LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 4/15 pp. 9-14
  • L-Unika Triq għall-Ħajja taʼ Dejjem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Unika Triq għall-Ħajja taʼ Dejjem
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Irwol taʼ Ġesù Kristu
  • In-​Nisel Imwiegħed
  • Dak li Jitwettaq bil-​Prezz tal-​Fidwa
  • Prospett Glorjuż
  • Nikkonformaw mal-​Ħtiġijiet t’Alla
  • Ġesù Kristu—Mibgħut Minn Alla?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Ġesù Jsalvana—Kif?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Dak li Xehdu Għalih il-Profeti Kollha
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Dak Li Għamel Alla Biex Isalva lill-umanità
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 4/15 pp. 9-14

L-​Unika Triq għall-​Ħajja taʼ Dejjem

“Jiena hu t-​Triq, il-​Verità u l-​Ħajja.”—ĠWANN 14:6.

1, 2. Ġesù maʼ liema ħaġa qabbel it-​triq għall-​ħajja taʼ dejjem, u x’inhu s-​sinjifikat tat-​tixbieha tiegħu?

FIL-​PRIEDKA famuża tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù jqabbel it-​triq għall-​ħajja taʼ dejjem maʼ mogħdija li wieħed jidħol fiha minn xatba jew bieb. Innota li Ġesù jenfasizza li din it-​triq li tagħti għall-​ħajja m’hijiex waħda faċli, billi jgħid: “Għaddu mill-​bieb id-​dejjaq. Għax wiesaʼ l-​bieb u spazjuża t-​triq li tieħu għat-​telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-​bieb u dejqa t-​triq li tieħu għall-​ħajja [taʼ dejjem], u ftit huma li jsibuha!”—Mattew 7:13, 14.

2 Qed tifhmu s-​sinjifikat taʼ din it-​tixbieha? Ma jirrivelax dan li hemm triq, jew mogħdija, waħda biss li twassal għall-​ħajja u li se jkollna bżonn noqogħdu ħafna attenti biex ma niżvijawx minn dik it-​triq li tagħti għall-​ħajja? Allura, liema hi din l-​unika triq li tagħti għall-​ħajja taʼ dejjem?

L-​Irwol taʼ Ġesù Kristu

3, 4. (a) Il-Bibbja kif turi l-​irwol vitali taʼ Ġesù fis-​salvazzjoni tagħna? (b) Alla meta rrivela għall-​ewwel darba li l-​umanità setgħet tikseb il-​ħajja taʼ dejjem?

3 B’mod ċar, Ġesù għandu rwol importanti rrelatat maʼ dik it-​triq, bħalma pproklama Pietru, l-​appostlu tiegħu: “F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-​sema ma hemm isem ieħor [ħlief dak taʼ Ġesù] mogħti lill-​bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi.” (Atti 4:12) B’mod simili, l-​appostlu Pawlu ddikjara: “[I]d-don li tana Alla huwa l-​ħajja taʼ dejjem fi Kristu Ġesù Sidna.” (Rumani 6:23) Ġesù nnifsu rrivela li l-​unika triq għall-​ħajja taʼ dejjem hija permezz tiegħu, għax hu ddikjara: “Jiena hu t-​Triq, il-​Verità u l-​Ħajja.”—Ġwann 14:6.

4 Mela, huwa kruċjali li naċċettaw l-​irwol taʼ Ġesù f’li jagħmel possibbli l-​ħajja taʼ dejjem. Ejja, għalhekk, neżaminaw l-​irwol tiegħu iktar mill-​qrib. Wara li dineb Adam, taf meta Alla Jehovah indika li l-​umanità setgħet tgawdi l-​ħajja taʼ dejjem? Kien immedjatament wara li Adam waqaʼ fid-​dnub. Ejja issa neżaminaw kif il-​provvediment taʼ Ġesù Kristu bħala Salvatur taʼ l-​umanità kien imbassar għall-​ewwel darba.

In-​Nisel Imwiegħed

5. Kif nistgħu nidentifikaw is-​serp li sseduċa lil Eva?

5 Alla Jehovah identifika b’lingwaġġ simboliku lis-​Salvatur imwiegħed. Hu għamel dan meta ppronunzja sentenza fuq “[i]s-serp” li kien kellem lil Eva u ħajjarha biex ma tobdix lil Alla billi tiekol mill-​frotta pprojbita. (Ġenesi 3:1-5) M’għandniex xi ngħidu, dak is-​serp ma kienx litterali. Kien ħlejqa spirtu potenti li huwa identifikat fil-​Bibbja bħala “s-​Serp tal-​qedem, li hu msejjaħ id-​Demonju u x-​Xitan.” (Apokalissi 12:9) Satana uża lil dan l-​annimal komuni bħala l-​kelliemi tiegħu biex jisseduċi lil Eva. B’hekk, waqt li Alla ssentenzja lil Satana, qallu: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha, u hu [nisel il-​mara] jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.”—Ġenesi 3:15.

6, 7. (a) Min hija l-​mara li ġġib in-​‘nisel’? (b) Min hu n-​Nisel imwiegħed, u dan x’iwettaq?

6 Min hi din il-​“mara” li għaliha Satana għandu għadwa, jew mibegħda? Sewwa sew bħalma “s-​Serp tal-​qedem” huwa identifikat f’Apokalissi kapitlu 12, hekk ukoll hija din il-​mara li lilha Satana jobgħod. Osserva fl-​ewwel vers jintqal li hi “liebsa x-​xemx, bil-​qamar taħt riġlejha, u b’kuruna taʼ tnax-il kewkba fuq rasha.” Din il-​mara tirrappreżenta l-​organizzazzjoni t’anġli leali t’Alla fis-​sema, u t-​‘tifel’ li hi twelled jirrappreżenta s-​Saltna t’Alla b’Ġesù Kristu jaħkem bħala Sultan.—Apokalissi 12:1-5.

7 Allura, min hu dan in-​“nisel,” jew wild, tal-​mara, li jissemma f’Ġenesi 3:15, li se jisħaq lil Satana ‘fir-​ras,’ u b’hekk jagħtih id-​daqqa tal-​mewt? Hu dak il-​wieħed li lilu Alla bagħat mis-​sema biex jitwieled mirakolożament minn verġni, iva, il-​bniedem Ġesù. (Mattew 1:18-23; Ġwann 6:38) Kapitlu 12 t’Apokalissi jirrivela li bħala Ħakkiem irxoxtat li qiegħed fis-​sema, dan in-​Nisel, Ġesù Kristu, kellu jieħu t-​tmexxija fil-​konkwista fuq Satana u kellu jistabbilixxi, bħalma jgħid Apokalissi 12:10, “[i]s-Saltna taʼ Alla tagħna, u s-​setgħa tal-​Messija tiegħu.”

8. (a) Alla liema ħaġa ġdida pprovda f’konnessjoni maʼ l-​iskop oriġinali tiegħu? (b) Min jifforma parti mill-​gvern ġdid t’Alla?

8 Din is-​Saltna f’idejn Ġesù Kristu hija b’hekk ħaġa ġdida li Alla pprovda f’konnessjoni maʼ l-​iskop oriġinali tiegħu biex il-​bnedmin igawdu ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. Wara r-​ribelljoni taʼ Satana, Jehovah aġixxa minnufih biex iġib fix-​xejn il-​konsegwenzi ħżiena kollha tal-​ħażen permezz taʼ dan il-​gvern ġdid tas-​Saltna. Meta kien fuq l-​art Ġesù rrivela li ma kienx se jkun waħdu f’dan il-​gvern. (Luqa 22:28-30) Kellhom jintgħażlu oħrajn minn fost il-​bnedmin, u dawn kellhom jissieħbu miegħu fis-​sema biex jaħkmu miegħu, u b’hekk jifformaw parti sussidjarja min-​nisel tal-​mara. (Galatin 3:16, 29) Fil-​Bibbja l-​għadd taʼ dawn il-​ħakkiema sħab maʼ Ġesù​—ilkoll meħudin minn fost l-​umanità midinba fuq l-​art—​jingħata bħala 144,000.—Apokalissi 14:1-3.

9. (a) Ġesù għala kellu bżonn jidher fuq l-​art bħala bniedem? (b) Ġesù kif ġab fix-​xejn l-​għemejjel tax-​Xitan?

9 Madankollu, qabel ma dik is-​Saltna setgħet tibda taħkem, kien vitali li l-​parti primarja tan-​nisel, Ġesù Kristu, jidher fuq l-​art. Għala? Għaliex hu kien inħatar minn Alla Jehovah bħala dak li kellu “[j]ħott [jew, iġib fix-​xejn] kull ma għamel ix-​Xitan.” (1 Ġwann 3:8) Fost l-​għemejjel taʼ Satana kien hemm il-​fatt li hu ħajjar lil Adam biex jidneb, u dan ġab il-​kundanna tad-​dnub u l-​mewt fuq il-​wild kollu taʼ Adam. (Rumani 5:12) Ġesù ġab fix-​xejn dan l-​għemil tax-​Xitan billi ta Ħajtu bħala prezz tal-​fidwa. B’hekk, hu pprovda bażi għall-​ħelsien taʼ l-​umanità mill-​kundanna tad-​dnub u l-​mewt, u fetaħ it-​triq għall-​ħajja taʼ dejjem.—Mattew 20:28; Rumani 3:24; Efesin 1:7.

Dak li Jitwettaq bil-​Prezz tal-​Fidwa

10. Ġesù u Adam kif kienu simili?

10 Ladarba l-​ħajja taʼ Ġesù ġiet ittrasferita mis-​sema għal ġol-​ġuf taʼ mara, hu twieled bniedem perfett, mhux imtebbaʼ bid-​dnub taʼ Adam. Kellu l-​potenzjal li jgħix għal dejjem fuq l-​art. Bl-​istess mod, Adam kien ġie maħluq bħala bniedem perfett bi prospetti li jgawdi l-​ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. L-​appostlu Pawlu kellu f’moħħu is-​similarità bejn dawn iż-​żewġt irġiel meta kiteb: “‘L-​ewwel bniedem, Adam, sar ruħ ħajja,’ l-​aħħar wieħed [Ġesù Kristu] sar spirtu li jagħti l-​ħajja. L-​ewwel bniedem, mit-​trab, hu taʼ l-​art; it-​tieni bniedem, mis-​sema.”—1 Korintin 15:45, 47.

11. (a) Ġesù u Adam liema effett kellhom fuq l-​umanità? (b) Kif għandna nħarsu lejn is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù?

11 Is-​similarità bejn dawn it-​tnejn​—l-​uniċi żewġt irġiel perfetti li għexu fuq l-​art—​hija enfasizzata permezz tad-​dikjarazzjoni tal-​Bibbja li Ġesù “ta lilu nnifsu bħala prezz tal-​fidwa [“li jikkorrispondi,” NW] għal kulħadd.” (1 Timotju 2:6) Ġesù għal min kien jikkorrispondi? Hekku, għal Adam meta kien għadu bniedem perfett! Id-​dnub taʼ l-​ewwel Adam irriżulta fil-​kundanna għall-​mewt tal-​familja umana kollha kemm hi. Is-​sagrifiċċju taʼ “l-​aħħar wieħed [“Adam,” NW]” jipprovdi l-​bażi għall-​ħelsien mid-​dnub u l-​mewt, u b’hekk aħna nkunu nistgħu ngħixu għal dejjem. Kemm hu prezzjuż is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù! L-​appostlu Pietru nnota: “Intom kontu mifdija . . . mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-​fidda jew id-​deheb.” Minflok, spjega Pietru: “Bid-​demm għażiż taʼ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa.”—1 Pietru 1:18, 19.

12. Il-​Bibbja kif tiddeskrivi l-​mod kif se tinġieb fix-​xejn il-​kundanna tagħna għall-​mewt?

12 Il-​Bibbja tiddeskrivi bi kliem mill-​isbaħ il-​mod kif il-​kundanna għall-​mewt tal-​familja umana se tinġieb fix-​xejn, billi tgħid: “Mela kif bil-​ħtija taʼ wieħed waħdu [dik taʼ Adam] waslet il-​kundanna fuq il-​bnedmin kollha, hekk ukoll bl-​opra tal-​ġustizzja taʼ wieħed [il-mewt taʼ Ġesù] waslet lill-​bnedmin kollha l-​ġustifikazzjoni tal-​ħajja. Għax kif bid-​diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed [Adam] il-​ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-​ubbidjenza taʼ wieħed [Ġesù] il-​ħafna jsiru ġusti.”—Rumani 5:18, 19.

Prospett Glorjuż

13. Ħafna nies għala għandhom ħarsa negattiva dwar li jgħixu għal dejjem?

13 Dan il-​provvediment minn Alla għandu jferraħna bil-​kbir! Ferħan int li ġie pprovdut Salvatur? Meta ġew mistoqsijin, “Jappella għalik il-​prospett li tgħix għal dejjem?” fi stħarriġ li darba sar minn gazzetta f’belt ewlenija fl-​Amerka, għadd sorprendenti taʼ 67.4 fil-​mija minn dawk li wieġbu qalu, “Le.” Għala qalu li ma ridux jgħixu għal dejjem? Evidentement għaliex il-​ħajja fuq l-​art hija issa assoċjata maʼ tant u tant problemi. Waħda qalet: “Lanqas biss irrid nimmaġina kif inkun nidher taʼ 200 sena.”

14. Li ngħixu għal dejjem għala se jkun kompletament taʼ pjaċir?

14 Madankollu, il-​Bibbja m’hijiex qed titkellem dwar li wieħed jgħix għal dejjem f’dinja fejn in-​nies isofru l-​mard, ix-​xjuħija, u traġedji oħrajn. Le, għaliex bħala l-​Ħakkiem tas-​Saltna t’Alla, Ġesù se jġib fix-​xejn dawn il-​problemi kollha kkaġunati minn Satana. Skond il-​Bibbja, is-​Saltna t’Alla se “tfarrak u ttemm” il-​gvernijiet oppressivi kollha taʼ din id-​dinja. (Danjel 2:44) F’dak iż-​żmien, bi tweġiba għat-​talba li Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu, ‘ir-​rieda’ t’Alla trid issir “kif fis-​sema, hekkda fl-​art.” (Mattew 6:9, 10) Fid-​dinja ġdida t’Alla, wara li l-​art tkun tnaddfet mill-​ħażen kollu, se jiġu applikati bis-​sħiħ il-​benefiċċji tal-​prezz li Ġesù ħallas għall-​fidwa. Iva, dawk kollha li jikkwalifikaw se jiġu rrestawrati għal saħħa perfetta!

15, 16. Liema kundizzjonijiet se jeżistu fid-​dinja ġdida t’Alla?

15 Għan-​nies li jgħixu fid-​dinja ġdida t’Alla se japplika dan il-​passaġġ mill-​Bibbja: “Jixxettel ġismu bħal meta kien tfajjel u jerġaʼ għaż-​żmien taʼ żgħożitu.” (Ġob 33:25) Se titwettaq ukoll wegħda oħra tal-​Bibbja: “Mbagħad jinfetħu għajnejn l-​għomja, jinfetħu widnejn it-​torox. Mbagħad iz-​zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-​imbikkma jinħall bil-​ferħ.”—Isaija 35:5, 6.

16 Immaġina ftit: Tkun xi tkun l-​età fiżika tagħna f’dak iż-​żmien, kemm jekk ikollna 80, 800, jew saħansitra iktar snin, ġisimna se jibqaʼ jippossiedi saħħa eċċellenti. Se jiġri bħalma twiegħed il-​Bibbja: “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” F’dak iż-​żmien se titwettaq ukoll din il-​wegħda: “[Alla] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.”—Isaija 33:24; Apokalissi 21:3, 4.

17. X’nistennew li jwettqu n-​nies fid-​dinja ġdida t’Alla?

17 F’dik id-​dinja ġdida, se nkunu nistgħu nużaw il-​moħħ meraviljuż tagħna bil-​mod kif il-​Ħallieq tagħna ried li jintuża meta ddisinjah b’kapaċità bla limiti għat-​tagħlim. Hekku, immaġina biss l-​affarijiet taʼ l-​għaġeb li nkunu nistgħu nwettqu! Saħansitra bnedmin imperfetti pproduċew mill-​ħażna taʼ elementi fid-​dinja kull ħaġa li naraw madwarna​—telefowns ċellulari, mikrofoni, arloġġi, pagers, kompjuters, ajruplani, iva, u semmi li trid. L-​ebda wieħed minnhom ma sar minn xi materjal li huma ġabu minn xi post ’il bogħod fl-​univers. Bil-​ħajja bla tmiem quddiemna, fil-​Ġenna taʼ l-​art li ġejja, il-​potenzjal għal kisbiet kreattivi mhux se jkollu limitu!—Isaija 65:21-25.

