L-Ewwel Ittra lil Timotju
2 L-ewwel nett, inħeġġiġkom biex titolbu għal kull tip taʼ nies, billi titolbu bil-ħniena* lil Alla għall-għajnuna u tirringrazzjawh. 2 Itolbu għar-rejiet u għal dawk kollha li għandhom pożizzjoni għolja,* ħalli nkunu nistgħu nkomplu ngħixu fil-kwiet u l-paċi u nkunu leali lejn Alla għalkollox u nagħmlu kollox bil-ħeġġa.* 3 Dan hu tajjeb u aċċettabbli f’għajnejn Alla, Dak li Jsalvana. 4 Hu jrid li kull tip taʼ nies jiġu salvati u jkollhom għarfien eżatt dwar il-verità. 5 Għax hemm Alla wieħed, u medjatur* wieħed bejn Alla u n-nies, Kristu Ġesù. Dan hu r-raġel 6 li ta lilu nnifsu bħala fidwa* għal kulħadd.* Dwar dan se tingħata xhieda f’waqtha. 7 Hu għalhekk li ġejt inkarigat nipprietka u nkun appostlu, ħalli nkun nistaʼ ngħallem lill-popli dwar il-fidi u l-verità. Dan li qed ngħid hu veru, m’iniex nigdeb.
8 Għalhekk, jien nixtieq li f’kull post fejn jiltaqgħu l-irġiel leali* għandhom ikomplu jitolbu, mingħajr rabja u argumenti. 9 Ukoll, ninkuraġġixxi lin-nisa biex jiżżejnu bi lbies adattat,* bil-modestja u bl-għaqal,* mhux bi stili taʼ xagħar immaljat, deheb, perli, jew ħwejjeġ li jiswew ħafna. 10 Iva, biex jidhru sbieħ għandhom jagħmlu affarijiet tajbin kif jixraq lin-nisa li jqimu lil Alla.
11 Il-mara għandha toqgħod titgħallem bil-kwiet* u bl-umiltà.* 12 Ma nippermettix li mara tgħallem jew ikollha awtorità fuq raġel, imma għandha tibqaʼ kwieta.* 13 Għax Adam inħalaq l-ewwel, imbagħad Eva. 14 Ukoll, Adam ma ġiex imqarraq, imma l-mara ġiet imqarrqa għalkollox u dinbet. 15 Però, in-nisa se jibqgħu protetti billi jsiru ommijiet, dejjem jekk jibqgħu jgħixu bil-fidi, l-imħabba, il-qdusija, u l-għaqal.*