“Il-Kelma t’Alla hi Ħajja u Teżerċita Qawwa”
1, 2. (a) X’jikkaġuna bidliet fil-ħajjiet taʼ dawk li jsiru Kristjani? (b) Il-Bibbja kemm tistaʼ tinfluwenza bniedem b’mod profond?
F’NOFS l-ewwel seklu E.K., l-appostlu Pawlu kiteb ittra lill-kongregazzjoni Kristjana f’Ruma. Fiha hu enfasizza l-ħtieġa li Kristjani veri kellhom jitbiddlu. Hu qal: “Ieqfu milli tkunu mfasslin fuq din is-sistema taʼ affarijiet, imma tbiddlu billi ġġeddu lil moħħkom, biex tistgħu tagħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Rumani 12:2) X’inhu li jittrasforma lis-segwaċi taʼ Ġesù, billi jbiddel l-istess mod taʼ ħsieb tagħhom? Bażikament, hija l-qawwa tal-kelma t’Alla, il-Bibbja.
2 Pawlu wera kemm il-Bibbja tistaʼ tinfluwenzana b’mod profond meta kiteb: “Il-kelma t’Alla hi ħajja u teżerċita qawwa u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar u tinfed saħansitra li tifred ir-ruħ u l-ispirtu, u l-ġogi u l-mudullun tagħhom, u kapaċi tagħraf il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb.” (Ebrej 4:12) Tabilħaqq, il-qawwa straordinarja tal-Bibbja f’li twettaq bidliet bħal dawn fin-nies hija prova perswassiva li hija iktar minn sempliċi kelma taʼ bniedem.
3, 4. Sa liema punt jitbiddlu l-personalitajiet tal-Kristjani?
3 Il-kelma Griega tradotta “tbiddlu” f’Rumani 12:2 ġejja minn meta.mor.pho’o. Tindika bidla kompleta, bħall-metamorfosi minn dudu għal farfett. Tant hi kompleta li l-Bibbja titkellem dwarha bħala bidla fil-personalità. F’vers ieħor tal-Bibbja, naqraw: “Inżgħu l-personalità l-qadima u tlibbsu bil-personalità ġdida, li permezz tal-għarfien eżatt qiegħda tiġġedded skond ix-xbieha taʼ Dak li ħalaqha.”−Kolossin 3:9, 10.
4 Meta kiteb lill-kongregazzjoni f’Korintu, Pawlu wera sa liema punt saru bidliet fil-personalità fl-ewwel seklu. Hu qal: “La ż-żienja, la l-idolatri, la l-adulteri, la rġiel miżmumin għal għanijiet mhux naturali, la rġiel li jimteddu maʼ rġiel, la l-ħallelin, la n-nies rgħiba, la s-sakranazzi, la dawk li javvelixxu, lanqas il-ħattafin ma se jirtu s-saltna t’Alla. U madankollu dak hu kif kontu xi wħud minnkom. Imma intom ġejtu mnaddfin.” (1 Korintin 6:9-11) Iva, persuni immorali u ġellieda, ħallelin u sakranazzi, ġew trasformati fi Kristjani eżemplari.
Bidliet fil-Personalità Llum
5, 6. Il-personalità taʼ wieħed żagħżugħ kif tbidlet kompletament bil-qawwa tal-Bibbja?
5 B’mod simili bidliet fil-personalità jidhru llum. Per eżempju, tfajjel fl-Amerka t’Isfel safa orfni fl-età taʼ disà snin. Hu kiber mingħajr il-gwida tal-ġenituri u żviluppa problemi serji fil-personalità. Hu jirrakkonta: “Sakemm kelli 18, kont għalkollox taħt il-vizzju tad-drogi u kont diġà qattajt xi żmien il-ħabs fuq serq biex inżomm il-vizzju.” Zijtu, iżda, kienet waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, u maż-żmien setgħet tgħinu.
6 Iż-żagħżugħ jispjega: “Zijti bdiet tistudja l-Bibbja miegħi, u wara sebaʼ xhur kont kapaċi naqtaʼ l-vizzju.” Hu telaq ukoll lill-ħbieb tiegħu taʼ qabel u sab ħbieb ġodda fost ix-Xhieda taʼ Jehovah. Hu jissokta: “Dawn il-ħbieb ġodda, flimkien mal-istudju regulari tiegħi tal-Bibbja, għenuni biex nagħmel progress u fl-aħħar biex niddedika ħajti biex naqdi lil Alla.” Iva, dan li qabel kien iddrogat u ħalliel issa sar Kristjan attiv u taʼ ħajja nadifa. Kif seħħet bidla radikali bħal din fil-personalità? Permezz tal-qawwa tal-Bibbja.
7, 8. Iddeskrivi kif problema diffiċli tal-personalità ġiet solvuta bil-għajnuna tal-Bibbja.
7 Eżempju ieħor jiġi mill-Ewropa t’Isfel. Hemm żagħżugħ kiber bi problemi diffiċli fil-personalità: temperament vjolenti. Hu kien taʼ spiss jiġġieled. Matul argument tal-familja, hu saħansitra sawwat lil missieru u tefgħu mal-art! Maż-żmien, iżda, beda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah u ta kas tal-kmand t’Alla fil-ktieb taʼ Rumani: “Troddux ħażen għal ħażen lil ħadd.... Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha. Tivvendikawx irwieħkom, maħbubin, imma ċedu għall-korla.”−Rumani 12:17-19.
8 Dawk il-kelmiet għenuh jirrealizza kemm kienet ħażina d-djufija tiegħu. Iżjed ma żied fil-għarfien tiegħu tal-Bibbja l-kuxjenza tiegħu bdiet tirfina, u dan għenu biex jirbaħ it-tempra sħuna tiegħu. Darba, wara li kien għamel xi progress fl-istudju tiegħu, wieħed raġel ma jafux beda jinsulentah. Iż-żagħżugħ ħass ir-rabja tas-soltu tbaqbaq ġo fih. Imbagħad ħass xi ħaġa oħra: sens taʼ mistħija; u dan żammu milli jċedi għar-rabja taʼ ġo fih. Hu kien żviluppa r-rażna, frott importanti tal-ispirtu. (Galatin 5:22, 23) Il-personalità tiegħu issa kienet differenti, grazzi għall-qawwa tal-Kelma t’Alla.
9. Skond Pawlu, permezz taʼ liema ħaġa titbiddel il-personalità tagħna?
9 Iżda, il-Bibbja kif tipproduċi effett tant qawwi? Pawlu, f’Kolossin 3:10, qal li l-personalitajiet tagħna jitbiddlu permezz taʼ għarfien eżatt, liema għarfien jinsab fil-Bibbja. Imma l-għarfien kif ibiddel in-nies?
Il-Parti tal-Għarfien Eżatt
10, 11. (a) Meta nistudjaw il-Bibbja, x’nitgħallmu dwar karatteristiċi tal-personalità mixtieqa jew mhux mixtieqa? (b) X’inhu meħtieġ flimkien mal-għarfien biex jagħmel bidla fil-personalità tagħna?
10 L-ewwel, il-Bibbja tidentifika xi karatteristiċi mhux mixtieqa fil-personalità li jridu jiġu mneħħijin. Dawn jinkludu affarijiet bħal “għajnejn imkabbra, ilsien falz, u jdejn li qed ixerrdu demm innoċenti, qalb li qed toħloq konfoffi li jweġġgħu, saqajn li huma mgħaġġlin biex jiġru lejn il-ħażen, xiehda falza li minnha joħroġ il-gideb, u kulmin qed jibgħat ’il quddiem tħaqqiq fost l-aħwa.” (Proverbji 6:16-19) It-tieni, il-Bibbja tiddeskrivi kwalitajiet mixtieqa li aħna għandna nikkultivaw, inklużi “l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna.”−Galatin 5:22, 23.
