LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • cl kap. 28 pp. 280-289
  • “Int Biss Leali”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Int Biss Leali”
  • Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Inhi l-​Lealtà?
  • Il-​Lealtà li M’Hawnx Bħalha taʼ Jehovah
  • Jehovah ‘Ma Jitlaqx lil-​Leali Tiegħu’
  • L-​Imħabba Leali taʼ Jehovah Tiftaħ it-​Triq tas-​Salvazzjoni
  • Ara l-Leali!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Nilqgħu l-Isfida tal-Lealtà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Lejn Min Għandek Tkun Leali?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Lejaltà b’Liema Prezz?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
cl kap. 28 pp. 280-289
Il-qamar fis-sema billejl

KAPITLU 28

“Int Biss Leali”

1, 2. Għala jistaʼ jingħad li n-​nuqqas taʼ lealtà ma kienx xi ħaġa ġdida għas-​Sultan David?

IN-​NUQQAS taʼ lealtà ma kienx xi ħaġa ġdida għas-​Sultan David. F’perijodu minnhom matul il-​ħakma tiegħu mimlija komplotti, nies min-​nazzjon tiegħu stess ikkonfoffaw kontrih. Barra minn hekk, David ġie tradut minn xi wħud li kont taħsibhom li huma ħbiebu tal-​qalb. Ejja nieħdu lil Mikal, l-​ewwel mara taʼ David. Għall-​ewwel, hi “kienet tħobb lil David,” u żgur li kienet tappoġġah fil-​qadi tiegħu bħala sultan. Madankollu, iktar tard, hi “stmerritu f’qalbha,” u saħansitra qieset lil David bħal ‘raġel bla ġieħ.’—1 Samwel 18:20; 2 Samwel 6:16, 20.

2 Imbagħad kien hemm Aħitofel, il-​wieħed li kien jagħti l-​pariri lil David. Il-​pariri tiegħu kienu stmati bħallikieku kienu ġejjin dirett mingħand Jehovah. (2 Samwel 16:23) Imma, maż-​żmien, dan il-​ħabib intimu u fdat sar traditur u ssieħeb fi rvell organizzat kontra David. U min kien il-​bniedem wara din il-​konfoffa? Absalom, bin David stess! Dan il-​bniedem li pprova jinqeda b’kull opportunità “seraq qalb in-​nies taʼ Iżrael,” u ħatar lilu nnifsu bħala sultan rivali. Ir-​rewwixta li qajjem Absalom tant ħraxet li s-​Sultan David kellu jaħrab biex isalva ġildu.—2 Samwel 15:1-​6, 12-​17.

3. David x’fiduċja kellu?

3 Kien hemm xi ħadd li baqaʼ leali lejn David? Matul l-​inkwiet kollu li għadda minnu, David kien jaf li xi ħadd kien hemm. Min? Ħadd ħlief Alla Jehovah. “Ma’ min hu tajjeb [“leali,” NW], int timxi bit-​tajjeb [“bil-​lealtà,” NW],” qal David dwar Jehovah.a (2 Samwel 22:26) X’inhi l-​lealtà, u Jehovah kif jipprovdi l-​aqwa eżempju taʼ din il-​kwalità?

X’Inhi l-​Lealtà?

4, 5. (a) X’inhi l-​“lealtà”? (b) Il-​lealtà kif inhi differenti mill-​fedeltà?

4 Il-​kelma “lealtà” kif tintuża fl-​Iskrittura Ebrajka hija qalb tajba li bi mħabba tintrabat m’oġġett u ma titilqux sakemm jitwettaq l-​iskop tagħha fi qbil ma’ dak l-​oġġett. Hemm iktar involut mill-​fedeltà. Wara kollox, persuna tistaʼ turi fedeltà għal xi ħaġa sempliċement minħabba s-​sens t’obbligu. B’kuntrast, il-​lealtà toriġina mill-​imħabba. Ħaġa oħra, ukoll, il-​kelma “fidil” tistaʼ tintuża għal affarijiet bla ħajja. Per eżempju, is-​salmista sejjaħ lill-​qamar “xhud fidil fis-​sema” peress li jidher b’mod regulari kull lejl. (Salm 89:37, KŻ) Imma l-​qamar ma jistax jiġi deskritt bħala li hu leali. Għala? Għax il-​lealtà hija espressjoni taʼ mħabba—xi ħaġa li l-​affarijiet bla ħajja ma jistgħux juruha.

