ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 21
GĦANJA 21 Ibqgħu fittxu s-Saltna l-ewwel
Kompli Stenna l-Belt li Se Tibqaʼ
“Qed nistennew b’qalbna kollha l-belt li għandha tiġi fil-futur.”—LHUD 13:14.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif dak li hemm f’Lhud kapitlu 13 jistaʼ jgħinna llum u fil-futur.
1. Ġesù x’qal li kien se jiġrilha Ġerusalemm?
FTIT ġranet qabel Ġesù Kristu miet, hu qal profezija lid-dixxipli tiegħu. Din il-profezija ġrat l-ewwel darba meta nqerdu Ġerusalemm u t-tempju. Hu qal li Ġerusalemm kellha tkun “imdawra bl-armati kkampjati.” (Luqa 21:20) Ġesù qal ukoll lid-dixxipli biex meta jaraw l-armata, jaħarbu mil-Lhudija mill-ewwel. Dak li qal ġara meta r-Rumani dawru lil Ġerusalemm.—Luqa 21:21, 22.
2. L-appostlu Pawlu x’fakkarhom li kellhom jagħmlu l-Kristjani li kienu jgħixu l-Lhudija u Ġerusalemm?
2 Ftit snin qabel ma r-Rumani dawru lil Ġerusalemm, l-appostlu Pawlu kiteb ittra importanti lill-Kristjani li kienu fil-Lhudija u Ġerusalemm. Illum, din l-ittra qiegħda fil-Bibbja bħala l-ktieb tal-Lhud. Fiha Pawlu kiteb ħafna pariri biex jipprepara lill-Kristjani għaż-żmien diffiċli li kien ġej. X’kien se jiġri? Ġerusalemm kienet se tinqered. Allura, biex il-Kristjani jsalvaw, kellhom ikunu lesti li jħallu d-djar u n-negozji tagħhom. Fil-fatt, dwar Ġerusalemm Pawlu kiteb: “Aħna hawn m’għandniex belt li tibqaʼ.” Imbagħad qal: “Allura qed nistennew b’qalbna kollha l-belt li għandha tiġi fil-futur.”—Lhud 13:14.
3. X’inhi “l-belt mibnija fis-sod,” u għala nibqgħu nistennewha?
3 Meta l-Kristjani ddeċidew li jitilqu mil-Lhudija u minn Ġerusalemm, wisq probabbli ħafna nies għajruhom u daħqu bihom. Imma d-deċiżjoni li ħadu salvatilhom ħajjithom. B’mod simili, ħafna nies illum jgħidu li aħna boloh għax iddeċidejna li ma nafdawx fil-flus u fin-nies biex isolvu l-problemi. Aħna għala nibqgħu nżommu mad-deċiżjoni li ħadna? Għax nafu li din is-sistema dalwaqt se tispiċċa. Aħna qed nistennew “il-belt mibnija fis-sod,” jiġifieri l-belt li għandha tiġi fil-futur, is-Saltna t’Alla.a (Lhud 11:10; Mat. 6:33) F’dan l-artiklu se niddiskutu tliet punti: (1) kif dak li qal Pawlu lill-Kristjani għenhom biex jibqgħu jistennew il-belt li għandha tiġi fil-futur, (2) kif Pawlu ppreparahom biex jaħarbu minn Ġerusalemm, u (3) kif il-pariri tiegħu jistgħu jgħinu lilna wkoll.
AFDA F’ĠEĦOVA GĦAX QATT MHU SE JABBANDUNAK
4. Ġerusalemm għala kienet importanti għall-Kristjani?
4 Il-belt taʼ Ġerusalemm kienet importanti ħafna għall-Kristjani. L-ewwel kongregazzjoni kienet bdiet minn hemmhekk, fis-sena 33 WK. Fiha kien hemm ukoll l-aħwa tal-ġemgħa li tiggverna. Ħafna mill-aħwa kellhom dar fil-belt u affarijiet materjali. Imma Ġesù wissa lill-Kristjani li kien se jkollhom joħorġu minn Ġerusalemm u anke mil-Lhudija.—Mat. 24:16.
5. Pawlu kif ipprepara lill-Kristjani għal dak li kien ġej?
5 Biex jipprepara lill-Kristjani, l-appostlu Pawlu għenhom iħarsu lejn il-belt taʼ Ġerusalemm bil-mod kif kien iħares lejha Ġeħova. Hu fakkarhom li Ġeħova m’għadux jaċċetta s-sagrifiċċji u x-xogħol tal-qassisin fit-tempju. (Lhud 8:13) Ħafna min-nies li kien jgħixu hemm m’emmnux f’Ġesù. In-nies ma kellhomx għalfejn jibqgħu jmorru Ġerusalemm biex iqimu lil Alla. U dalwaqt, il-belt u t-tempju kienu se jinqerdu.—Luqa 13:34, 35.
6. Il-Kristjani għala kellhom bżonn il-parir li tahom Pawlu f’Lhud 13:5, 6?
6 Meta Pawlu kiteb l-ittra lil-Lhud, Ġerusalemm kienet belt li n-nies kienu jieħdu pjaċir jgħixu fiha jew iżuruha. Kittieb famuż Ruman taʼ dak iż-żmien qal li Ġerusalemm kienet l-iktar belt famuża f’dik in-naħa tad-dinja. Lhud minn pajjiżi differenti kienu jmorru hemmhekk kull sena għall-festi tagħhom. U minħabba f’hekk, kienu jonfqu ħafna flus. Allura jistaʼ jkun li xi Kristjani kienu jmorru sew fin-negozju tagħhom matul dak iż-żmien. Forsi għalhekk Pawlu kitbilhom: “Tħobbux il-flus, minflok kunu kuntenti b’dak li għandkom.” Imbagħad hu kkwotalhom skrittura bħala garanzija personali minn Ġeħova: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” (Aqra Lhud 13:5, 6; Dewt. 31:6; Slm. 118:6) Il-Kristjani li kienu jgħixu Ġerusalemm u l-Lhudija iktar tard kien se jkollhom bżonnu dan il-kliem, għax ftit wara li rċivew din l-ittra, kien ħa jkollhom iħallu warajhom id-djar, in-negozji, u ħafna mill-affarijiet li kellhom biex jibdew ħajja ġdida f’post differenti.
7. Għala għandna nsaħħu l-fiduċja tagħna f’Ġeħova minn issa?
7 Il-lezzjoni għalina: X’se jiġri dalwaqt? Dalwaqt se jibda ż-“żmien taʼ tbatija kbira” u din id-dinja ħażina se tispiċċa. (Mat. 24:21) Eżatt bħaż-żmien tal-Kristjani tal-bidu, aħna rridu nibqgħu għassa u nippreparaw minn issa għal dak iż-żmien. (Luqa 21:34-36) Matul iż-żmien taʼ tbatija kbira, jaf ikollna nħallu warajna xi affarijiet bħad-dar jew l-affarijiet materjali kollha li għandna. F’dak iż-żmien irridu nafdaw f’Ġeħova li hu żgur mhux se jitlaqna waħedna. Però anki issa, qabel jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, nistgħu nuru kemm nafdaw lil Ġeħova. Saqsi lilek innifsek, ‘B’dak li qed nagħmel u l-pjanijiet tiegħi għall-futur, qiegħed nuri li ma nafdax fil-flus imma f’Ġeħova biex jieħu ħsiebi?’ (1 Tim. 6:17) Għalkemm nistgħu nitgħallmu ħafna mill-Kristjani tal-bidu, irridu nżommu f’moħħna li ż-“żmien taʼ tbatija kbira” li se niffaċċjaw aħna se jkun ħafna iktar diffiċli. Allura, kif se nkunu nafu x’għandna nagħmlu meta jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira?
OBDI LIL DAWK LI QED IMEXXU
8. Ġesù x’qal lid-dixxipli biex jagħmlu?
8 Ftit snin wara li Pawlu bagħat l-ittra lil-Lhud, il-Kristjani raw l-armata Rumana tikkampja madwar Ġerusalemm. Meta dan ġara, il-Kristjani kienu jafu li wasal il-ħin biex jitilqu minn Ġerusalemm u l-Lhudija, għax dalwaqt il-belt kienet se tinqered. (Mat. 24:3; Luqa 21:20, 24) Imma fejn kellhom imorru? Ġesù kien qalilhom: “Dawk li jkunu fil-Lhudija għandhom jaħarbu lejn il-muntanji.” (Luqa 21:21) Madwar Ġerusalemm kien hemm ħafna muntanji. Allura f’liema direzzjoni kellhom imorru?
9. Lejn liema muntanji setgħu ħasbu li jistgħu jmorru l-Kristjani? (Ara wkoll il-mappa.)
9 Kien hemm ħafna muntanji fejn il-Kristjani setgħu jaħarbu, pereżempju l-muntanji tas-Samarija, il-muntanji fil-Galilija, il-Muntanja Ħermon, il-muntanji tal-Libanu, u l-muntanji tan-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan. (Ara l-mappa.) Xi nies ħasbu li jekk imorru jgħixu fil-bliet f’dawn il-muntanji, kienu se jkunu protetti. Pereżempju, il-belt taʼ Gamla kienet qiegħda f’muntanja għolja ħafna u kien diffiċli biex tasal għaliha. Allura xi Lhud ħasbu li din il-belt kienet l-aħjar post fejn imorru. Imma r-Rumani attakkaw il-belt u qerduha, u ħafna nies li kienu jgħixu hemm mietu.b
Kien hemm ħafna muntanji fejn il-Kristjani setgħu jmorru, imma mhux kollha kienu se jkunu protetti fihom (Ara paragrafu 9)
10-11. (a) Ġeħova x’aktarx lil min uża biex imexxi lill-Kristjani? (Lhud 13:7, 17) (b) Il-Kristjani kif ibbenefikaw peress li obdew lil dawk li kienu qed imexxu? (Ara wkoll l-istampa.)
10 Il-Bibbja turi li Ġeħova ggwida lill-Kristjani permezz taʼ dawk li kienu qed imexxu fil-kongregazzjoni. Raġel li kien jistudja l-istorja jismu Ewsebju, iktar tard kiteb: “Il-Kristjani fil-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm kellhom direzzjoni minn Alla permezz taʼ rġiel maħturin. Din kienet li jitilqu minn Ġerusalemm qabel tibda l-gwerra, u biex jissetiljaw f’belt fir-reġjun tal-Perija jisimha Pella.” Din dehret li kienet belt tajba ħafna biex jaħarbu fiha. Ma kinitx ’il bogħod minn Ġerusalemm u ma kienx diffiċli ħafna biex tmur hemmhekk. Kienet belt li fiha ma kinux jgħixu ħafna Lhud, u allura ma kienx hemm nies jipprovaw jiġġieldu mar-Rumani fiha.—Ara l-mappa.
11 Il-Kristjani li ħarbu lejn il-muntanji mxew fuq il-parir tal-appostlu Pawlu biex ‘jobdu lil dawk li qed imexxu.’ (Aqra Lhud 13:7, 17.) B’hekk, huma salvaw. L-istorja turi li Alla m’abbandunax lil dawk li baqgħu ‘jistennew il-belt mibnija fis-sod,’ jiġifieri s-Saltna t’Alla.—Lhud 11:10.
Il-belt taʼ Pella kienet ideali għax kienet viċin u l-Kristjani kienu se jkunu protetti fiha (Ara paragrafi 10-11)
12-13. Ġeħova kif mexxa lin-nies tiegħu matul żminijiet diffiċli ħafna?
12 Il-lezzjoni għalina: Ġeħova juża lil dawk li qed imexxu biex jagħti direzzjoni speċifika lin-nies tiegħu. Il-Bibbja fiha ħafna eżempji li juru kif Ġeħova uża rġiel leali biex imexxi lin-nies tiegħu matul żmien diffiċli ħafna. (Dewt. 31:23; Slm. 77:20) U aħna llum naraw ċar li Ġeħova qed juża lil dawk li qed imexxu biex jiggwida lin-nies tiegħu.
13 Pereżempju, meta bdiet il-pandemija tal-COVID-19, “dawk li qed imexxu” taw direzzjonijiet lill-kongregazzjonijiet. L-anzjani rċivew direzzjonijiet kif l-aħwa kellhom jiltaqgħu flimkien u jkomplu jqimu lil Ġeħova. Ftit xhur wara li bdiet il-pandemija, kellna konvenzjoni f’iktar minn 500 lingwa. L-aħwa setgħu jaraw din il-konvenzjoni permezz tal-Internet jew it-televixin, jew jisimgħuha bir-radju. Qatt ma konna għamilna konvenzjoni bħal din qabel. L-ikel spiritwali qatt ma waqaf fil-pandemija. B’hekk, bqajna magħqudin. Nistgħu nkunu ċerti li jiġri x’jiġri fil-futur, Ġeħova se jibqaʼ jgħin lil dawk li qed imexxu biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin. Imma apparti li nafdaw f’Ġeħova u nobdu l-liġijiet tiegħu, liema kwalitajiet oħra għandna bżonn biex inkunu preparati għaż-żmien taʼ tbatija kbira u biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin?
ĦOBBU LIL XULXIN BĦALMA JAGĦMLU L-AĦWA U KUNU OSPITABBLI
14. Skont Lhud 13:1-3, il-Kristjani liema kwalitajiet kellhom juru qabel ma nqerdet Ġerusalemm?
14 Fiż-żmien taʼ tbatija kbira, se jkollna bżonn nuru li nħobbu lill-aħwa ħafna iktar minn qatt qabel. Ħa jkollna bżonn nimitaw lill-Kristjani li kienu jgħixu f’Ġerusalemm u fil-Lhudija. Huma dejjem kienu jħobbu lil xulxin. (Lhud 10:32-34) Imma fis-snin qabel ma nqerdet Ġerusalemm, kellhom juru iktar li ‘jħobbu lil xulxin bħalma jagħmlu l-aħwa’ u ‘jkunu ospitabbli.’c (Aqra Lhud 13:1-3.) Waqt iż-żmien tat-tbatija kbira, aħna wkoll irridu nuru iktar kemm inħobbu lill-aħwa.
15. Il-Kristjani għala kellhom juru mħabba u ospitalità wara li telqu minn Ġerusalemm?
15 Meta l-armata Rumana dawret lil Ġerusalemm u f’daqqa waħda telqet, il-Kristjani setgħu jaħarbu. Imma huma ma setgħux jieħdu ħafna affarijiet magħhom. (Mat. 24:17, 18) Allura waqt li kienu qed jivvjaġġaw lejn il-muntanji kellhom jgħinu lil xulxin. U meta waslu Pella, kellhom jgħinu lil xulxin jibdew ħajja ġdida. Ħafna mill-aħwa kellhom bżonn l-ikel, ħwejjeġ, u post fejn jgħixu. Allura, din kienet opportunità biex juru li jħobbu lil xulxin bħalma jagħmlu l-aħwa u jkunu ospitabbli billi jaqsmu dak li kellhom maʼ xulxin.—Titu 3:14.
16. Kif nistgħu nuru li nħobbu lill-aħwa li jkollhom bżonn l-għajnuna? (Ara wkoll l-istampa.)
16 Il-lezzjoni għalina: L-imħabba timmotivana biex ngħinu lill-aħwa meta jkollhom bżonn. Ħafna kienu lesti biex jgħinu materjalment u spiritwalment lil ħuthom li saru refuġjati għax kellhom jitilqu mid-dar minħabba xi gwerer jew diżastri naturali. Pereżempju, oħt mill-Ukrajna, li kellha titlaq minħabba l-gwerra qalet: “Aħna rajna kif Ġeħova uża lill-aħwa biex jiggwidana u jieħu ħsiebna. Huma għenuna u ħadu ħsiebna fl-Ukrajna, l-Ungerija, u issa fil-Ġermanja.” Meta nuru l-ospitalità mal-aħwa u nieħdu ħsiebhom, inkunu qed inħallu lil Ġeħova jużana.—Prov. 19:17; 2 Kor. 1:3, 4.
Il-Kristjani refuġjati llum għandhom bżonn l-għajnuna tagħna (Ara paragrafu 16)
17. Għala hu importanti ħafna li minn issa nitgħallmu nħobbu lil xulxin u nkunu ospitabbli?
17 Żgur li fiż-żmien tat-tbatija kbira, se jkun hemm iktar bżonn biex ngħinu lil xulxin. (Ħab. 3:16-18) Allura bħalissa Ġeħova qed jittrennjana biex ikollna kwalitajiet importanti bħal li nħobbu lil xulxin bħal aħwa u nkunu ospitabbli.
X’SE JIĠRI FIL-FUTUR?
18. Kif nistgħu nimitaw lill-Kristjani li ħarbu minn Ġerusalemm?
18 Meta nqerdet il-belt taʼ Ġerusalemm, il-Kristjani li ħarbu salvaw. Ġeħova baqaʼ jieħu ħsiebhom avolja kellhom jitilqu kollox warajhom. Dan x’jgħallimna? Aħna ma nafux kull ħaġa li se tiġri fil-futur. Imma nafu li Ġesù qalilna biex inkunu lesti ħalli nobdu. (Luqa 12:40) Nistgħu nimmeditaw ukoll fuq x’qal l-appostlu Pawlu lil-Lhud fl-ittra tiegħu, u napplikawh f’ħajjitna. U Ġeħova wiegħed lil kull wieħed u waħda minna li qatt mhu se jitlaqna jew jabbandunana. (Lhud 13:5, 6) Ejja nibqgħu nistennew is-Saltna t’Alla, li hi l-belt li se tibqaʼ, u ngawdu l-barkiet li se ġġib għal dejjem.—Mat. 25:34.
GĦANJA 157 Paċi Żgur!
a Illum il-ġurnata, meta naħsbu dwar re, nimmaġinaw xi ħadd li qed imexxi pajjiż sħiħ. Imma fi żmien il-Bibbja kien normali li re jmexxi fuq belt waħda u mhux fuq il-pajjiż kollu. Belt bħal din kienet meqjusa bħala saltna.—Ġen. 14:2.
b Dan ġara fis-sena 67 WK, ftit wara li l-Kristjani telqu mil-Lhudija u Ġerusalemm.
c Il-kelma li Pawlu uża f’dan il-vers tirreferi għall-imħabba li jkollhom il-membri tal-familja. Imma f’dan il-kuntest, Pawlu użaha biex tirreferi għall-imħabba b’saħħitha li jkollna għall-aħwa fil-kongregazzjoni.