11 Għarfien eżatt bħal dan igħin persuna sinċiera biex teżamina lilha nfisha u tara liema kwalitajiet fil-personalità trid tikkultiva u liema trid taħdem biex tneħħi. (Ġakbu 1:25) Madankollu, dak hu biss il-bidu. Flimkien mal-għarfien, il-motivazzjoni hija meħtieġa, xi ħaġa biex tqanqlu sabiex ikun irid jinbidel. Hawn għal darb’oħra, hu jinħtieġ għarfien eżatt mill-Bibbja.
Motivat biex Tkun Tajjeb
12. Għarfien tal-personalità t’Alla kif igħinna nitbiddlu?
12 Pawlu qal li l-personalità ġdida mixtieqa hija mfassla “skond ix-xbieha taʼ Dak li ħalaqha.” (Kolossin 3:10) Mela l-personalità Kristjana trid tixbah lill-personalità t’Alla stess. (Efesin 5:1) Permezz tal-Bibbja, il-personalità t’Alla hija rrivelata lilna. Naraw il-mod kif hu jittratta mal-umanità u nosservaw il-kwalitajiet mill-aħjar tiegħu, bħalma huma l-imħabba, il-qalb tajba, it-tjubija, il-ħniena, u s-sewwa tiegħu. Għarfien bħal dan iqanqal persuna b’qalb sinċiera biex tħobb lil Alla u tkun trid issir it-tip taʼ persuna li Alla japprova. (Mattew 22:37) Bħala wlied maħbubin, aħna rridu nogħġbu lil Missierna tas-sema, għalhekk nippruvaw nimitaw il-personalità tiegħu sakemm nistgħu fl-istat dgħajjef u imperfett tagħna.—Efesin 5:1.
13. Liema għarfien igħallimna biex ‘inħobbu t-tjieba u nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi’?
13 Il-motivazzjoni tagħna hija msaħħa bil-għarfien li tagħti l-Bibbja rigward fejn iwasslu karatteristiċi tal-personalità tajbin u dawk ħżiena. (Salm 14:l-5; 15:l-5; 18:20, 24) Nitgħallmu li David ġie mbierek għad-devozzjoni taʼ tjieba u l-imħabba għas-sewwa tiegħu imma li bata meta tilef ir-rażna. Naraw ir-riżultat taʼ biki meta l-kwalitajiet mill-aħjar taʼ Salamun ġew imħassra fi xjuħitu. Il-barkiet li rriżultaw mit-tjieba taʼ Ġosija u Ħezekija jitpoġġew f’kuntrast mal-effetti taʼ gwaj tad-djufija taʼ Aħab u l-apostasija ripetuta taʼ Manasse. (Galatin 6:7) B’hekk nitgħallmu biex ‘inħobbu t-tjieba u nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi.’—Ebrej 1:9; Salm 45:7; 97:10.
14. X’inhuma l-għanijiet taʼ Jehovah għad-dinja u għal individwi fiha?
14 Din il-motivazzjoni hija msaħħa jerġaʼ iżjed b’għarfien eżatt tal-għanijiet t’Alla. Għarfien bħal dan igħin ibiddel il-‘qawwa nfisha li tħaddan lill-imħuħna,’ l-ispirtu li jqanqal il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna. (Efesin 4:23, 24) Meta nistudjaw il-Bibbja, nitgħallmu li Jehovah mhux se jittolera l-ħażen għal dejjem. Dalwaqt, hu se jeqred lil din id-dinja bla tjieba u jġib ‘smewwiet ġodda u art ġdida li fihom għandha tgħammar it-tjieba.’ (2 Pietru 3:8-10, 13) Min se jgħix f’din id-dinja ġdida? “Id-dritti huma dawk li se jgħammru fuq l-art, u taʼ bla ħtija huma dawk li se jibqgħu fiha. Inkwantu għall-ħżiena, huma se jinqatgħu mill-istess art; u nkwantu għall-qarrieqa, huma se jiġu mqaċċtin minnha.”—Proverbji 2:21, 22.
15. Jekk aħna verament nemmnu dak li tgħid il-Bibbja dwar il-għanijiet taʼ Jehovah, dan kif se jeffettwana bħala persuni?
15 Jekk aħna verament nemmnu din il-wegħda, il-mod kollu tagħna kif naħsbuha se jiġi effettwat. L-appostlu Pietru wara li jipprofetizza l-qerda tal-ħażen, igħid: “Ladarba dawn l-affarijiet kollha għandhom idubu, liema xorta taʼ persuni għandkom tkunu f’atti qaddisa taʼ kondotta u f’egħmejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, waqt li tistennew u żżommu qrib f’moħħkom il-preżenza taljum taʼ Jehovah.” (2 Pietru 3:11, 12) Il-personalitajiet tagħna għandhom jiġu mfasslin bix-xewqa qawwija tagħna li nkunu fost in-nies dritti li se jitħallew meta l-ħżiena jinqerdu.
16. Liema xorta taʼ personalitajiet mhux se jkollhom post fid-dinja ġdida, u dan il-għarfien kif għandu jeffettwana?
16 Il-ktieb taʼ Rivelazzjoni jwiegħed lil uħud retti li, wara t-tmiem taʼ din id-dinja, “[Alla] se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-mewt ma tkunx iżjed, u la l-għali u la l-biki u lanqas l-uġigħ ma jkunu iżjed. L-affarijiet taʼ qabel għaddew.” Imma mbagħad twissi li “l-ġifa u dawk mingħajr fidi u dawk moqżieża fi ħmieġhom u l-qattiela u ż-żienja u dawk li jipprattikaw l-ispiritiżmu u l-idolaturi u l-giddieba kollha” se jiġu miċħudin. (Rivelazzjoni 21:4, 8) Kemm hu għaqli li tevita l-kwalitajiet mhux mixtieqa li Alla se jirrifjuta li jħalli fid-dinja l-ġdida!
Għajnuna Minn Barra
17. Liema xorta taʼ għajnuna l-Bibbja twissina biex infittxu?
17 Madankollu, il-bnedmin huma dgħajfin, u normalment ikollhom bżonn ħaġa oħra minbarra l-informazzjoni u l-motivazzjoni jekk se jagħmlu xi bidliet. Jinħtieġu għajnuna persunali, u l-Bibbja turina fejn nistgħu nsibu din il-għajnuna. Per eżempju, tgħid: “Dak li qed jimxi mal-għorrief se jsir għaref, imma dak li qed jagħmilha mal-istupidu se jaħbatha ħażin.” (Proverbji 13:20) B’mod simili, jekk nassoċjaw maʼ dawk li juru l-kwalitajiet li rridu nikkultivaw, se niġu mgħejjunin bil-kbir biex insiru iżjed bħalhom.—Ġenesi 6:9; Proverbji 2:20; 1 Korintin 15:33.
18, 19. X’għandna bżonn nagħmlu biex nesponu lill-imħuħ u lill-qlub tagħna għall-ispirtu t’Alla?
18 Barra minn hekk, Jehovah innifsu jipprovdi għajnuna fil-għamla taʼ spirtu qaddis—l-istess spirtu li uża biex jagħmel il-mirakli fi żminijiet bikrija. Tabilħaqq, il-kwalitajiet mill-iktar mixtieqa taʼ “l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna” jissejħu “l-frott tal-ispirtu.” (Galatin 5:22, 23) Kif nistgħu niksbu l-għajnuna tal-ispirtu qaddis? Ladarba l-Bibbja ġiet imnebbħa mill-ispirtu qaddis, meta naqrawha jew nitkellmu maʼ oħrajn dwarha, inkunu qed nesponu lil moħħna u lil qalbna għall-qawwa perswassiva taʼ dak l-ispirtu. (2 Timotew 3:16) Tabilħaqq, Ġesù wiegħed li meta nitkellmu maʼ oħrajn dwar it-tama tagħna, aħna nistgħu inġarrbu l-azzjoni diretta taʼ dak l-ispirtu.—Mattew 10:18-20.
