LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w24 Marzu pp. 26-31
  • Tistaʼ Tkun Ċert li Ġeħova Hu Ferħan Bik

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ Tkun Ċert li Ġeħova Hu Ferħan Bik
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • XI WĦUD GĦALA JĦOSSU LI ĠEĦOVA MHUX FERĦAN BIHOM?
  • ĠEĦOVA KIF JURINA LI HU FERĦAN BINA?
  • MODI OĦRA KIF INKUNU NAFU LI ĠEĦOVA HU FERĦAN BINA
  • Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Ġeħova “Jfejjaq lil Dawk taʼ Qalbhom Maqsuma”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Ġeħova Jħobbok Ħafna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • X’Nitgħallmu mill-Fidwa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
w24 Marzu pp. 26-31

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 13

GĦANJA 127 It-tip taʼ persuna li għandi nkun

Tistaʼ Tkun Ċert li Ġeħova Hu Ferħan Bik

“Jien ferħan ħafna bik.”—LQ. 3:22.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif tkun ċert li Ġeħova hu ferħan bik.

1. Xi qaddejja leali taʼ Ġeħova x’jistgħu jiddubitaw?

KEMM hu sabiħ li nafu li Ġeħova hu ferħan bin-nies tiegħu! Il-Bibbja tgħid: “Ġeħova jieħu pjaċir bil-poplu tiegħu.” (Salm 149:4) Imma oħrajn jistgħu tant ikunu skuraġġiti li jaħsbu, ‘Ġeħova hu ferħan bija?’ Il-Bibbja wkoll issemmi ħafna nies leali li sabuha diffiċli biex jemmnu li Ġeħova hu ferħan bihom.—1 Sam. 1:​6-10; Ġob 29:​2, 4; Salm 51:11.

2. Ġeħova b’min hu ferħan?

2 Il-Bibbja turina b’mod ċar li Ġeħova jistaʼ jkun ferħan b’nies imperfetti. Xi jridu jagħmlu? Iridu juru fidi f’Ġesù Kristu u jitgħammdu. (Ġw. 3:16) B’hekk ikunu qed juru lil oħrajn li vera jiddispjaċihom tal-iżbalji li għamlu u li wiegħdu lil Alla li se jobduh. (Atti 2:38; 3:19) Ġeħova jkun ferħan ħafna bina meta nagħmlu dawn l-affarijiet biex insiru l-ħbieb tiegħu. Jekk nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex inżommu l-wegħda tagħna, Ġeħova se jkun ferħan bina u jarana bħala l-ħbieb tiegħu.—Salm 25:14.

3. Liema mistoqsijiet se niddiskutu?

3 Xi wħud għala xi kultant iħossu li Alla mhux ferħan bihom? Ġeħova kif jurina li hu ferħan bina? Ħu jew oħt kif tistaʼ tkun ċerta li Alla hu ferħan biha?

XI WĦUD GĦALA JĦOSSU LI ĠEĦOVA MHUX FERĦAN BIHOM?

4-5. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti, avolja nħossu li m’aħna tajbin għal xejn?

4 Ħafna ilhom iħossu li mhuma tajbin għal xejn minn meta kienu tfal. (Salm 88:15) Ħu jismu Adrián jgħid: “Jien dejjem ħassejtni ma niswa għal xejn. Niftakar meta kont żgħir, kont nitlob biex il-familja tiegħi jkunu fil-ġenna tal-art. Imma jien kont ċert li ma kontx tajjeb biżżejjed biex inkun hemm magħhom.” Tony, li trabba f’familja li ma kinux Xhieda jgħid: “Ommi u missieri qatt ma qaluli li jħobbuni jew li huma kburin bija. Dan ġegħelni nħoss li nagħmel x’nagħmel qatt mhu se jkunu ferħanin bija.”

5 Jekk xi kultant inħossu li ma niswew għal xejn, irridu niftakru li Ġeħova ġibidna lejh. (Ġw. 6:44) Hu jara t-tajjeb fina li aħna ma narawx, u jafna sew. (1 Sam. 16:7; 2 Kron. 6:30) Mela aħna nistgħu nemmnuh meta jgħidilna li aħna importanti għalih.—1 Ġw. 3:​19, 20.

6. L-appostlu Pawlu kif kien iħossu dwar l-iżbalji li għamel fil-passat?

6 Qabel tgħallimna l-verità, xi wħud minna għamilna affarijiet li għadna nħossuna ħażin dwarhom. (1 Pt. 4:3) Aħwa leali oħra forsi jkollhom jiġġieldu kontra xewqat ħżiena. Int ġieli tħoss li Ġeħova ma jistax jaħfirlek? Jekk iva, se tħossok aħjar jekk iżżomm f’moħħok li qaddejja leali taʼ Ġeħova ħassewhom bħalek. Pereżempju, l-appostlu Pawlu vera ħassu ħażin meta ħaseb dwar l-imperfezzjonijiet li kellu. (Rum. 7:24) Hu kien iddispjaċieh għall-iżbalji li għamel u tgħammed. Imma hu qal li kien “l-inqas wieħed mill-appostli” u ‘l-iktar midneb li jispikka.’—1 Kor. 15:9; 1 Tim. 1:15.

7. X’għandna niftakru dwar l-iżbalji li għamilna fil-passat?

7 Missierna tas-sema jwegħedna li jekk vera jiddispjaċina, se jaħfrilna. (Salm 86:5) Mela jekk vera ddispjaċiena għad-dnubiet li għamilna, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova żamm kelmtu u ħafrilna.—Kol. 2:13.

8-9. X’nistgħu nagħmlu jekk inħossu li l-aħjar tagħna qatt mhu biżżejjed għal Ġeħova?

8 Aħna kollha nixtiequ nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex naqdu lil Ġeħova. Imma ħafna jistgħu jaħsbu li jagħmlu x’jagħmlu għal Ġeħova qatt mhu biżżejjed. Oħt jisimha Amanda tgħid: “Ħafna drabi naħseb li biex nagħti l-aħjar lil Ġeħova bilfors irrid nagħmel iktar. Allura nipprova nagħmel iżjed milli nistaʼ. Imbagħad, meta ma jirnexxilix, niddiżappunta ruħi u nibda naħseb li Ġeħova jħossu l-istess dwari.”

9 X’nistgħu nagħmlu jekk inħossu li l-aħjar tagħna qatt mhu biżżejjed għal Ġeħova? Ftakar li Ġeħova hu raġonevoli. Hu qatt ma jistenna li nagħmlu iżjed milli nifilħu. Hu japprezza kulma nagħmlu għalih, la jkun l-aħjar li nistgħu ntuh. Aħseb ukoll f’nies fil-Bibbja li qdew lil Ġeħova b’qalbhom kollha, bħal Pawlu. Hu ħadem iebes għal ħafna snin billi vjaġġa f’postijiet ’il bogħod u beda ħafna kongregazzjonijiet. Imma meta nbidlulu ċ-ċirkostanzi u ma baqax jipprietka daqs kemm setaʼ, Ġeħova baqaʼ ferħan bih. Pawlu baqaʼ jagħmel dak li setaʼ u Ġeħova bierku. (Atti 28:​30, 31) Bħal Pawlu, dak li nkunu nistgħu nagħtu lil Ġeħova jistaʼ jinbidel. Imma l-importanti għalih hu għala qed naqduh. Ejja naraw xi modi kif Ġeħova juri li hu ferħan bina.

ĠEĦOVA KIF JURINA LI HU FERĦAN BINA?

10. Kif nistgħu nkunu nafu li Ġeħova hu ferħan bina? (Ġwanni 16:27)

10 Hu tana l-Bibbja. Ġeħova jfittex modi biex juri lill-qaddejja tiegħu li hu jħobbhom u ferħan bihom. Fil-Bibbja nsibu żewġ okkażjonijiet fejn hu qal lil Ġesù li kien iħobbu u hu ferħan bih. (Mt. 3:17; 17:5) Tixtieq li Ġeħova jgħid li hu ferħan bik ukoll? Ġeħova ma jkellimniex mis-sema, imma jkellimna permezz tal-Bibbja. Meta naqraw dak li qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu, ikun qisu qed nisimgħu lil Ġeħova jgħid l-istess kliem lilna. (Aqra Ġwanni 16:27.) Ġesù imita lil Missieru b’mod perfett. Mela meta naqraw li Ġesù qal lid-dixxipli imperfetti tiegħu li hu ferħan bihom, nistgħu nimmaġinaw lil Ġeħova jgħid l-istess lilna.—Ġw. 15:​9, 15.

Oħt id-dar qed taqra l-Bibbja.

Ġeħova juri li hu ferħan bina b’ħafna modi (Ara paragrafu 10)


11. Meta ngħaddu mill-problemi għala m’għandniex naħsbu li Ġeħova mhux ferħan bina? (Ġakbu 1:12)

11 Hu jtina li għandna bżonn. Ġeħova jixtieq jgħinna, pereżempju billi jipprovdilna dak li għandna bżonn. Imma kultant iħallina ngħaddu mill-problemi, bħalma għamel maʼ Ġob. (Ġob 1:​8-11) Dan ma jfissirx li Ġeħova m’għadux ferħan bina. Minflok, dawn il-problemi jtuna ċ-ċans biex nuru lil Ġeħova kemm inħobbuh u kemm nafdawh. (Aqra Ġakbu 1:12.) Waqt li nkunu għaddejjin mill-problemi nkunu nistgħu naraw kemm iħobbna u kemm qed jgħinna nissaportu.

12. X’nitgħallmu mill-eżempju taʼ Dmitrii?

12 Ara x’ġara lil ħu mill-Asja jismu Dmitrii. Hu tilef ix-xogħol u ma setax isib ieħor għal ħafna xhur. Hu ddeċieda li jafda f’Ġeħova u beda jipprietka iżjed. Imma, għaddew ħafna xhur u xorta ma sabx xogħol. Imbagħad marad b’marda serja u ma setax joħroġ mis-sodda. Hu beda jaħseb li m’għadux raġel u missier tajjeb u li Ġeħova m’għadux ferħan bih. Imbagħad darba, it-tifla pprintjatlu l-kliem taʼ Isaija 30:15: “Se tkunu setgħanin jekk ma tinkwetawx u jkollkom il-fiduċja.” Hi tathielu u qaltlu, “Pa, meta tħossok imdejjaq, ftakar f’din l-iskrittura.” Dmitrii fehem li grazzi għal Ġeħova, il-familja tiegħu xorta kellhom l-ikel, il-ħwejjeġ, u post fejn joqogħdu. Hu jgħid: “Kelli bżonn nibqaʼ kalm u nafda f’Alla.” Jekk għaddej minn problema simili, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jimpurtah minnek u se jgħinek tissaporti.

Ħu qiegħed fis-sodda u qed iżomm karta f’idejh u jżomm id it-tifla tiegħu.

Ġeħova juri li hu ferħan bina b’ħafna modi (Ara paragrafu 12)a


13. Ġeħova lil min juża biex jurina li hu ferħan bina, u kif?

13 Hu juża lill-aħwa. Ġeħova juża lill-aħwa biex jurina kemm hu ferħan bina. Pereżempju, jistaʼ juża lil oħrajn biex jinkuraġġuna meta jkollna bżonn. Dan ġara lil oħt mill-Asja li kellha ħafna stress. Hi kienet tilfet ix-xogħol u mardet. Imbagħad ir-raġel tagħha għamel dnub serju u ma baqax jaqdi bħala anzjan. Hi qalet: “Ma stajtx nifhem għala kien qed jiġrili hekk. Ħsibt li forsi għamilt xi ħaġa ħażina u b’hekk Ġeħova m’għadux ferħan bija.” L-oħt talbet lil Ġeħova biex juriha li għadu ferħan biha. Hu x’għamel? Hi tgħid: “L-anzjani tkellmu miegħi u għenuni nara li Ġeħova għadu jħobbni.” Imma xi żmien wara, hi reġgħet talbet lil Ġeħova biex jgħinha. Hi tkompli: “Dakinhar stess irċivejt ittra mingħand xi aħwa fil-kongregazzjoni. Jien u naqra l-kliem sabiħ tagħhom, ħassejt li Ġeħova kien semaʼ t-talba tiegħi.” Dan jurina li Ġeħova juża lil oħrajn biex jurina kemm hu ferħan bina.—Salm 10:17.