Il-qamar jissejjaħ xhud fidil, imma ħlejjaq ħajjin u intelliġenti biss jistgħu verament jirriflettu l-lealtà ta’ Jehovah

5 Fis-​sens Skritturali, il-​lealtà hija sentiment qawwi li ġej mill-​qalb. It-​turija nfisha tal-​lealtà tindika li teżisti relazzjoni bejn il-​persuna li turi din il-​kwalità u l-​persuna l-​oħra li lilha qed tintwera. Lealtà bħal din ma toqgħodx tilgħab. M’hijiex bħall-​mewġ tal-​baħar li jmur fejn jieħdu r-​riħ. Għall-​kuntrarju, il-​lealtà, jew l-​imħabba leali, għandha l-​istabbilità u s-​saħħa li tegħleb l-​iktar ostakli diffiċli.

6. (a) Kemm hija rari l-​lealtà fost il-​bnedmin, u dan kif inhu indikat fil-​Bibbja? (b) Liema hu l-​aħjar mod biex nitgħallmu x’tinvolvi l-​lealtà, u għala?

6 Veru, lealtà bħal din hija rari llum. Spiss jiġri li jkun hemm “ħbieb taʼ l-​isem biss.” Iktar ma jgħaddi ż-​żmien iktar qed nisimgħu b’każi taʼ nies li jabbandunaw lis-​sieħeb jew sieħba tagħhom. (Proverbji 18:24; Malakija 2:14-​16) It-​tradimenti tant saru komuni li nistgħu naslu biex nirrepetu l-​kliem tal-​profeta Mikea: “Għab il-​bniedem twajjeb [“leali,” NW] mill-​pajjiż.” (Mikea 7:2) Għalkemm il-​bnedmin spiss jonqsu li juru qalb tajba bl-​imħabba, il-​lealtà hija kwalità li tispikka ħafna f’Jehovah. Fil-​fatt, l-​aħjar mod biex nitgħallmu x’tinvolvi eżatt il-​lealtà huwa li neżaminaw kif Jehovah juri dan l-​aspett grandjuż taʼ l-​imħabba tiegħu.

Il-​Lealtà li M’Hawnx Bħalha taʼ Jehovah

7, 8. Kif jistaʼ jingħad li Jehovah biss hu leali?

7 Il-​Bibbja tgħid dwar Jehovah: “Int biss leali.” (Rivelazzjoni 15:4, NW ) Dan kif jistaʼ jkun? Ma kienx hemm bnedmin u anġli wkoll li xi drabi wrew lealtà li tispikka? (Ġob 1:1; Apokalissi 4:8) U xi ngħidu għal Ġesù Kristu? M’huwiex hu l-​iktar “wieħed leali” t’Alla? (Salm 16:10, NW ) Allura, kif jistaʼ jingħad li Jehovah biss hu leali?

8 L-​ewwel ħaġa, ftakar li l-​lealtà hija aspett taʼ l-​imħabba. Ladarba “Alla hu mħabba”—billi hu l-​personifikazzjoni nfisha taʼ din il-​kwalità—min jistaʼ juri l-​lealtà b’mod iktar komplet minn Jehovah? (1 Ġwanni 4:8) Veru, l-​anġli u l-​bnedmin jistgħu jirriflettu l-​attributi t’Alla, imma Jehovah biss hu leali b’mod suprem. Bħala x-​“Xiħ fl-​għomor,” hu ilu juri l-​qalb tajba bl-​imħabba għal ħafna iktar żmien minn kwalunkwe ħliqa, fis-​sema jew fl-​art. (Danjel 7:9) B’hekk, Jehovah hu l-​essenza nfisha tal-​lealtà. Hu juri din il-​kwalità b’tali mod li l-​ebda ħliqa ma tistaʼ titqabbel miegħu. Ikkunsidra xi eżempji.

9. Jehovah kif inhu ‘leali f’dak kollu li jagħmel’?

9 Jehovah hu “twajjeb [“leali,” NW] f’dak kollu li għamel.” (Salm 145:17) B’liema mod? Salm 136 jipprovdi tweġiba. Hemmhekk jissemmew diversi atti taʼ salvazzjoni mwettqin minn Jehovah, inkluż il-​ħelsien drammatiku taʼ l-​Iżraelin mill-​Baħar l-​Aħmar. B’mod sinifikanti, f’kull vers taʼ dan is-​salm issir enfasi bil-​frażi: “Għax għal dejjem it-​tjieba [“qalb tajba bl-​imħabba,” NW, jew, lealtà] tiegħu.” Dan is-​salm hu inkluż fil-​Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni f’paġna 289. Int u taqra dawn il-​versi, ma tistax ma tibqax impressjonat bil-​ħafna modi li bihom Jehovah wera qalb tajba bl-​imħabba mal-​poplu tiegħu. Iva, Jehovah juri l-​lealtà mal-​qaddejja leali tiegħu billi jismaʼ l-​krib tagħhom għall-​għajnuna u billi jieħu azzjoni fiż-​żmien xieraq. (Salm 34:7 [34:6, NW]) L-​imħabba leali taʼ Jehovah għall-​qaddejja tiegħu ma tinbidilx sakemm huma jibqgħu leali lejh.

10. Jehovah kif juri l-​lealtà fejn jidħlu l-​livelli tiegħu?

10 Flimkien ma’ dan, Jehovah juri l-​lealtà mal-​qaddejja tiegħu billi jżomm sod mal-​livelli tiegħu. Kuntrarju għal xi bnedmin li m’humiex konsistenti u li jimxu fuq dak li jħossu u jfettlilhom, Jehovah ma joqgħodx ibiddel fehemtu fuq x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Matul il-​millennji taʼ snin, il-​ħarsa tiegħu dwar affarijiet bħall-​ispiritiżmu, l-​idolatrija, u l-​qtil ma nbidlitx. “Sa xjuħitkom jien dejjem hu,” hu qal permezz tal-​profeta Isaija. (Isaija 46:4) Għaldaqstant, jistaʼ jkollna l-​fiduċja li se nibbenefikaw jekk nimxu fuq id-​direzzjoni morali ċara li nsibu fil-​Kelma t’Alla.—Isaija 48:17-​19.

11. Agħti eżempji biex turi li Jehovah hu leali billi jżomm kelmtu dwar il-​wegħdi li jagħmel.

11 Jehovah juri wkoll il-​lealtà billi jżomm kelmtu rigward il-​wegħdi li jagħmel. Meta jbassar xi ħaġa, dejjem isseħħ. Jehovah b’hekk qal: “Kelmti . . . toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.” (Isaija 55:11) Billi jżomm kelmtu, Jehovah juri l-​lealtà mal-​poplu tiegħu. Hu ma jħallihomx jistennew fuq ix-​xwiek għal xi ħaġa li mhux bi ħsiebu jagħmilha. Ir-​reputazzjoni taʼ Jehovah tant hija perfetta f’din il-​ħaġa li l-​qaddej tiegħu Ġożwè setaʼ jgħid: “Ebda kelma taʼ ġid ma kien baqaʼ li ma seħħitx skond ma kien wiegħed il-​Mulej lid-​dar taʼ Iżrael. Kollox seħħ!” (Ġożwè 21:45) Nistgħu nkunu fiduċjużi, mela, li qatt ma se noħorġu diżappuntati minħabba li Jehovah jonqos li jwettaq il-​wegħdi li jagħmel.—Isaija 49:23; Rumani 5:5.

12, 13. Il-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Jehovah b’liema modi hi “għal dejjem”?

12 Bħalma ntwera qabel, il-​Bibbja tgħidilna li l-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Jehovah hi “għal dejjem.” (Salm 136:1) Dan kif inhu minnu? Ħaġa waħda hi li Jehovah jaħfer id-​dnubiet darba għal dejjem. Kif ġie diskuss f’Kapitlu 26, Jehovah ma jerġax jaqlaʼ dnubiet tal-​passat ladarba lill-​persuna jkun ħafrilha. Minħabba li “l-​bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-​glorja taʼ Alla,” kull wieħed minna għandu jkun grat li l-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Jehovah hi għal dejjem.—Rumani 3:23.

13 Imma l-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Jehovah hi għal dejjem f’sens ieħor ukoll. Il-​Kelma tiegħu tgħid li l-​bniedem ġust se jsir “bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-​ilma li tagħmel il-​frott fi żmienha, u l-​weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.” (Salm 1:3) Immaġina siġra b’saħħitha li l-​weraq tagħha qatt ma jidbiel! Hekk ukoll aħna, jekk l-​għaxqa tagħna tkun fil-​Kelma t’Alla, ħajjitna se tkun waħda twila, mimlija paċi u riżultati sbieħ. Il-​barkiet li Jehovah jagħti b’mod leali lill-​qaddejja leali tiegħu huma dejjiema. Verament, fid-​dinja ġdida u ġusta li se jġib Jehovah, il-​bnedmin ubbidjenti se jesperjenzaw il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu għal dejjem.—Apokalissi 21:3, 4.

Jehovah ‘Ma Jitlaqx lil-​Leali Tiegħu’

14. Jehovah kif juri apprezzament għal-​lealtà tal-​qaddejja tiegħu?

14 Jehovah wera l-​lealtà tiegħu ħafna drabi. Ladarba Jehovah hu konsistenti b’mod perfett, il-​lealtà li juri mal-​qaddejja leali tiegħu qatt ma tonqos. Is-​salmista kiteb: “Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-​ġust minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom. Għax il-​Mulej iħobb is-​sewwa, u ma jitlaqx it-​twajbin [“leali,” NW] tiegħu.” (Salm 37:25, 28) Veru, bħala l-​Ħallieq, Jehovah jistħoqqlu l-​qima tagħna. (Apokalissi 4:11) Madankollu, għax hu leali, Jehovah jgħożż l-​atti tagħna taʼ fedeltà.—Malakija 3:16, 17.

15. Spjega kif il-​mod li bih Jehovah mexa ma’ Iżrael jenfasizza l-​lealtà Tiegħu.

15 Minħabba l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu, Jehovah darba wara l-​oħra jgħin lill-​poplu tiegħu meta dan jgħaddi mill-​problemi. Is-​salmista jgħidilna: “Iħares il-​ħajja taʼ ħbiebu [“l-​uħud leali tiegħu,” NW], jeħlishom minn idejn il-​ħżiena.” (Salm 97:10) Aħseb ftit dwar kif mexa mal-​ġens taʼ Iżrael. Wara l-​ħelsien mirakoluż tagħhom mill-​Baħar l-​Aħmar, l-​Iżraelin kantaw lil Jehovah: “Bi tjubitek [“qalb tajba bl-​imħabba tiegħek,” NW] mexxejt dan il-​poplu li int fdejt.” (Eżodu 15:13) Il-​ħelsien fil-​Baħar l-​Aħmar żgur li kien att taʼ qalb tajba bl-​imħabba, jew imħabba leali, min-​naħa taʼ Jehovah. B’hekk, Mosè qal lill-​Iżraelin: “Il-​Mulej tgħaxxaq bikom u għażilkom, mhux għax kontu kbar fil-​għadd iżjed minn kull poplu ieħor, għax intom l-​iċken fil-​għadd fost il-​popli kollha, iżda l-​Mulej għażilkom għax ħabbkom, u għax ried iżomm il-​ħalfa li ħalef lil missirijietkom; kien għalhekk li l-​Mulej, b’id qawwija, ħariġkom u fdiekom minn dar il-​jasar, minn id il-​Fargħun, is-​sultan taʼ l-​Eġittu.”—Dewteronomju 7:7, 8.

16, 17. (a) Liema nuqqas kbir t’apprezzament urew l-​Iżraelin, u madankollu Jehovah kif wera mogħdrija magħhom? (b) Il-​biċċa l-​kbira mill-​Iżraelin kif urew li “ma setgħux jeħilsuha aktar,” u dan x’eżempju taʼ twissija jipprovdilna?

16 M’għandniex xi ngħidu, bħala ġens l-​Iżraelin naqsu li juru apprezzament għall-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Jehovah, għax wara l-​ħelsien tagħhom ‘komplew jidinbu kontra Jehovah, qamu kontra Alla.’ (Salm 78:17) Matul is-​sekli, huma rribellaw għal darba wara l-​oħra, billi telqu lil Jehovah u daru għal allat foloz u prattiċi pagani li ma ġabu xejn ħlief tkasbir. Xorta waħda, Jehovah ma kisirx il-​patt tiegħu. Minflok, permezz tal-​profeta Ġeremija, Jehovah talab bil-​ħniena lill-​poplu tiegħu: “Erġaʼ lura, ja Iżrael taʼ rasha iebsa . . . Ma nħarisx aktar b’wiċċ imqarras lejk, għax jien ħanin [“leali,” NW].” (Ġeremija 3:12) Madankollu, bħalma rajna f’Kapitlu 25, il-​biċċa l-​kbira mill-​Iżraelin ma tqanqlux biex jinbidlu. Fil-​fatt, “huma kienu jiddieħku bil-​mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-​profeti tiegħu.” X’kien ir-​riżultat? Fl-​aħħarnett, “saħnet il-​korla tal-​Mulej għall-​poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar.”—2 Kronaki 36:15, 16.

17 X’nitgħallmu minn dan? Li l-​lealtà taʼ Jehovah la hi għamja u lanqas tiblaʼ kollox. Veru, Jehovah hu “kbir fit-​tjieba [“qalb tajba bl-​imħabba,” NW],” u jieħu pjaċir juri ħniena meta jkun hemm raġuni għalfejn. Imma x’jiġri jekk persuna li tidneb bl-​ebda mod ma tkun trid tieqaf tagħmel il-​ħażin? F’każ bħal dan, Jehovah iżomm mal-​livelli ġusti tiegħu stess u jagħmel ħaqq kontra dik il-​persuna. Bħalma ntqal lil Mosè, “[Jehovah] ma jħalli xejn għaddej.”—Eżodu 34:6, 7.

18, 19. (a) Il-​kastig taʼ Jehovah fuq il-​ħżiena kif inhu fih innifsu att taʼ lealtà? (b) Jehovah b’liema mod se juri l-​lealtà ma’ dawk il-​qaddejja tiegħu li ġew persegwitati sal-​punt tal-​mewt?

18 Il-​kastig t’Alla fuq il-​ħżiena huwa fih innifsu att taʼ lealtà. Kif? Indikazzjoni waħda tinsab fil-​ktieb taʼ l-​Apokalissi fil-​kmandi li Jehovah jagħti lis-​seba’ anġli: “Morru, ferrgħu s-​seba’ bwieqi tal-​korla taʼ Alla fuq l-​art.” Meta t-​tielet anġlu jferra’ l-​bieqja tiegħu “fuq ix-​xmajjar u l-​għejun taʼ l-​ilmijiet,” dawn isiru demm. Imbagħad l-​anġlu jgħid lil Jehovah: “Ġust int, int li hu u li kien, [“il-​Leali,” NW], għax għamilt ħaqq minn dawn; għax huma xerrdu demm il-​qaddisin u l-​profeti, u lilhom tajthom demm x’jixorbu: hekk ħaqqhom.”—Apokalissi 16:1-​6.

Jehovah b’mod leali se jiftakar u jirxoxta lil dawk li baqgħu leali saħansitra sal-mewt

19 Innota li waqt li jwassal dan il-​messaġġ taʼ ġudizzju, l-​anġlu jirreferi għal Jehovah bħala “l-​Leali.” Għala? Għax billi jeqred lill-​ħżiena, Jehovah ikun qed juri lealtà mal-​qaddejja tiegħu, li ħafna minnhom ġew persegwitati sal-​punt tal-​mewt. B’mod leali, Jehovah iżommhom ħajjin ferm fil-​memorja tiegħu. Hu jixtieq ħafna li jerġaʼ jara lil dawn l-​uħud leali li mietu, u l-​Bibbja tikkonferma li l-​iskop tiegħu hu li jippremjahom bl-​irxoxt. (Ġob 14:14, 15) Jehovah ma jinsiex lill-​qaddejja leali tiegħu sempliċement għax dawn m’għadhomx jgħixu iktar. Għall-​kuntrarju, dawn “kollha ħajjin għalih.” (Luqa 20:37, 38, NW ) L-​iskop taʼ Jehovah li jerġaʼ jagħti l-​ħajja lil dawk li jinsabu fil-​memorja tiegħu huwa evidenza qawwija tal-​lealtà tiegħu.

