kieku tempju spiritwali kbir beda jeżisti, fejn hemm issa kien hemm qassis il-kbir spiritwali li setaʼ jsalva lill-umanità mill-jasar għad-dinja taʼ Satana taʼ dlam spiritwali.—Ebrej 8:1-5; 9:24.
9, 10. (a) X’kien ifisser il-kliem taʼ Ġesù, “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx” u, “Int ħejjejt ġisem għalija”? (b) Ġesù kif ħassu personalment dwar dan?
9 Ġesù kien qed jitlob waqt il-magħmudija tiegħu. Il-Bibbja tirrapporta xi ftit mill-kliem sinjifikanti tiegħu, kif ġew ikkwotati iżjed tard mill-appostlu Pawlu: “‘Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma int ħejjejt ġisem għalija. Int m’approvajtx offerti maħruqin sħaħ u offerta għad-dnub.’ Imbagħad jien għedt, ‘Ħares! Jiena ġejt (fir-romblu tal-ktieb huwa miktub dwari) biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla.’”—Ebrej 10:5-7; Luqa 3:21.
10 B’hekk, Ġesù applika għalih innifsu l-profezija f’Salm 40:6-8, li bassret dwar il-għan taʼ Jehovah li jtemm is-sagrifiċċji tal-annimali offruti minn qassisin Aronniċi fit-tempju taʼ Ġerusalemm. Jehovah ‘ma tgħaxxaqx’ b’dawk l-offerti, fis-sens li huma kienu biss tipiċi u ma setgħux ipattu kompletament għad-dnub uman. Għaldaqstant, Jehovah ħejja ġisem uman perfett biex Ġesù jissagrifikah. Alla trasferixxa l-ħajja tal-Iben tiegħu tas-sema għal ġol-ġuf taʼ verġni Lhudija. Ġesù b’hekk twieled mingħajr tniġġis mid-dnub taʼ Adam. Hu kien Iben uman perfett t’Alla, li ħajtu setgħet tpatti għad-dnub tal-umanità. (Luqa 1:30-35) Kif bassar Salm 40:8, kienet ix-xewqa mill-qalb taʼ Ġesù li jagħmel ir-rieda taʼ Missieru. “Bl-imsemmija ‘rieda’ aħna ġejna mqaddsin permezz tal-offerta tal-ġisem taʼ Ġesù Kristu darba għal dejjem.”—Ebrej 10:10, 11.
11. Liema profezija wettqet il-mewt tal-Messija, u kif ġiegħlet li s-‘sagrifiċċju jieqaf’?
11 Is-sagrifiċċju tal-ħajja umana taʼ Ġesù darba għal dejjem ħassar il-bżonn taʼ iktar offerti fit-tempju tipiku f’Ġerusalemm. Barra minn dan, mewtu seħħet f’Jum il-Qbiż tas-sena 33 E.K. Dak kien madwar tliet snin u nofs wara l-magħmudija tiegħu. It-tliet snin u nofs jammontaw għal nofs ġimgħa profetika. (Numri 14:34) Mela l-affarijiet seħħew eżatt kif kien bassar Danjel rigward il-qtugħ tal-Messija: “ Maʼ nofs il-ġimgħa hu se jġiegħel is-sagrifiċċju u l-offerta tal-għotja li jieqfu.” (Danjel 9:26, 27) Għalkemm is-saċerdozju tipiku f’Ġerusalemm baqaʼ jiffunzjona sakemm inqered it-tempju fis-sena 70 E.K., is-sagrifiċċji li offrew il-qassisin matul dawk is-snin ma baqgħu jkunu taʼ ebda valur, billi kienu ġew mibdulin bis-sagrifiċċju superjuri taʼ Ġesù.—Mattew 23:37, 38.
12. Is-saċerdozju taʼ Ġesù b’liema mod huwa superjuri għal dak taʼ Aronne?
12 Aronne kien l-ewwel wieħed f’suċċessjoni twila taʼ qassisin il-kbar Iżraeliti. Wara li ġie midluk b’żejt qaddis, hu kellu jistenna fit-tabernaklu għal sebat ijiem qabel ingħata l-qawwa biex jaqdi bħala qassis il-kbir. (Levitiku 8:12, 33) B’mod simili, Ġesù kellu perijodu taʼ stennija qabel ingħata l-qawwa biex jinterċiedi għan-nom tal-umanità. Dak kien miż-żmien meta ġie midluk bħala Qassis il-Kbir sal-irxoxt tiegħu. Kuntrarju għal Aronne, l-Iben immortali t’Alla m’għandux bżonn taʼ suċċessuri, u hu jaqdi kemm bħala Qassis kif ukoll bħala Sultan “skond il-manjiera taʼ Melkiżedek.”−Salm 110:1-4; Ġenesi 14:18-20; Ebrej 6:20; 7:1-3, 11-17, 23-25.
13. (a) Liema responsabbiltà tqila waqgħet fuq il-qassisin il-kbar taʼ Iżrael? (b) Ġesù Kristu kif refaʼ responsabbiltà saħansitra akbar?
13 F’Iżrael tal-qedem, ir-responsabbiltà ewlenija għal tagħlim reliġjuż korrett waqgħet fuq il-qassis il-kbir. (Levitiku 10:8-11; Malakija 2:7) Ġesù fi qbil maʼ dan għarraf il-ħtiġijiet taʼ tjieba taʼ Jehovah lil dawk kollha li jridu jirtu s-Saltna u l-ħajja taʼ dejjem. (Mattew 6:9, 10, 33; 7:28, 29; 11:12; 25:34, 46) Meta hu kien ġewwa sinagoga f’Nazzaret, Ġesù qara u applika għalih innifsu l-profezija: “L-ispirtu taʼ Jehovah qiegħed fuqi, għaliex hu dilikni biex niddikjara aħbar tajba.” Imbagħad, wara li qattaʼ xi żmien f’Kapernahum, hu qal: “Ukoll lil bliet oħra rrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla, għaliex għal dan jien kont mibgħut.” (Luqa 4:18, 19, 43; Isaija 61:1, 2) Ġesù wkoll ħarreġ 70 mis-segwaċi tiegħu biex jespandu dan ix-xogħol taʼ ppridkar tas-Saltna, u bassar li kellhom jagħmlu xogħlijiet akbar minn dawk li kien għamel hu stess. (Luqa 10:1-9; Ġwann 14:12) Dan poġġa l-pedament għal kampanja dinjija taʼ edukazzjoni Biblika li Ġesu kien se jidderieġi permezz tal-“irsir fidil,” li jikkonsisti fis-segwaċi midlukin tiegħu.—Mattew 24:45-47; 28:19,20.
Vindikatur Ewlieni tas-Sovranità taʼ Jehovah
14. (a) Il-qassis il-kbir taʼ Iżrael għala kien jidħol fl-Iktar Qaddis fil-Jum annwali taʼ Tpattija? (b) Taʼ liema ħaġa ngħatat stampa bl-inċens ifuħ?
14 L-iktar raġuni importanti li għaliha l-Iben t’Alla ġie fuq l-art ma kinetx biex isalva lill-umanità. Minflok, kienet biex jissetilja l-kwistjonijiet inġurjużi mqajmin minn Satana rigward is-sovranità taʼ Jehovah. Nistgħu niksbu dehen f’dan billi nirriflettu fuq il-Jum annwali taʼ Tpattija f’Iżrael, meta l-qassis il-kbir tipiku ried jidħol fl-Iktar Qaddis diversi drabi. L-ewwel daħla kienet issir b’inċens ifuħ, li kien jitferraʼ fuq inċensier b’faħam jaqbad. (Levitiku 16:12-16) Dan kien jirrappreżenta tajjeb lil dak li l-Qassis il-kbir antitipiku kellu jagħmel fuq l-art qabel jitlaʼ s-sema biex jidher quddiem Jehovah bil-valur tas-sagrifiċċju uman tiegħu.b (Ebrej 9:24) Kif inhu indikat bl-użu tal-inċens, il-korsa taʼ fedeltà taʼ Ġesù kienet immarkata b’talb sinċier, b’żelu jaħraq għall-qima pura, u b’imħabba profonda lejn Jehovah. (Salm 141:2; Mark 1:35; Ġwann 2:13-17; 12:27, 28; 14:30, 31; Ebrej 5:7) Ġesù rnexxielu jżomm integrità bla tebgħa minkejja t-tentazzjonijiet sottili kollha, it-twaqqiegħ għaċ-ċajt, u l-persekuzzjoni feroċi miġjubin fuqu minn Satana u l-aġenti tiegħu.—Proverbji 27:11; Mattew 22:15-18; Mark 14:60-65; 15:16-32; Luqa 4:13, 29; Ġwann 8:44, 59.
15. Kif nistgħu nuru l-gratitudni tagħna lejn Jehovah talli pprovdielna qassis il-kbir tant eċċellenti? (Ebrej 10:21-26)
15 Talli vvindika s-sovranità taʼ Jehovah, Ġesù ġie ppremjat b’irxoxt għal ħajja immortali fis-sema. Kemm għandna għax inkunu grati lejn Jehovah talli pprovdielna Qassis il-Kbir eċċellenti bħal dan! “Billi naraw, għalhekk, li għandna qassis il-kbir taʼ kobor li għadda minn ġos-smewwiet, Ġesù l-Iben t’Alla, ejjew inżommu maʼ li nistqarruh.” (Ebrej 4:14) Hija x-xewqa ħerqana tiegħek li ssegwi l-eżempju taʼ integrità taʼ Ġesù, minkejja dak li jistaʼ jagħmel ix-Xitan? Jekk iva, tistaʼ sserraħ moħħok mill-għajnuna, u tistaʼ tirnexxi. Dan hu għaliex l-aqwa għajnuna hija disponibbli. “Aħna għandna bħala qassis il-kbir, mhux wieħed li ma jistax jissimpatizza mad-djufijiet tagħna, imma wieħed li ġie ttestjat f’kull ħaġa bħalna nfusna, imma mingħajr dnub. Ejjew, għalhekk, nersqu bil-libertà tal-kelma lejn it-tron tal-qalb tajba mhix mistħoqqa, biex nistgħu niksbu l-ħniena u nsibu qalb tajba mhix mistħoqqa għal għajnuna fil-ħin xieraq.”—Ebrej 4:15, 16; 5:7-10; Filippin 4:13; 1 Ġwann 2:1, 2.
Il-Ħtieġa għal Aġġustament
16. Xi stennijiet kellhom id-dixxipli bikrin tal-Messija rigward il-ħakma tas-Saltna tiegħu?
16 Indrì u Ġwanni kienu ħfief biex jidentifikaw lill-Messija veru, imma huma u dixxipli tal-bidu oħra kellhom wisq x’jitgħallmu. (Ġwann 16:12, 13) Bħal ħafna Lhud reliġjużi f’dak iż-żmien, huma kienu jittamaw li s-Saltna Messjanika kienet se tibda taħkem lura f’dak iż-żmien u li kienet se teħles lill-ġens taʼ Iżrael u l-kapitali tiegħu, Ġerusalemm, minn dominanza tal-Ġentili. (Luqa 2:38; 3:15; 19:11; 23:51; 24:21) Madankollu, liema benefiċċju dejjiemi kien se jġib dak għall-umanità midinba?
17, 18. Ġesù għala ta t-tixbieha dwar “ċertu raġel taʼ twelid nobbli”?
17 Biex ineħħi d-dnub u l-mewt mis-sudditi tas-Saltna futuri tiegħu, kien vitali li l-Messija l-ewwel jiġi maqtugħ bħala ħaruf tas-sagrifiċċju. (Ġwann 1:29; Isaija 53:7, 12) Meta Ġesù bassar kif dan kellu jiġri u kif hu kellu jiġi rxoxtat, Pietru wieġeb: “Kun qalbek tajba miegħek innifsek, Mulej; int lanqas xejn ma se jkollok dan id-destin.” (Mattew 16:21,22) Ġesù kien jaf, madankollu, li d-dixxipli tiegħu “ma kinux qed jifhmu l-qawl.”—Mark 9:31, 32; qabbel Mattew 17:22, 23.
18 Fl-aħħar vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm, Ġesù tkellem saħansitra iktar biċ-ċar. (Mattew 20:18, 19) Hu wera wkoll il-benefiċċju kbir li l-mewt tiegħu kienet se ġġib, billi qal: “Bin il-bniedem ġie . . . biex jagħti ruħu bħala rahan bi bdil maʼ ħafna.” (Mattew 20:28) Stennijiet żballjati fixklu lid-dixxipli tiegħu milli jifhmuh dan. Luqa jikteb: “Hu kien qrib Ġerusalemm u huma kienu qed jimmaġinaw li s-saltna t’Alla kienet se turi lilha nfisha minnufih.” Biex jikkorreġilhom il-ħsieb tagħhom, Ġesù ta tixbieha li fiha hu xebbah lilu nnifsu maʼ “ċertu raġel taʼ twelid nobbli” li l-ewwel kellu jivvjaġġa “lejn art imbiegħda biex jikseb qawwa taʼ sultan.” (Luqa 19:11, 12) Dik “l-art” kienet tirreferi għas-sema, fejn Ġesù telaʼ wara l-mewt u l-irxoxt tiegħu.
19. (a) Liema stennija żballjata esprimew id-dixxipli taʼ Ġesu wara l-irxoxt tiegħu? (b) Liema bidla fir-relazzjoni t’Alla mal-bnedmin seħħet f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.? (Ebrej 8:7-9, 13)
19 Madankollu, eżatt qabel it-tlugħ taʼ Ġesù, id-dixxipli tiegħu staqsew: “Mulej, qiegħed int tirrestawra s-saltna taʼ Iżrael f’dan iż-żmien?” (Atti 1:6) Ċaħadhom Ġesù talli staqsew dan? Le, hu spjega li kien għadu mhux iż-żmien u li huma kellhom iżommu ruħhom attivi fix-xogħol importanti taʼ għoti taʼ xiehda dwar il-Messija veru. (Atti 1:7, 8) Ir-relazzjoni taʼ patt li Alla kellu maʼ Iżrael naturali kienet waslet biex tintemm. Għalhekk, is-Saltna Messjanika futura ma kinetx se tiġi rrestawrata lil dak il-ġens tal-art li ma kienx lejali. Ġesù qal lil dawk il-Lhud li opponewh: “Is-saltna t’Alla se tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jipproduċi l-frott tagħha.” (Mattew 21:43) Għaxart ijiem wara li Ġesù telaʼ s-sema, twieled dak il-ġens. Spirtu qaddis tferraʼ fuq 120 mid-dixxipli taʼ Ġesù, u b’hekk huma ġew midlukin biex ikunu l-“qaddisin” t’Alla u “werrieta bi sħab maʼ Kristu” fis-Saltna Messjanika li kienet riesqa.—Danjel 7:13, 14, 18; Rumani 1:7; 8:1, 16, 17; Atti 2:1-4; Galatin 6:15, 16.
20. Minkejja li kellhom xi stennijiet żballjati x’għamlu Kristjani lejali tal-ewwel seklu?
20 Saħansitra wara d-dlik tagħhom, il-Kristjani tal-ewwel seklu kellhom stennijiet żballjati. (2 Tessalonkin 2:1, 2) Imma minflok ma qagħdu jgergru u telqu kollox, huma bl-umiltà aċċettaw il-korrezzjoni. Mogħtija l-qawwa mill-ispirtu qaddis t’Alla, huma bil-ferħ aċċettaw il-kariga li jagħtu xiehda u ‘jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.’—Mattew 28:19, 20; Atti 1:8; Kolossin 1:23.
21. X’mistoqsijiet se jiġu kkunsidrati fl-artiklu tagħna li jmiss?
21 Xi ngħidu dwar is-seklu 20 tagħna? Kienu attenti l-qaddejja taʼ Jehovah taż-żmien modern għat-twaqqif tas-Saltna Messjanika taʼ Jehovah? U bħal pariġghom tal-ewwel seklu, kellhom bżonn l-istennijiet tagħhom jiġu rranġati b’xi mod?
[Noti taʼ taħt]
a Kemm The Encyclopedia Americana kif ukoll il-Great Soviet Encyclopedia jaqblu li r-renju taʼ Artaxerxes intemm fis-sena 424 Q.E.K. Meta beda? Fis-sena 474 Q.E.K. B’appoġġ għal dan, skrizzjoni arkeoloġika għandha d-data tas-sena 50 taʼ Artaxerxes; oħra tindika li nbidel mis-suċċessur tiegħu fis-sena 51 tiegħu. Billi ngħoddu lura 50 sena sħaħ mill-424 Q.E.K., aħna naslu għad-data 474 Q.E.K. bħala l-bidu tar-renju tiegħu. Għalhekk, is-sena 20 taʼ Artaxerxes, meta ngħata l-kmand, trid tkun 19-il sena sħaħ fir-renju tiegħu, jiġifieri, 455 Q.E.K. Għal iktar dettalji, ara Insight on the Scriptures, Volum 2, paġna 616, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Kif Se Twieġeb?
◻ Xi jfisser it-titlu “Messija”?
◻ Liema ġrajja sinjifikanti seħħet fis-sena 20 E.K.?
◻ Il-Messija kif ‘ġiegħel is-sagrifiċċju jieqaf fin-nofs tal-ġemgħa’?
◻ Mid-dlik tiegħu ’l hawn, x’responsabbiltà refaʼ Ġesù?
◻ X’kien il-għan prinċipali tal-ewwel miġja tal-Messija, u dan kif għandu jeffettwana?
[Stampa f’paġna 9]
L-ewwel daħla tal-qassis il-kbir fl-Iktar Qaddis tat stampa bil-quddiem taʼ xi ħaġa iżjed importani mis-salvazzjoni tal-bnedmin