Żewġ anzjani jinkuraġġixxu oħt id-dar tagħha. Huma u jkellmuha għandhom il-Bibbja miftuħa.

Ġeħova juri li hu ferħan bina b’ħafna modi (Ara paragrafu 13)b


14. Ġeħova b’liema mod ieħor jurina li hu ferħan bina?

14 Ġeħova jurina li hu ferħan bina billi juża l-aħwa ħalli jtuna xi pariri meta jkollna bżonn. Pereżempju, fi żmien il-Kristjani tal-bidu, Ġeħova uża lill-appostlu Pawlu biex jikteb 14-il ittra. F’dawk l-ittri, Pawlu ta lill-aħwa pariri sodi imma bi mħabba. Ġeħova għala ried li Pawlu jagħti dawn il-pariri? Ġeħova hu Missier tajjeb, u jikkoreġi lit-tfal tiegħu “li jħobb.” (Prov. 3:​11, 12) Mela meta xi ħadd itina parir mill-Bibbja, ma jfissirx li Ġeħova mhux ferħan bina, anzi jfisser li għadu jħobbna. (Ebr. 12:6) B’liema modi oħra nistgħu naraw li Ġeħova għadu ferħan bina?

MODI OĦRA KIF INKUNU NAFU LI ĠEĦOVA HU FERĦAN BINA

15. Ġeħova lil min jagħti l-ispirtu qaddis, u minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

15 Ġeħova jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li hu ferħan bihom. (Mt. 12:18) Saqsi lilek innifsek, ‘Nuri kwalitajiet li jiġu mill-ispirtu qaddis?’ Sirt iżjed paċenzjuż milli kont qabel ma sirt taf lil Ġeħova? Iżjed ma turi kwalitajiet li jiġu mill-ispirtu t’Alla, iżjed tistaʼ tkun ċert li Ġeħova hu ferħan bik!—Ara l-kaxxa “Il-Frott tal-Ispirtu Hu . . . ”

Mara kbira fl-età waqgħulha xi affarijiet mix-xirja u ħu qed jgħinha tiġborhom.

Kif tistaʼ tkun taf li Ġeħova hu ferħan bik? (Ara paragrafu 15)


“Il-Frott tal-Ispirtu Hu . . . ”

Biex titgħallem iżjed dwar kull kwalità li tiġi mill-ispirtu t’Alla, ara dawn id-disaʼ artikli f’​It-Torri tal-Għassa.—Gal. 5:​22, 23.

  • “L-imħabba—Kwalità prezzjuża” (w17.08)

  • “Il-ferħ—Kwalità li nirċievu mingħand Alla” (w18.02)

  • “Il-paċi—Kif tistaʼ ssibha?” (w18.05)

  • “Is-sabar fit-tul—Nissaportu bi skop” (w18.08)

  • “Il-qalb tajba—Kwalità li tintwera b’dak li ngħidu u nagħmlu” (w18.11)

  • “It-tjubija—Kif tistaʼ tiżviluppaha?” (w19.03)

  • “Il-fidi—Kwalità li ssaħħaħna” (w19.08)

  • “Il-Ħlewwa—Għala Hi taʼ Ġid Għalina?” (w20.05)

  • “Ir-Rażan—Għandna Bżonnu Biex Nogħġbu lil Ġeħova” (w20.06)

16. Ġeħova lil min juża biex tiġi ppritkata l-aħbar tajba, u dan kif iġiegħlek tħossok? (1 Tessalonikin 2:4)