18. Il-​ħajja għala qatt m’hi se tkun tedjanti fid-​dinja ġdida t’Alla?

18 U l-​ħajja m’hijiex se tkun tedjanti. Saħansitra issa aħna nħarsu ’l quddiem lejn l-​ikla li jkun imissna nieklu, avolja nkunu kilna għaxriet t’eluf taʼ ikliet. Fil-​perfezzjoni umana, se ngawdu saħansitra iktar u iktar il-​prodott delizzjuż taʼ l-​art magħmula Ġenna. (Isaija 25:6) U għall-​eternità se jkollna l-​gost li nieħdu ħsieb l-​abbundanza t’annimali taʼ fuq l-​art u li nitpaxxew b’inżul ix-​xemx, il-​muntanji, ix-​xmajjar, u l-​widien, kollha spettakolari. Verament, il-​ħajja qatt ma se tkun monotona fid-​dinja ġdida t’Alla!—Salm 145:16.

Nikkonformaw mal-​Ħtiġijiet t’Alla

19. Għala huwa raġunevoli li temmen li hemm ħtiġijiet biex wieħed jirċievi l-​għotja tal-​ħajja mingħand Alla?

19 Tistenna int li tirċievi l-​għotja grandjuża t’Alla taʼ ħajja taʼ dejjem fil-​Ġenna taʼ l-​art mingħajr ebda sforz min-​naħa tiegħek? M’huwiex raġunevoli li Alla jirrikjedi xi ħaġa minna? Dażgur. Fil-​fatt, Alla ma jaqbadx u jitfaʼ l-​għotja quddiemna. Hu jestendihielna, imma aħna rridu nirsistu u niħduha. Iva, jinvolvi sforz. Għandek mnejn tagħmel l-​istess mistoqsija li l-​ħakkiem żagħżugħ u għani staqsa lil Ġesù: “X’għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-​ħajja taʼ dejjem?” Jew forsi tfassal il-​mistoqsija b’tali mod kif poġġieha wieħed kalzrier minn Filippi lill-​appostlu Pawlu: “X’għandi nagħmel biex insalva?”—Mattew 19:16; Atti 16:30.

20. Liema hija ħtieġa essenzjali għall-​ħajja taʼ dejjem?

20 Fil-​lejl qabel ma miet, Ġesù semma ħtieġa bażika meta qal f’talba lil Missieru: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) M’hijiex din ħtieġa raġunevoli li nieħdu għarfien dwar Jehovah, li għamel possibbli l-​ħajja taʼ dejjem, u għarfien dwar il-​wieħed li miet għalina, Ġesù Kristu? Madankollu, huwa meħtieġ iktar milli sempliċement tieħu dan l-​għarfien.

21. Kif nuru li qed nikkonformaw mal-​ħtieġa li neżerċitaw fidi?

21 Il-​Bibbja tgħid ukoll: “Min jemmen [“jeżerċita fidi,” NW] fl-​Iben għandu l-​ħajja taʼ dejjem.” Imbagħad iżżid: “Min ma joqgħodx għall-​Iben ma jarax il-​ħajja, imma tibqaʼ fuqu l-​korla taʼ Alla.” (Ġwann 3:36) Int tistaʼ turi li qed teżerċita fidi fl-​Iben billi tagħmel bidliet f’ħajtek u ġġibha fi qbil mar-​rieda t’Alla. Trid tiċħad kwalunkwe korsa żbaljata li forsi kont qbadt u tieħu azzjoni biex tagħmel dak li jogħġob lil Alla. Trid tagħmel dak li kkmanda l-​appostlu Pietru: “Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom. Hekk jiġu żminijiet taʼ mistrieħ mingħand il-​Mulej.”—Atti 3:19, 20.

22. Liema azzjonijiet huma inklużi f’li nsegwu fil-​passi taʼ Ġesù?

22 Jalla qatt ma ninsew li huwa biss billi neżerċitaw fidi f’Ġesù li aħna nistgħu ngawdu l-​ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 6:40; 14:6) Aħna nuru li qed neżerċitaw fidi f’Ġesù billi ‘nimxu fuq il-​passi tiegħu.’ (1 Pietru 2:21) X’inhu involut f’dan? Sewwa, Ġesù, f’talba lil Alla, esklama: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla.” (Lhud 10:7) Huwa vitali li timita lil Ġesù f’li taċċetta li tagħmel ir-​rieda t’Alla u tiddedika ħajtek lil Jehovah. Wara dan, jeħtieġ li tissimbolizza dik id-​dedikazzjoni bil-​magħmudija taʼ l-​ilma; Ġesù wkoll ippreżenta ruħu għall-​magħmudija. (Luqa 3:21, 22) Li jittieħdu dawn il-​passi huwa kompletament raġunevoli. L-​appostlu Pawlu nnota li “l-​imħabba taʼ Kristu ġġegħelna.” (2 Korintin 5:14, 15) B’liema mod? Sewwa, l-​imħabba qanqlet lil Ġesù biex jagħti ħajtu għalina. M’għandux dan iġegħelna nwieġbu billi neżerċitaw fidi fih? Iva, dan għandu jġegħelna nsegwu l-​eżempju taʼ mħabba tiegħu li ta minnu nnifsu biex jgħin lil oħrajn. Kristu għex biex jagħmel ir-​rieda t’Alla; aħna għandna nagħmlu l-​istess, billi ma ngħixux iżjed għalina nfusna.

23. (a) Dawk li jirċievu l-​ħajja maʼ xiex iridu jingħaqdu? (b) X’inhu meħtieġ minn dawk fil-​kongregazzjoni Kristjana?

23 L-​affarijiet ma jiqfux hawn. Il-​Bibbja tgħid li meta tgħammdu 3,000 ruħ f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., huma ‘ngħaqdu.’ Ngħaqdu maʼ xiex? “Kienu jżommu sħiħ fit-​tagħlim taʼ l-​appostli u fl-​għaqda taʼ bejniethom,” jispjega Luqa. (Atti 2:41, 42) Iva, huma ltaqgħu flimkien għall-​istudju tal-​Bibbja u s-​sħubija, u b’hekk ngħaqdu, jew saru parti mill-​kongregazzjoni Kristjana. Il-​Kristjani bikrin kienu jattendu l-​laqgħat regolarment għal istruzzjoni spiritwali. (Lhud 10:25) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah llum dan jagħmluh ukoll, u jixtiequ jinkuraġġuk tattendi dawn il-​laqgħat magħhom.

24. Liema hi l-​“ħajja vera,” u meta u kif se tinkiseb?

24 Miljuni sħaħ qegħdin issa jsegwu t-​triq id-​dejqa li tagħti għall-​ħajja. Biex tibqaʼ f’din it-​triq id-​dejqa jeħtieġ li tagħmel sforz! (Mattew 7:13, 14) Pawlu indika dan fl-​appell kordjali tiegħu: “Tqabad it-​taqbida t-​tajba tal-​fidi; qis li tirbaħ il-​ħajja taʼ dejjem li għaliha kont imsejjaħ.” Li nitqabdu din it-​taqbida huwa meħtieġ biex ‘niksbu l-​ħajja, il-​ħajja vera.’ (1 Timotju 6:12, 19) Dik il-​ħajja m’hijiex il-​ħajja preżenti taʼ tbatijiet u wġigħ u sofferenzi, miġjubin fuqna mid-​dnub taʼ Adam. Minflok, hija l-​ħajja fid-​dinja ġdida t’Alla, li dalwaqt se tiġi rrealizzata meta s-​sagrifiċċju li tħallas minn Kristu bħala prezz għall-​fidwa jiġi applikat għan-​nom taʼ dawk kollha li jħobbu lil Alla Jehovah u lil Ibnu wara li titneħħa din is-​sistema t’affarijiet. Jalla lkoll kemm aħna nagħżlu l-​ħajja​—“il-​ħajja vera”—​ħajja taʼ dejjem fid-​dinja ġdida u glorjuża t’Alla.

Int kif Twieġeb?

◻ Min huma s-​serp, il-​mara, u n-​nisel taʼ Ġenesi 3:15?

◻ Ġesù kif ikkorrisponda għal Adam, u x’għamel possibbli l-​prezz li tħallas għall-​fidwa?

◻ Liema ħaġa tistaʼ tantiċipa li se tagħmel id-​dinja ġdida t’Alla tant pjaċevoli għalik?

◻ Maʼ liema ħtiġijiet irridu nikkonformaw biex ngħixu fid-​dinja ġdida t’Alla?

[Stampa f’paġna 10]

Għall-​kbar u għaż-​żgħar, Ġesù hu l-​unika triq għall-​ħajja bla tmiem

[Stampa f’paġna 11]

Fil-​waqt xieraq t’Alla, ix-​xjuħ se jirritornaw għall-​ħeġġa taʼ żgħożithom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja