Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ittri taʼ Ġwanni u taʼ Ġuda
IT-TLIET ittri taʼ l-appostlu Ġwanni, li x’aktarx inkitbu fis-sena 98 E.K. minn Efesu, huma fost l-aħħar kotba li jifformaw l-Iskrittura mnebbħa. L-ewwel żewġ ittri jinkuraġġixxu lill-Kristjani biex jibqgħu mexjin fid-dawl u biex jirreżistu l-apostasija. Fit-tielet waħda, Ġwanni ma jitkellimx biss dwar li wieħed jimxi fil-verità imma wkoll jinkuraġġixxi l-kooperazzjoni Kristjana.
Fl-ittra li kiteb mill-Palestina, x’aktarx fis-sena 65 E.K., Ġuda, ħu Ġesù mill-omm, iwissi lil sħabu l-Kristjani dwar uħud mill-agħar li kienu daħlu baxx baxx fil-kongregazzjoni, u jagħtihom parir dwar kif jirreżistu l-influwenzi ħżiena. Jekk noqogħdu attenti għall-messaġġ li hemm fit-tliet ittri taʼ Ġwanni u fl-epistola taʼ Ġuda nistgħu niġu megħjunin nibqgħu b’saħħitna fil-fidi minkejja l-ostakli.—Ebr. 4:12.
IBQGĦU MEXJIN FID-DAWL U FL-IMĦABBA U BIL-FIDI
L-ewwel ittra taʼ Ġwanni, li kienet intenzjonata għas-sħubija kollha taʼ dawk f’unjoni mal-Kristu, tipprovdi parir sod imfassal biex jgħin lill-Kristjani jieħdu l-waqfa tagħhom kontra l-apostasija u jibqgħu sodi għall-verità u għas-sewwa. Hu jenfasizza l-ħtieġa li nibqgħu mexjin fid-dawl u fl-imħabba u bil-fidi.
“Jekk qed nimxu fid-dawl bħalma [Alla] stess qiegħed fid-dawl,” jikteb Ġwanni, “aħna mseħbin maʼ xulxin.” U ladarba Alla hu s-Sors taʼ l-imħabba, l-appostlu jgħid: “Ħa nkomplu nħobbu lil xulxin.” Waqt li “l-imħabba t’Alla” tqanqalna biex “nosservaw il-kmandamenti tiegħu,” aħna nirbħu lid-dinja permezz tal-“fidi tagħna” f’Alla Ġeħova, fil-Kelma tiegħu, u f’Ibnu.—1 Ġw. 1:7; 4:7; 5:3, 4.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
2:2; 4:10—Ġesù kif inhu “sagrifiċċju propizjatorju”? Li tippropizja jfisser li “tberred,” jew li “tikkwieta.” Ġesù ta ħajtu bħala sagrifiċċju propizjatorju fis-sens li billi għamel hekk, hu berred, jew issodisfa, dak li kienet teħtieġ il-ġustizzja perfetta. Fuq il-bażi taʼ dan is-sagrifiċċju, Alla setaʼ jestendi l-ħniena, u setaʼ jaħfer id-dnubiet taʼ dawk li jeżerċitaw il-fidi f’Ġesù.—Ġw. 3:16; Rum. 6:23.
2:7, 8—Ġwanni dwar liema kmandament qed jitkellem bħala li hu “qadim” kif ukoll “ġdid”? Ġwanni qed jitkellem dwar il-kmandament rigward l-imħabba għall-aħwa li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji. (Ġw. 13:34) Hu jirreferi għalih bħala “qadim” għaliex Ġesù tah iktar minn 60 sena qabel ma Ġwanni kiteb l-ewwel ittra mnebbħa tiegħu. B’hekk, dan il-kmandament kien ilu għand dawk li kienu jemmnu “sa mill-bidu” tal-ħajjiet tagħhom bħala Kristjani. Hu wkoll “ġdid” fis-sens li hu iktar milli wieħed ‘iħobb lil għajru bħalu nnifsu’ u jirrikjedi mħabba li tqanqlu jagħmel sagrifiċċji.—Lev. 19:18; Ġw. 15:12, 13.
3:2—X’“għadu ma ntweriex” lill-Kristjani midlukin, u lil min se jarawh “kif inhu”? Dak li għadu ma ntweriex lilhom hu kif se jkunu meta jiġu rxoxtati lejn is-sema b’iġsma spirti. (Flp. 3:20, 21) Madankollu, dak li jafu tassew hu li ‘meta jintwera Alla se jkunu bħalu, għax jarawh kif inhu,’ jiġifieri, “l-Ispirtu.”—2 Kor. 3:17, 18.