16 Ġeħova jafda lil dawk li hu ferħan bihom biex jippritkaw l-aħbar tajba. (Aqra l-​1 Tessalonikin 2:4.) Ara kif oħt jisimha Jocelyn saret ċerta minn dan. Darba, Jocelyn bdiet tħossha mdejqa ħafna. Hi tgħid: “Ħassejtni bla saħħa u ma niswa għal xejn. Imma jien kont pijuniera u dakinhar kienet il-ġurnata li noħroġ nipprietka. Allura għedt talba u ħriġt fuq il-grupp.” Dakinhar Jocelyn iltaqgħet maʼ Mary, u bdiet tistudja l-Bibbja magħha. Xi xhur wara, Mary qalet li hi kienet qed titlob lil Alla biex jgħinha meta Jocelyn ħabtitilha l-bieb. Jocelyn x’tgħallmet minn din l-esperjenza? Hi tgħid: “Ħassejt qisu Ġeħova qed jgħidli, ‘Jien ferħan bik.’” Ovvjament, mhux kulħadd jismaʼ l-messaġġ li nippritkaw. Imma nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jkun ferħan meta nagħmlu l-aħjar tagħna biex nippritkaw.

Żewġ aħwa nisa ħdejn it-trolley qed jitkellmu maʼ mara.

Kif tistaʼ tkun taf li Ġeħova hu ferħan bik? (Ara paragrafu 16)c


17. X’titgħallem minn Vicky dwar il-fidwa? (Salm 5:12)

17 Ġeħova japplika l-fidwa għal dawk li hu ferħan bihom. (1 Tim. 2:​5, 6) Imma x’nistgħu nagħmlu jekk ma nħossux li Ġeħova hu ferħan bina, avolja nemmnu fil-fidwa u mgħammdin? Tinsiex, aħna mhux dejjem nistgħu nafdaw kif inħossuna, imma lil Ġeħova nistgħu nafdawh. Dawk li għandhom fidi fil-fidwa huma nies sewwa għalih u hu jwiegħed li se jberikhom. (Aqra Salm 5:12; Rum. 3:26) Oħt jisimha Vicky sabitha t’għajnuna li taħseb dwar il-fidwa. Hi qalet: “Ġeħova kien paċenzjuż miegħi għal dan iż-żmien kollu. . . . Imma jien kont qisni qed ngħidlu: ‘Int ma tistax tħobb lil xi ħadd bħali. Is-sagrifiċċju t’Ibnek mhuwiex biżżejjed biex ipatti għad-dnubiet tiegħi.’” Meta bdiet taħseb fuq ir-rigal tal-fidwa, bdiet tħoss kemm Ġeħova kien iħobbha. Aħna wkoll se nħossu li Ġeħova jħobbna u li hu ferħan bina meta naħsbu dwar il-fidwa.

Ħu l-ħabs qiegħed jimmaġina lil Ġesù fuq iz-zokk tat-tortura.

Kif tistaʼ tkun taf li Ġeħova hu ferħan bik? (Ara paragrafu 17)


18. Jekk nibqgħu nħobbu lil Ġeħova minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

18 Kultant nistgħu nħossuna skuraġġiti u naħsbu li Ġeħova m’għadux ferħan bina, avolja nipprovaw napplikaw dak li tgħallimna f’dan l-artiklu. Jekk jiġrilek hekk, ftakar li hu ferħan b’dawk li “jibqgħu jħobbuh.” (Ġak. 1:12) Mela ibqaʼ ersaq qrib Ġeħova u ara b’liema modi juri li hu ferħan bik. Qatt tinsa li Ġeħova “mhux ’il bogħod minna.”—Atti 17:27.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Xi wħud għala jħossu li Ġeħova mhux ferħan bihom?

  • Ġeħova b’liema modi jurina li hu ferħan bina?

  • Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova hu ferħan bina?

GĦANJA 88 Għarrafni triqatek

a X’TURINA L-ISTAMPA: Ir-ritratt juri x’ġara fl-esperjenza

b X’TURINA L-ISTAMPA: Ir-ritratt juri x’ġara fl-esperjenza

c X’TURINA L-ISTAMPA: Ir-ritratt juri x’ġara fl-esperjenza

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja