Ġob
29 Ġob kompla jgħid:
2 “Kemm nixtieq immur lura fix-xhur taʼ qabel,
Meta Alla kien jipproteġini,
3 Meta xegħel lampa fuqi
Waqt li mxejt fid-dlam,
4 Meta kont iżgħar u iktar b’saħħti,
Meta Alla kien ħabib kbir tiegħi u kien fit-tinda miegħi,
5 Meta Dak li Jistaʼ Kollox kien għadu miegħi,
U t-tfal* tiegħi kienu madwari,
6 Meta l-imrieħel tiegħi kienu jipproduċu ħafna ħalib,
U kelli abbundanza taʼ żejt taż-żebbuġa.
7 Fiż-żmien meta kont immur ħdejn bieb il-belt,
U npoġġi fil-pjazza,
8 Iż-żgħażagħ kienu jarawni u jersquli b’rispett,*
U l-irġiel akbar fl-età kienu jqumu u joqogħdu bilwieqfa.
9 Il-kapijiet kienu jieqfu milli jitkellmu,
U jgħattu ħalqhom.
10 L-irġiel importanti ma kienu jgħidu xejn,
Lanqas kelma ma kienet toħroġ minn ħalqhom.
11 Kull min kien jismagħni tkellem tajjeb dwari,
U dawk li kienu jarawni qabżu għalija.
12 Għax jien kont insalva lill-fqir li kien jgħajjat għall-għajnuna,
Lill-orfni,* u lil kull min ma kellux min jgħinu.
13 Min kien wasal biex imut, kien iberikni,
U bl-għajnuna li kont nagħti, ferraħt lir-romol.
14 Dejjem kont naġixxi bil-ġustizzja;
Id-deċiżjonijiet tiegħi dejjem ħadthom b’mod ġust.
15 Jien sirt bħal għajnejn għal min ma jarax
U saqajn għal min izappap.
16 Jien kont bħal missier għall-foqra;
Kont ninvestiga l-każ taʼ nies li ma nafhomx biex ngħinhom.
17 Jien kont inwaqqaf lill-ħażin, li hu bħal annimal salvaġġ,
U nsalva l-vittmi tiegħu.
19 Se nkun bħal siġra li l-għeruq tagħha jinżlu sal-ilma,
U li jkollha n-nida fuq il-friegħi tagħha l-lejl kollu.
21 In-nies kienu jistennew biex jaraw x’se ngħid,
Jistennew bil-kwiet biex jisimgħu l-pariri tiegħi.
22 Wara li kont nitkellem jien, ma kienx ikollhom xi jżidu.
Huma kienu jieħdu pjaċir b’dak li ngħid.
23 Huma kienu jistennewni bħalma jistennew ix-xita,
U jħarsu ’l quddiem biex jisimgħu x’kont se ngħid
Bħalma jistennew ix-xita tar-rebbiegħa.
25 Kont niggwidahom bħala l-kap tagħhom;
Kont qisni re li jgħix fost is-suldati tiegħu,
U kont infarraġ lil min imutlu xi ħadd.