Min Huma Dawk li Qegħdin Isegwu d-Dawl tad-Dinja?
“Intom qegħdin tiddu bħala dawwala fid-dinja.”—FILIPPIN 2:15.
1. Il-Bibbja x’tgħid dwar dwal reliġjużi foloz?
IL-BIBBJA tidentifika b’mod ċar lil Ġesù bħala “dawl kbir,” “id-dawl tad-dinja.” (Isaija 9:2; Ġwann 8:12) Madankollu, relattivament ftit segwewh meta kien fuq l-art. Il-maġġoranza għażlu li jsegwu dwal foloz li kienu, fir-realtà, uħud li jġorru d-dlam. Dwar dawn il-Kelma t’Alla tgħid: “Irġiel bħal dawn huma appostli foloz, ħaddiema qarrieqa, billi jittrasformaw lilhom infushom f’appostli taʼ Kristu. U ma nistagħġbux, għax Satana nnifsu jibqaʼ jittrasforma lilu nnifsu f’anġlu tad-dawl. Mhix xi ħaġa kbira għalhekk jekk il-ministri tiegħu wkoll jibqgħu jittrasformaw lilhom infushom f’ministri taʼ tjieba. Imma t-tmiem tagħhom se jkun skond xogħlijiethom.”—2 Korintin 11:13-15.
2. Ġesù x’qal li se jkun il-bażi biex jiġu ġġudikati n-nies?
2 B’hekk, mhux in-nies kollha jridu d-dawl, għalkemm hu tant meraviljuż. Ġesù qal: “Dan hu l-bażi għall-ġudizzju, li d-dawl ġie fid-dinja imma l-bnedmin ħabbew id-dlam minflok id-dawl, għax xogħlijiethom kienu mill-agħar. Għax dak li jipprattika affarijiet vili jobgħod id-dawl u ma jiġix għad-dawl, sabiex ix-xogħlijiet tiegħu jistgħu ma jiġux imċanfrin.”—Ġwann 3:19, 20.
Dawk li Jħobbu d-Dlam
3, 4. Il-mexxejja reliġjużi fi żmien Ġesù kif urew li ma ridux isegwu d-dawl?
3 Ikkunsidra kif dak kien il-każ meta Ġesù kien fuq l-art. Alla kien ta l-qawwa lil Ġesù biex iwettaq mirakli tal-għaġeb bħala mod biex jistabbilixxi li hu kien il-Messija. Per eżempju, f’jum taʼ Sabat, hu ta lura d-dawl lil raġel imwieled għama. X’att taʼ ħniena tal-għaġeb! Kemm kien grat dak ir-raġel! Hu setaʼ jara għall-ewwel darba! X’kienet, iżda, ir-reazzjoni tal-mexxejja reliġjużi? Ġwann 9:16 jirrakkonta: “Xi wħud mill-Fariżej bdew igħidu [dwar Ġesù]: ‘Dan m’huwiex raġel mingħand Alla, għaliex ma josservax is-Sabat.’” Kemm kienu perverti qlubhom! Hawn kien seħħ fejqan meraviljuż, imma minflok ma esprimew ferħ għar-raġel li qabel kien għama u apprezzament lejn dak li fejqu, huma kkundannaw lil Ġesù! Billi għamlu dan, huma bla dubju dinbu kontra l-manifestazzjoni tal-ispirtu qaddis t’Alla, dnub li ma jinħafirx.—Mattew 12:31, 32.
4 Iktar tard, meta dawk l-ipokriti staqsew lir-raġel li qabel kien għama dwar Ġesù, ir-raġel qal: “Din ċertament li hi ħaġa tal-għaġeb, li ma tafux minfejn hu [Ġesù], u madankollu hu fetaħli għajnejja. Aħna nafu li Alla ma jismax lill-midinbin, imma jekk xi ħadd jibżaʼ minn Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, hu jismaʼ lil dan il-wieħed. Mill-qedem qatt ma nstemaʼ li xi ħadd fetaħ il-għajnejn taʼ wieħed imwieled għama. Kieku dan ir-raġel [Ġesù] ma kienx mingħand Alla, hu ma setaʼ jagħmel xejn affattu.” Kif wieġbu l-mexxejja reliġjużi? “Bi tweġiba huma qalulu: ‘Inti kont imwieled għalkollox fi dnubiet, u madankollu qiegħed tgħallem lilna?’ U tefgħuh ’il barra!” Kemm kienu neqsin mill-mogħdrija! Huma kellhom ġebel flok qlub. Mela Ġesù qalilhom li waqt li setgħu jaraw bil-għajnejn fiżiċi tagħhom, huma kienu spiritwalment għomja.—Ġwann 9:30-41.
5, 6. Mexxejja reliġjużi tal-ewwel seklu x’għamlu li wera li huma kienu jħobbu d-dlam?
5 Li dawn l-ipokriti reliġjużi kienu qegħdin jidinbu kontra l-ispirtu t’Alla jistaʼ jidher malajr minn okkażjoni oħra, meta Ġesù rxoxta lil Lażżru mill-mewt. Minħabba f’dak il-miraklu, ħafna min-nies komuni poġġew fidi f’Ġesù. Innota, madankollu, x’għamlu l-mexxejja reliġjużi. “Il-qassisin ewlenin u l-Fariżej ġabru lis-Sinedriju flimkien u bdew igħidu: ‘X’se nagħmlu, għaliex dan ir-raġel iwettaq ħafna sinjali? Jekk inħalluh waħdu b’dan il-mod, huma kollha se jpoġġu fidi fih, u r-Rumani se jiġu u jeħdulna kemm lil postna u kemm lil ġensna.’” (Ġwann 11:47, 48) Huma kienu qegħdin jinkwetaw dwar il-pożizzjonijiet u l-prominenza tagħhom. Jiġri x’jiġri huma riedu jogħġbu lir-Rumani, mhux lil Alla. Mela, x’għamlu? “Minn dak in-nhar ’il quddiem huma ħadu parir li joqtluh [lil Ġesù].”—Ġwann 11:53.
6 Dak kien kollox? Le. Dak li għamlu wara dan juri kemm huma kienu jħobbu d-dlam: “Il-qassisin ewlenin issa ħadu parir li joqtlu lil Lażżru wkoll, għaliex minħabba fih ħafna mil-Lhud kienu qegħdin imorru hemm u jpoġġu fidi f’Ġesù.” (Ġwann 12:10, 11) X’ħażen inkredibbli! Għalkemm għamlu dan kollu biex jipproteġu l-pożizzjonijiet tagħhom, x’ġara? F’dik l-istess ġenerazzjoni, huma għamlu rewwixta kontra r-Rumani, li ġew kontra tagħhom fis-sena 70 E.K. u ħadulhom posthom, ġenshom, u l-ħajjiet tagħhom ukoll!—Isaija 5:20; Luqa 19:41-44.
Il-Mogħdrija taʼ Ġesù
7. Dawk li jħobbu l-verità għala marru għand Ġesù?
7 Hekk ukoll fi żmienna, mhux kulħadd irid tidwil spiritwali. Imma dawk li jħobbu l-verità jridu jiġu lejn id-dawl. Huma jridu lil Alla bħala s-Sovran tagħhom, u jduru bil-ħeġġa lejn Ġesù, li Alla bagħtu biex jispjega x’inhu d-dawl, u jsegwuh. Hekk għamlu nies umlin meta Ġesù kien fuq l-art. Huma marru bi ħġarhom għandu. Saħansitra l-Fariżej kellhom jammettu dan. Huma lmentaw: “Id-dinja marret warajh.” (Ġwann 12:19) Nies bħal ngħaġ ħabbew lil Ġesù għaliex hu kien l-oppost tal-mexxejja reliġjużi egoisti, arroganti, u għatxana għall-poter li dwarhom Ġesù qal: “Huma jorbtu tagħbijiet tqal u jpoġġuhom fuq spallejn l-irġiel, imma huma nfushom m’humiex lesti li jħarrkuhom b’sebagħhom. Ix-xogħlijiet kollha li jagħmlu jagħmluhom biex jidhru mill-bnedmin.”—Mattew 23:4, 5.
8. F’kuntrast mal-ipokriti reliġjużi, x’attitudni kellu Ġesù?
8 F’kuntrast, innota l-attitudni taʼ mogħdrija taʼ Ġesù: “Malli ra l-folol tħassarhom, għaliex kienu mqaxxrin u mitfugħin ’il hawn u ’l hemm bħal ngħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) U x’għamel dwar dan? Hu qal lil dawk li kienu ġew imbrolljati mis-sistema taʼ Satana: “Ejjew għandi, intom ilkoll li qegħdin taħdmu iebes u mgħobbijin wisq, u jien se nserraħkom. Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien kalm u umli fil-qalb, u intom se ssibu serħan għal erwieħkom. Għax il-madmad tiegħi ħanin u t-tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mattew 11:28-30) Ġesù għamel dak li kien imbassar dwaru f’Isaija 61:1, 2, li jaqra: “Jehovah dilikni biex ingħid aħbar tajba lill-ġwejdin. Hu bagħatni biex norbot lil dawk taʼ qalb maqsuma, biex nipproklama libertà lil dawk meħudin fil-jasar u l-ftuħ beraħ tal-għajnejn saħansitra lill-priġunieri; biex nipproklama s-sena taʼ rieda tajba min-naħa taʼ Jehovah u jum il-vendetta min-naħa t’Alla tagħna; biex infarraġ lill-imnikktin kollha.”
Jiġbor lil Dawk li Jġorru d-Dawl
9. Liema ġrajjiet memorabbli seħħew fl-1914?
9 Wara t-tlugħ tiegħu fis-sema, Ġesù kellu jistenna sakemm jasal iż-żmien biex Alla jagħtih qawwa tas-Saltna. Imbagħad kellu jissepara “n-ngħaġ” mill-“mogħoż.” (Mattew 25:31-33; Salm 110:1, 2) Dak iż-żmien wasal meta bdew “l-aħħar jiem” fl-1914. (2 Timotew 3:1-5) Ġesù, mogħni b’qawwa bħala Sultan tas-Saltna tas-sema t’Alla, beda jiġbor lejn l-id il-leminija tiegħu taʼ favur lil dawk li riedu jsegwu d-dawl. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, dak ix-xogħol taʼ ġbir avvanza b’għaġġla akbar.
10. Liema mistoqsija tistaʼ ssir dwar dawk li Ġesù qed juża fix-xogħol tal-ġbir?
10 Taħt it-tmexxija taʼ Kristu Ġesù, ix-xogħol taʼ ġbir ġie nkurunat b’suċċess kbir. Qatt qabel fl-istorja ma kien hemm tant nies mill-ġnus kollha miġburin flimkien f’qima vera mdawla. U min illum huma dawk li jsegwu d-dawl li ġej mingħand Alla u Kristu? Min huma dawk li qegħdin jagħmlu dak li jgħid Filippin 2:15, ‘jiddu bħala dawwala fid-dinja,’ billi jistiednu lil oħrajn biex ‘jiġu u jieħdu l-ilma tal-ħajja b’xejn’?—Rivelazzjoni 22:17.
11. X’inhi l-pożizzjoni tal-Kristjaneżmu f’relazzjoni mad-dawl spiritwali?
11 Il-Kristjaneżmu qiegħed jagħmel dan? Il-Kristjaneżmu, bir-reliġjonijiet mifrudin tiegħu, ċertament li mhux qed jiddi bħala dawwal. Fil-fatt, il-kleru huma bħall-mexxejja reliġjużi fi żmien Ġesù. M’humiex qegħdin jirriflettu d-dawl veru mingħand Alla u Kristu. Tlieta u tletin sena ilu, ir-rivista Theology Today qalet: “B’sogħba jrid jiġi rrikonoxxut li dan id-dawl ma jiddix fil-Knisja b’dija li tidher. . . . Il-Knisja wriet it-tendenza li ssir iktar u iktar bħall-komunitajiet li tkun imdawra bihom. M’hijiex daqstant id-dawl tad-dinja daqskemm hi riflettur tad-dwal li jiddi fid-dinja nfisha.” U l-qagħda tal-Kristjaneżmu hija saħansitra agħar illum. Il-hekk imsejjaħ dawl li hi tirrifletti mid-dinja hu fir-realtà dlam għaliex dak hu kulma għandhom x’joffru Satana u d-dinja tiegħu. Le, m’hemm ebda dawl taʼ verità ħiereġ mir-reliġjonijiet mifrudin u għalkollox dinjin tal-Kristjaneżmu.
12. Min jifforma l-organizzazzjoni vera li ġġorr id-dawl illum?
12 Jistaʼ jingħad b’fiduċja li s-soċjetà tad-dinja ġdida tax-Xhieda taʼ Jehovah hija l-vera organizzazzjoni li ġġorr id-dawl illum. B’mod magħqud, il-membri tagħha kollha—irġiel, nisa, u żgħażagħ bl-istess mod—iħallu d-dawl tagħhom mingħand Jehovah u Kristu jiddi quddiem l-umanità kollha. Is-sena l-oħra, fi kważi 70,000 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha, ’il fuq ħafna minn erbaʼ miljuni wħud li jġorru d-dawl kienu b’mod attiv qegħdin igħidu lill-oħrajn dwar Alla u dwar l-iskopijiet tiegħu. U kull sena issa, naraw ġbir kbir kontinwu taʼ nies li jridu wkoll jiġu mdawlin spiritwalment. Mijiet taʼ eluf qegħdin jiġu mgħammdin wara li jistudjaw il-Bibbja u jaslu għal għarfien eżatt tal-verità. Verament, ‘ir-rieda t’Alla hi li kull xorta taʼ nies għandhom jiġu salvati u jiġu għal għarfien eżatt tal-verità.’—1 Timotew 2:4.
13. Maʼ liema ħaġa nistgħu nqabblu d-dawl ħiereġ mingħand Jehovah?
13 Nistgħu nqabblu t-tidwil li issa ġej mingħand Jehovah maʼ dak li ġara meta l-poplu t’Alla taʼ żmien il-qedem telaq mill-Eġittu: “Jehovah kien sejjer qabilhom bi nhar f’kolonna taʼ sħaba biex imexxihom fil-mogħdija, u bil-lejl f’kolonna taʼ nar biex jagħtihom dawl biex imorru bi nhar u bil-lejl.” (Eżodu 13:21, 22) Is-sħaba bi nhar u n-nar bil-lejl mingħand Alla kienu gwidi taʼ min joqgħod fuqhom. Huma kienu taʼ min joqgħod fuqhom daqs ix-xemx li Alla ħalaq biex tipprovdilna sigħat taʼ dawl bi nhar. Hekk, ukoll, nistgħu niddependu fuq Jehovah biex ikompli jdawwal il-mogħdija spiritwali għal dawk li jfittxu l-verità f’dawn l-aħħar jiem mill-agħar. Proverbji 4:18 jiżżgurana: “[I]l-passaġġ tal-uħud twajbin hu bħad-dawl qawwi li qiegħed isir iktar u iktar qawwi sakemm il-jum jiġi stabbilit fis-sod.”
Nirriflettu Dawl tas-Saltna
14. X’għandu jkun l-iskop ċentrali taʼ dawk li jġorru d-dawl?
14 Fil-waqt li Jehovah huwa s-sors taʼ tidwil, u Kristu r-Riflettur Ewlieni taʼ dak id-dawl, is-segwaċi taʼ Ġesù jridu jirriflettuh ukoll. Hu qal dwarhom: “Intom id-dawl tad-dinja. . . . Ħallu d-dawl tagħkom jiddi quddiem il-bnedmin, biex huma jistgħu jaraw ix-xogħlijiet mill-aħjar tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.” (Mattew 5:14, 16) U x’kienet it-tema ċentrali taʼ dan id-dawl li s-segwaċi tiegħu kellhom iħallu jiddi quddiem il-bnedmin? X’kellhom igħallmu f’din il-quċċata taʼ storja dinjija? Ġesù ma qalx li s-segwaċi tiegħu kellhom jippridkaw id-demokrazija, id-dittatorjat, il-għaqda tal-Knisja mal-Istat, jew xi ideoloġija dinjija oħra. Minflok, f’Mattew 24:14 hu bassar li quddiem oppożizzjoni mad-dinja kollha, “din l-aħbar tajba tas-saltna [kellha] tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha, u mbagħad [kellu] jiġi t-tmiem.” B’hekk dawk li jġorru d-dawl illum igħidu lill-oħrajn dwar is-Saltna t’Alla, li se ġġib lid-dinja taʼ Satana għat-tmiem tagħha u se ddaħħal id-dinja ġdida taʼ tjieba.—1 Pietru 2:9.
15. Dawk li jridu d-dawl fejn se jduru?
15 Dawk li jħobbu d-dawl ma jiġux żvijati bl-istqarrijiet u l-miri taʼ did-dinja. Dawk l-istqarrijiet u l-miri kollha dalwaqt se jevaporaw, ladarba did-dinja qiegħda toqrob lejn tmiemha. Minflok, dawk li jħobbu t-tjieba jkunu jridu jduru lejn l-aħbar tajba li qiegħda tiġi pproklamata minn dawk li qegħdin iħallu d-dawl tas-Saltna t’Alla jiddi sal-iktar irkejjen imbegħdin tal-art. Dawn huma dawk imbassrin f’Rivelazzjoni 7:9, 10, li jgħid: “Rajt, u, ħares! folla kbira, li l-ebda bniedem ma kellu l-ħila jgħodd, mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha, bil-wieqfa quddiem it-tron [t’Alla] u quddiem il-Ħaruf [Kristu] . . . U jibqgħu jgħajtu b’leħen qawwi, jgħidu: ‘Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-qiegħda fuq it-tron, u lill-Ħaruf.’” Vers 14 igħid: “Dawn huma dawk li joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira.” Iva, huma jibqgħu ħajjin fit-tmiem taʼ did-dinja għal ġod-dinja ġdida bla tmiem taħt is-Saltna t’Alla.
Id-Dinja Ġdida Mdawla
16. X’se jiġrilha d-dinja taʼ Satana fit-tribulazzjoni l-kbira?
16 Id-dinja ġdida se tkun miksija bid-dawl jiddi taʼ verità. Tabilħaqq, ikkunsidra x’se tkun is-sitwazzjoni l-għada li Alla jġib lil dis-sistema fi tmiemha. Satana, id-demonji tiegħu, u s-sistemi politiċi, kummerċjali, u reliġjużi tiegħu se jkunu telqu—kollha kemm huma! L-apparat taʼ propaganda taʼ Satana kollu kemm hu se jkun telaq ukoll. B’hekk, wara t-tribulazzjoni l-kbira, qatt iżjed ma se tiġi ppubblikata xi gazzetta waħda, rivista, ktieb, faxxiklu, jew fuljett li tappoġġja lil did-dinja mill-agħar. Ma se jkun hemm l-ebda influwenzi li jikkorrompu mxandrin minn stazzjonijiet tat-televiżjoni jew tar-radju dinjin. L-ambjent velenuż kollu tad-dinja taʼ Satana se jiġi mneħħi min-nofs b’daqqa qawwija waħda!—Mattew 24:21; Rivelazzjoni 7:14; 16:14-16; 19:11-21.
17, 18. Kif tiddeskrivi l-ambjent spiritwali wara t-tmiem tad-dinja taʼ Satana?
17 X’serħan enormi se jkun dak! Minn dak il-jum ’il quddiem, id-dawl spiritwali bnin u edifikanti biss li ġej mingħand Jehovah u s-Saltna tiegħu se jinfluwenza lill-umanità. Isaija 54:13 ibassar: “Uliedek subien kollha se jkunu persuni mgħallmin minn Jehovah, u l-paċi taʼ wliedek subien se tkun abbundanti.” Bil-ħakma t’Alla li tiddomina l-art kollha, il-wegħda tiegħu hi li, kif igħid Isaija 26:9, “it-tjieba hija dak li l-abitanti tal-art produttiva ċertament li se jitgħallmu.”
18 Fi żmien qasir, l-ambjent mentali u spiritwali kollu se jinbidel għall-aħjar. Affarijiet edifikanti se jkunu r-rutina taʼ kuljum minflok l-affarijiet dipressi u immorali li issa tant huma mifruxin. Kulmin ikun igħix f’dak iż-żmien se jiġi mgħallem il-verità dwar Alla u dwar il-għanijiet tiegħu. Fis-sens l-iktar komplet, il-profezija taʼ Isaija 11:9 se titwettaq, li tgħid: “L-art ċertament li se tkun mimlija bil-għarfien taʼ Jehovah bħalma l-ilmijiet qegħdin jiksu lill-istess baħar.”
Urġenti li Nsegwu d-Dawl
19, 20. Dawk li jridu jsegwu d-dawl għala għandhom bżonn iżommu l-għassa?
19 Issa, fis-snin finali taʼ din is-sistema mill-agħar, huwa urġenti li nsegwu d-dawl tad-dinja. U rridu nkunu għassa, għax hemm gwerra intensa li qiegħda tiġi miġġielda biex iżżommna milli nimxu fid-dawl. Din l-oppożizzjoni tiġi mill-qawwiet tad-dlam—mingħand Satana, id-demonji tiegħu, u l-organizzazzjoni tal-art tiegħu. Hu għalhekk li l-appostlu Pietru jwissi: “Ibqgħu f’sensikom, kunu għassa. L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, idur bħal iljun igħajjat, ifittex biex jiblaʼ lil xi ħadd.”—1 Pietru 5:8.
20 Satana se jpoġġi kull xkiel fil-mogħdija taʼ dawk li jiġu f’kuntatt mad-dawl, għaliex hu jrid li jġagħalhom jibqgħu fid-dlam. Tistaʼ tkun pressjoni minn qraba jew dawk li qabel kienu ħbieb li jopponu l-verità. Jistgħu jkunu dubji dwar il-Bibbja minħabba li wieħed ikun ġie mgħomi bit-tagħlim taʼ reliġjon falza jew mill-propaganda taʼ ateisti u agnostiċi bla fidi. Jistgħu jkunu l-inklinazzjonijiet midinbin taʼ dak li jkun li jagħmluha diffiċli li jgħix fi qbil maʼ ħtiġijiet divini.
21. Liema azzjoni trid tittieħed minn dawk kollha li jridu jgħixu fid-dinja ġdida t’Alla?
21 Hu x’inhu x-xkiel li jistaʼ jkun hemm, trid int tgawdi l-ħajja f’dinja ġdida ħielsa mill-faqar, mill-kriminalità, mill-inġustizzja, u mill-gwerer? Trid int tgawdi saħħa perfetta u ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-art? Allura aċċetta u segwi lil Ġesù bħala d-dawl tad-dinja u ismaʼ mill-messaġġ taʼ dawk li qegħdin iżommu sod “mal-kelma tal-ħajja” u li qegħdin ‘jiddu bħala dawwala fid-dinja.’—Filippin 2:15, 16.
Kif Twieġeb Int?
◻ Il-mexxejja reliġjużi kif juru li huma jħobbu d-dlam?
◻ X’attitudni kellu Ġesù lejn in-nies?
◻ Il-ġbir taʼ dawk li jġorru d-dawl kif avvanza?
◻ Liema bidla memorabbli se sseħħ dalwaqt?
◻ Għala huwa urġenti li nsegwu d-dawl tad-dinja llum?