19 Barra minn hekk, il-Bibbja tikkmanda: “Ipperseveraw fit-talb.” (Rumani 12:12) Bit-talb nindirizzaw lil Jehovah, infaħħruh, nirringrazzjawh, u nitolbu għall-għajnuna tiegħu. Jekk nitolbu għall-għajnuna biex negħlbu kwalitajiet mhux mixtieqa tal-personalità, bħalma huma nervi, ras iebsa, nuqqas taʼ paċenzja jew kburija, l-ispirtu t’Alla jappoġġja kwalunkwe sforz li nagħmlu fi qbil maʼ dik it-talba.—Ġwann 14:13, 14; Ġakbu 1:5; 1 Ġwann 5:14.
20. Kristjani għala jridu jkomplu jaħdmu f’li jilbsu l-personalità ġdida?
20 Meta Pawlu kiteb: “Tbiddlu billi ġġeddu lil moħħkom,” kien qed jikteb lil kongregazzjoni taʼ Kristjani mgħammdin u midlukin. (Rumani 1:7; 12:2) U fil-Grieg oriġinali, uża għamla tal-verb li timplika azzjoni kontinwa. Dan jissuġġerixxi li t-trasformazzjoni li saret fina permezz taʼ għarfien eżatt mill-Bibbja hija progressiva. Aħna llum—bħal Kristjani taʼ żmien Pawlu—indawrin minn dinja mimlija b’influwenzi li jikkorrompu. U aħna—bħalhom—imperfetti, miġbudin lejn il-ħażin. (Ġenesi 8:21) Għaldaqstant, irridu nibqgħu naħdmu biex negħlbu l-personalità qadima u egoista u nilbsu l-ġdida, l-istess bħalma għamlu huma. Il-Kristjani tal-bidu rnexxielhom sal-punt li kienu jispikkaw bħala totalment differenti mid-dinja taʼ madwarhom. Il-Kristjani llum jagħmlu l-istess.
Poplu ‘Mgħallem minn Jehovah’
21. Liema huma xi wħud mill-profeziji li qed jitwettqu fuq il-poplu t’Alla f’dawn l-aħħar jiem?
21 Tabilħaqq, l-ispirtu t’Alla llum jaħdem mhux biss fuq individwi imma fuq organizzazzjoni sħiħa taʼ Kristjani, li jgħoddu bil-miljuni. Fuq din l-organizzazzjoni qed jitwettaq il-kliem profetiku taʼ Isaija: “U ħafna popli żgur se jmorru u jgħidu: ‘Ejjew, u ħa nitilgħu lejn il-muntanja taʼ Jehovah, lejn dar Alla taʼ Ġakobb; u se jistruwina dwar mogħdijietu, u aħna se nimxu fil-passaġġi tiegħu.’” (Isaija 2:3) Profezija oħra taʼ Isaija wkoll twettqet fil-każ tagħhom: “Uliedek subien kollha se jkunu persuni mgħallmin minn Jehovah, u l-paċi taʼ wliedek se tkun abbundanti.” (Isaija 54:13) Min huma dawn l-uħud li jgawdu l-paċi għaliex jiġu mgħallmin minn Jehovah?
22. (a) Min illum qed jiġi mgħallem minn Jehovah? (b) Agħti eżempji biex turi li nies taʼ barra jagħrfu li x-Xhieda taʼ Jehovah huma differenti.
22 Sewwa, innota din is-silta minn ittra miktuba lin-New Haven Register, gazzetta fl-Amerka taʼ Fuq: “Għalkemm forsi ġejt imgħaddab jew irrabjat, bħalma ġrali jien, għax ġew jippruvaw jikkonvertuk, trid tammira d-dedikazzjoni tagħhom, is-saħħa morali tagħhom, l-eżempju li jispikka tagħhom taʼ mġieba umana u għixien li jagħti s-saħħa.” Il-kittieb dwar min kien qed jitkellem? L-istess grupp li ġie diskuss mill-Herald taʼ Buenos Aires, fl-Arġentina, meta qalet: “Ix-Xhieda taʼ Jehovah taw prova matul is-snin li huma ċittadini li jaħdmu iebes, f’sensihom, jibżgħu għall-flus u jibżgħu minn Alla.” B’mod simili, il-gazzetta Taljana La Stampa qalet: “Huma ma jaħarbux it-taxxi jew ifittxu li jiżolqu minn liġijiet inkonvenjenti għall-profitt tagħhom stess. L-idejali morali taʼ mħabba għall-ġirien, rifjutar taʼ poter, onestà persunali u ebda vjolenza . . . jidħlu fil-mod taʼ ħajja tagħhom ‘taʼ kuljum.’”
23. Ix-Xhieda taʼ Jehovah bħala organizzazzjoni għala jispikkaw bħala differenti?
23 Ix-Xhieda taʼ Jehovah bħala grupp—bħall-Kristjani tal-bidu—għala jispikkaw bħala differenti? F’ħafna aspetti, huma l-istess bħal kull persuna oħra. Huma mweldin b’imperfezzjonijiet umani simili, u għandhom l-istess problemi ekonomiċi u bżonnijiet bażiċi. Madankollu, bħala kongregazzjoni mad-dinja kollha, huma jħallu l-Kelma t’Alla teżerċita qawwa fil-ħajjiet tagħhom. Il-fratellanza internazzjonali taʼ Kristjani ġenwini li tirriżulta minn dan hija evidenza qawwija li l-Bibbja hija l-Kelma mnebbħa t’Alla.—Salm 133:1.
Il-Bibbja Hija Mnebbħa
24. X’inhi t-talba tagħna għan-nom taʼ ħafna iktar nies?
24 F’dawn iż-żewġ artikli, iddiskutejna biss żewġ linji taʼ evidenza biex nuru li l-Bibbja hija l-Kelma t’Alla, mhux tal-bniedem. Kemm jekk jikkunsidraw il-għerf bla paragun tal-Bibbja jew il-qawwa tagħha biex tbiddel in-nies—jew il-ħafna affarijiet oħra li jimmarkawha bħala unika—nies sinċieri ma jistgħux ma jirrealizzawx li bil-fors hi imnebbħa minn Alla. Bħala Kristjani, aħna nitolbu li ħafna iżjed nies jibdew jagħrfu din il-verità. Imbagħad huma wkoll jidwu l-kliem taʼ ferħ tas-salmista: “O ara li jien ħabbejt l-ordnijiet tiegħek stess. O Jehovah, skond il-qalb tajba bl-imħabba tiegħek żommni ħaj. Is-sustanza taʼ kelmtek hi verità u kull deċiżjoni ġudizzjarja taʼ tjieba minn tiegħek hi
għal żmien indefinit.”−Salm 119:159, 160.
Tiftkar?
◻ X’effet għandha l-Bibbja fuq Kristjani veri?
◻ Għarfien eżatt kif igħin biex ibiddilna?
◻ ll-Bibbja kif tgħin biex tqanqalna nikkultivaw kwalitajiet tajbin u negħlbu dawk ħżiena?
◻ X’għajnuna tistaʼ tinkiseb biex niżżviluppaw kwalitajiet taʼ tjieba?
◻ X’evidenza li l-Bibbja hija mnebbħa tidher fost il poplu taʼ Jehovah?
[Stampa f’paġna 13]
Ir-riżultat tal-biki tan-nuqqas taʼ fedeltà taʼ Salamun fi xjuħitu għandu jqanqalna biex inħobbu t-tjieba u nobogħdu n-nuqqas taʼ ħarsien tal-liġi
[Stampa f’paġna 15]
Jekk nitolbu lil Jehovah għall-għajnuna, l-ispirtu tiegħu se jsaħħaħ kwalunkwe sforzi li nagħmlu biex negħlbu karatteristiċi ħżiena