5:5-8—L-ilma, id-demm, u l-ispirtu kif xehdu għall-fatt li “Ġesù hu l-Iben t’Alla”? L-ilma kien xhud għaliex meta Ġesù tgħammed fl-ilma, Ġeħova nnifsu qal li kien qed japprovah bħala Ibnu. (Mt. 3:17) Id-demm, jew il-ħajja, taʼ Ġesù mogħti “bħala fidwa ekwivalenti” għal kulħadd, ukoll wera li Ġesù hu l-Iben t’Alla. (1 Tim. 2:5, 6) U l-ispirtu qaddis xehed li Ġesù hu l-Iben t’Alla meta niżel fuqu fil-magħmudija tiegħu, u b’hekk Ġesù setaʼ jdur “il-pajjiż kollu jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha maħqurin mix-Xitan.”—Ġw. 1:29-34; Atti 10:38.
Lezzjonijiet Għalina:
2:9-11; 3:15. Jekk Kristjan iħalli lil xi ħaġa jew lil xi ħadd jeqridlu l-imħabba tiegħu lejn l-aħwa, hu jkun qed jimxi fi dlam spiritwali u ma jkunx jaf fejn sejjer.
IBQGĦU “MEXJIN FIL-VERITÀ”
Ġwanni jiftaħ it-tieni ittra tiegħu billi jgħid: “L-anzjan lis-sinjura magħżula u lil uliedha.” Hu jesprimi l-ferħ meta jsib lil ‘xi wħud minn uliedha mexjin fil-verità.’—2 Ġw. 1, 4.
Wara li jinkuraġġihom biex jikkultivaw l-imħabba, Ġwanni jikteb: “L-imħabba tfisser dan: li nibqgħu mexjin skond il-kmandamenti tiegħu.” Ġwanni jwissi wkoll dwar “il-qarrieq u l-antikrist.”—2 Ġw. 5-7.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1, 13—Min hi s-“sinjura magħżula”? Ġwanni setaʼ kien qed jirreferi għal mara individwali indirizzata bħala Kyria, li hi l-kelma Griega għal “sinjura.” Jew forsi qed juża espressjoni figurattiva biex jindirizza lil kongregazzjoni partikulari sabiex iħawwad lill-persekuturi. Jekk dan taʼ l-aħħar kien il-każ, uliedha kienu l-membri taʼ din il-kongregazzjoni u l-espressjoni ‘wlied oħtha’ rreferiet għall-membri taʼ kongregazzjoni oħra.
7—Ġwanni dwar liema ‘miġja’ taʼ Ġesù qed jitkellem hawnhekk, u l-qarriqin kif ‘ma jistqarruhiex’? Il-‘miġja’ m’hijiex il-miġja futura u inviżibbli taʼ Ġesù. Minflok, hija l-miġja tiegħu bħala bniedem u l-fatt li ġie midluk bħala l-Kristu. (1 Ġw. 4:2) Il-qarriqin ma jistqarruhiex din il-miġja tiegħu bħala bniedem. Forsi jiċħdu li Ġesù qatt għex jew jirrifjutaw li ġie midluk bl-ispirtu qaddis.
Lezzjonijiet Għalina:
2, 4. Li nsiru nafu “l-verità”—il-ġabra kollha kemm hi taʼ tagħlim Kristjan li sar parti mill-Bibbja—u li nżommu magħha huma essenzjali għas-salvazzjoni tagħna.—3 Ġw. 3, 4.
8-11. Jekk ma rridux nitilfu “l-qalb tajba mhix mistħoqqa, il-ħniena u l-paċi mingħand Alla l-Missier u mingħand Ġesù Kristu,” kif ukoll is-sħubija kollha mħabba taʼ sħabna fit-twemmin, għandna ‘noqogħdu attenti’ għalina nfusna spiritwalment u nwarrbu lil dawk li ‘ma jibqgħux fit-tagħlim tal-Kristu.’—2 Ġw. 3.
SIRU “ĦADDIEMA SĦABHOM FIL-VERITÀ”
It-tielet ittra taʼ Ġwanni hi indirizzata lill-ħabib persunali tiegħu Gaju. “M’għandix raġuni akbar minn din biex irrodd ħajr,” jikteb hu, “li nismaʼ li wliedi jkomplu mexjin fil-verità.”—3 Ġw. 4.
Ġwanni jfaħħar lil Gaju għax ‘qed juri fedeltà’ billi qed jgħin lill-aħwa li jżuruh. “Aħna għandna l-obbligu li nilqgħu lil nies bħal dawn bl-ospitalità,” jgħid l-appostlu, “biex insiru ħaddiema sħabhom fil-verità.”—3 Ġw. 5-8.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
11—Xi wħud għala jieħdu sehem f’kondotta ħażina? Billi huma neqsin mill-ispiritwalità, xi wħud ma jarawx lil Alla bl-għajnejn tal-fehma. Ladarba ma jistgħux jarawh bl-għajnejn letterali tagħhom, huma jaġixxu bħallikieku hu mhux qed jarahom.—Eżek. 9:9.
14—Min huma dawk li ssir referenza għalihom bħala “ħbieb”? It-terminu “ħbieb” hawnhekk jinkludi iktar minn dawk li jgawdu relazzjonijiet mill-qrib maʼ xulxin. Ġwanni jużah biex jirreferi għal sħabu fit-twemmin in ġenerali.
Lezzjonijiet Għalina:
4. Individwi maturi spiritwalment fil-kongregazzjoni jesperjenzaw ferħ kbir meta jaraw il-membri iżgħar tagħha “jkomplu mexjin fil-verità.” U x’ferħ inkomparabbli jesperjenzaw il-ġenituri meta jirnexxilhom jgħinu lil uliedhom isiru japprezzaw l-affarijiet spiritwali!
5-8. Fost dawk li jaħdmu iebes għan-nom taʼ ħuthom għax iħobbu lilhom u lil Ġeħova hemm l-indokraturi li jivvjaġġaw, il-missjunarji, dawk li jaqdu fi djar Betel jew fl-uffiċċji tal-fergħa, u dawk li huma pijunieri. Il-fidi tagħhom hi taʼ min jimitaha, u jixirqilhom l-appoġġ bi mħabba tagħna.
9-12. Għandna nimitaw l-eżempju tal-leali Demetriju u mhux dak tal-lablabi Dijotrefe, li kien kalunnjatur.
“ŻOMMU RUĦKOM FL-IMĦABBA T’ALLA”
Ġuda jiddeskrivi lil dawk li jinfiltraw fil-kongregazzjoni bħala li “dejjem igergru, jilmentaw dwar xortihom, jimxu skond ix-xewqat tagħhom stess, u fommhom jgħid kliem li jneffaħ, waqt li jammiraw individwi.”—Ġuda 4, 16.
Il-Kristjani kif jistgħu jirreżistu l-influwenzi ħżiena? “Maħbubin,” jikteb Ġuda, “ftakru l-kliem li ntqal qabel mill-appostli tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.” Hu jżid: “Żommu ruħkom fl-imħabba t’Alla.”—Ġuda 17-21.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
3, 4—Ġuda għala ħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘jiġġieldu bl-aħrax għall-fidi’? Għaliex xi ‘rġiel mhux devoti kienu daħlu baxx baxx’ fil-kongregazzjoni. Dawn l-irġiel kienu qed “idawru l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla . . . fi skuża għall-kondotta laxka.”
20, 21—Kif nistgħu ‘nżommu ruħna fl-imħabba t’Alla’? Nistgħu nagħmlu dan bi tliet modi: (1) billi ninbnew fuq “il-fidi l-iktar qaddisa” tagħna permezz taʼ studju diliġenti tal-Kelma t’Alla u billi jkollna sehem żeluż fix-xogħol taʼ l-ippridkar; (2) billi nitolbu “bl-ispirtu qaddis,” jew f’armonija maʼ l-influwenza tiegħu; u (3) billi neżerċitaw il-fidi f’dak li jagħmel il-ħajja taʼ dejjem possibbli—is-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù Kristu.—Ġw. 3:16, 36.
Lezzjonijiet Għalina:
5-7. Jistgħu l-ħżiena jiskansaw il-ġudizzju taʼ Ġeħova? Skond it-tliet eżempji taʼ twissija li jsemmi Ġuda, dan hu impossibbli.
8-10. Għandna nsegwu l-eżempju taʼ l-arkanġlu Mikiel u nuru rispett lejn dawk li ngħataw l-awtorità minn Alla.
12. L-apostati li taparsi jħobbuna huma perikolużi għall-fidi tagħna daqskemm il-blat moħbi taħt l-ilma hu perikoluż għall-vapuri jew għall-għawwiema. L-għalliema foloz jistgħu jidhru li huma ġenerużi, imma huma bħal sħab bla xita għaliex huma vojti spiritwalment. Uħud bħal dawn huma bla frott bħal siġar mejtin fl-aħħar tal-ħarifa. Huma jiffaċċjaw il-qerda, bħalma jagħmlu s-siġar imqaċċtin mill-għeruq. Inkunu għorrief jekk nevitaw l-apostati.
22, 23. Il-Kristjani veri jobogħdu dak li hu ħażin. Fi sforz biex isalvaw lil “uħud li għandhom id-dubji” minn ġon-nar tal-qerda taʼ dejjem, uħud maturi fil-kongregazzjoni—speċjalment l-indokraturi maħturin—jipprovdulhom l-għajnuna spiritwali.
[Stampi f’paġna 28]
L-ilma, l-ispirtu, u d-demm xehdu li “Ġesù hu l-Iben t’Alla”