Ritratti taʼ qaddejja taʼ Ġeħova li baqgħu leali sal-mewt: Bernard Luimes, Wolfgang Kusserow, Moses Nyamussua

Bernard Luimes (fuq) u Wolfgang Kusserow (fin-nofs) inqatlu min-Nazi

Moses Nyamussua nqatel minn grupp politiku

L-​Imħabba Leali taʼ Jehovah Tiftaħ it-​Triq tas-​Salvazzjoni

20. Min huma l-​“oġġetti tal-​ħniena,” u Jehovah kif juri lealtà magħhom?

20 Matul l-​istorja, Jehovah wera lealtà li ma bħalha mal-​bnedmin leali. Fil-​fatt, għal eluf taʼ snin, Jehovah “issaporta b’sabar kbir l-​oġġetti tal-​korla lesti għall-​qerda.” Għala? “Biex imbagħad jgħarraf l-​għana tal-​glorja tiegħu għall-​oġġetti tal-​ħniena, li hu ħejja għall-​glorja minn qabel.” (Rumani 9:22, 23) Dawn l-​“oġġetti tal-​ħniena” huma wħud b’attitudni xierqa li huma midlukin bl-​ispirtu qaddis biex ikunu werrieta flimkien ma’ Kristu fis-​Saltna tiegħu. (Mattew 19:28) Billi fetaħ it-​triq tas-​salvazzjoni għal dawn l-​oġġetti tal-​ħniena, Jehovah baqaʼ leali lejn Abraham, li miegħu kien għamel din il-​wegħda bħala patt: “Jitbierku b’nislek il-​ġnus kollha taʼ l-​art talli smajt minn kelmti.”—Ġenesi 22:18.

Grupp ferħan ta’ nazzjonalitajiet differenti taʼ qaddejja t’Alla Ġeħova llum

Minħabba l-lealtà ta’ Jehovah, il-qaddejja leali kollha tiegħu għandhom tama soda għall-futur

21. (a) Jehovah kif juri lealtà ma’ folla kbira li għandha l-​prospett li tgħaddi mit-​tribulazzjoni l-​kbira? (b) Il-​lealtà taʼ Jehovah xi tqanqlek tagħmel?

21 Jehovah juri lealtà simili ma’ folla kbira li għandha l-​prospett li tgħaddi mit-​tribulazzjoni l-​kbira u tgħix għal dejjem fuq art magħmula ġenna. (Apokalissi 7:9, 10, 14) Għalkemm il-​qaddejja tiegħu huma imperfetti, Jehovah b’mod leali jagħtihom l-​opportunità li jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna. Dan kif jagħmlu? Permezz tal-​fidwa—l-​akbar turija tal-​lealtà taʼ Jehovah. (Ġwanni 3:16; Rumani 5:8) Il-​lealtà taʼ Jehovah tiġbed lil dawk li, f’qalbhom, jixxennqu għas-​sewwa. (Ġeremija 31:3, NW ) Ma tħossokx iktar qrib Jehovah minħabba l-​lealtà profonda li wera u li għad juri? Ladarba hija x-​xewqa tagħna li nersqu qrib lejn Alla, jalla nwieġbu għall-​imħabba tiegħu billi nsaħħu d-​determinazzjoni tagħna li naqduh bil-​lealtà.

a Ta’ interess, il-​kelma tradotta ‘tjieba’ fit-​2 Samwel 22:26, fin-​New World Translation of the Holy Scriptures tiġi tradotta “lealtà” u f’versi oħra tiġi tradotta “qalb tajba bl-​imħabba” jew “imħabba leali.”

Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni

  • 1 Samwel 24:2-​23 (24:1-​22, NW) Bil-​mod kif ittratta lis-​Sultan Sawl, David kif wera t-​tip taʼ lealtà li Jehovah tant jistma?

  • Ester 3:7-​9; 4:6-​14 Ester kif uriet lealtà bħal t’Alla lejn il-​poplu tagħha, anki b’riskju għal ħajjitha?

  • Salm 136:1-​26 Dan is-​salm x’jgħallimna dwar il-​qalb tajba bl-​imħabba, jew l-​imħabba leali, taʼ Jehovah?

  • Għabdija 1-​4, 10-​16 Il-​lealtà taʼ Jehovah lejn il-​poplu tiegħu kif qanqlitu jikkastiga lill-​Edumin għall-​kondotta żleali tagħhom?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja