L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni
6 Wara dan, Ġesù mar lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, li jgħidulu wkoll Tiberija. 2 U folla kbira baqgħet tmur warajh, għax bdiet tara l-mirakli li kien qed jagħmel biex ifejjaq il-morda. 3 Għalhekk, Ġesù telaʼ fuq muntanja u qagħad bilqiegħda hemm mad-dixxipli tiegħu. 4 Issa kien wasal il-Qbiż, il-festa tal-Lhud. 5 Meta Ġesù ra li folla kbira kienet sejra lejh, hu staqsa lil Filippu: “Minn fejn se nixtru l-ħobż għal dawn in-nies?” 6 Ġesù kien diġà jaf x’se jagħmel, imma staqsieh hekk biex ikun jaf x’qed jaħseb. 7 Filippu wieġbu: “Lanqas 200 dinar* ħobż mhuma biżżejjed biex kull wieħed jieħu xi ħaġa żgħira.” 8 Wieħed mid-dixxipli, Indrì ħu Xmun Pietru, qallu: 9 “Hawn tifel żgħir li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir* u żewġ ħutiet żgħar. Imma dawn mhuma xejn għal dawn in-nies kollha.”
10 Ġesù qal: “Għidulhom joqogħdu bilqiegħda.” Peress li kien hemm ħafna ħaxix, dawn qagħdu bilqiegħda. Kien hemm madwar 5,000 raġel. 11 Ġesù ħa l-ħobż, irringrazzja lil Alla, u qassmu lil dawk li kienu bilqiegħda. Hu għamel l-istess bil-ħut żgħir, u dawn kielu u xebgħu. 12 Wara dan, hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru dak li fadal ħalli ma jinħela xejn.” 13 U minn dak li ħallew mill-ħames ħobżiet imlew 12-il qoffa.
14 Meta n-nies raw il-mirakli li għamel, huma bdew jgħidu: “Dan żgur li hu l-Profeta li kellu jiġi fid-dinja.” 15 Peress li Ġesù kien jaf li dalwaqt kienu se jaqbduh biex jagħmluh re, hu reġaʼ mar lejn il-muntanja waħdu.
16 Filgħaxija, id-dixxipli tiegħu niżlu ħdejn il-baħar, 17 telgħu fuq dgħajsa, u bdew jaqsmu għal Kafarnahum. Sadanittant dalam u Ġesù kien għadu ma marx ħdejhom. 18 Ukoll, il-baħar beda jitqawwa, għax kien hemm riħ qawwi. 19 Imma meta kienu qadfu madwar ħames jew sitt kilometri,* huma raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar u riesaq lejn id-dgħajsa. Dawn bdew jibżgħu, 20 imma hu qalilhom: “Jien Ġesù, tibżgħux!” 21 Għalhekk, huma riedu jtellgħuh fuq id-dgħajsa, u fi ftit ħin waslu fejn kienu sejrin.
22 L-għada, il-folla li kienet in-naħa l-oħra tal-baħar rat li kien hemm dgħajsa żgħira biss, u li Ġesù ma kienx mad-dixxipli tiegħu meta telqu bid-dgħajsa. 23 Imma xi dgħajjes minn Tiberija waslu ħdejn il-post fejn kienu kielu l-ħobż wara li l-Mulej irringrazzja lil Alla. 24 Għalhekk, meta n-nies raw li Ġesù u d-dixxipli tiegħu ma kinux hemm, huma telgħu fuq dawn id-dgħajjes u marru Kafarnahum ifittxu lil Ġesù.
25 Meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar, huma staqsewh: “Rabbi,* meta ġejt hawn?” 26 Ġesù wiġibhom: “Bla dubju, intom ġejtu tfittxuni għax kiltu l-ħobż u xbajtu, u mhux għax rajtu l-mirakli. 27 Taħdmux għall-ikel li jispiċċa imma aħdmu għall-ikel li ma jispiċċax u li jagħti l-ħajja taʼ dejjem, li jien, Bin il-bniedem, se nagħtikom. Għax Alla, il-Missier tas-sema, approvani biex nagħmel dan.”*
28 Għalhekk staqsewh: “Xi rridu nagħmlu biex inkunu approvati minn Alla?” 29 Ġesù wiġibhom: “Biex ikollkom l-approvazzjoni t’Alla, tridu turu fidi fija, il-wieħed li bagħat.” 30 Imbagħad huma qalulu: “Allura x’miraklu se tagħmel, ħalli nkunu nistgħu narawh u nemmnuk? X’se tagħmel? 31 L-antenati tagħna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub fl-Iskrittura, ‘Hu tahom il-ħobż mis-sema.’” 32 Ġesù mbagħad qalilhom: “Naċċertakom li Mosè ma takomx il-ħobż mis-sema, imma issa Missieri qed jagħtikom il-ħobż veru mis-sema. 33 Għax il-ħobż t’Alla hu dak li niżel mis-sema u qed jagħti l-ħajja lid-dinja.” 34 Għalhekk qalulu: “Mulej, agħtina dejjem minn dan il-ħobż.”
35 Ġesù qalilhom: “Jien il-ħobż li jagħti l-ħajja. Kull min jiġi għandi qatt ma jaqbdu l-ġuħ, u kull min juri fidi fija qatt ma jaqbdu l-għatx. 36 Imma kif għedtilkom, intom rajtuni imma xorta m’emmintux. 37 Dawk kollha li jagħtini l-Missier se jiġu warajja, u jien qatt mhu se nkeċċihom. 38 Għax jien inżilt mis-sema biex nagħmel li jrid dak li bagħatni, u mhux li rrid jien. 39 Dak li bagħatni jrid li ma nitlef lil ħadd minn dawk li tani, imma li nirxoxtahom fl-aħħar jum. 40 Missieri jrid li kull min jaċċetta lili, l-Iben, u juri fidi fija jkollu l-ħajja taʼ dejjem, u jien nirxoxtah fl-aħħar jum.”
41 Imbagħad il-Lhud bdew igergru fuqu għax qal: “Jien il-ħobż li ġie mis-sema.” 42 Huma bdew jistaqsu: “Dan mhux Ġesù t-tifel taʼ Ġużeppi? Aħna nafuhom lil missieru u lil ommu. Allura kif qed jgħid li ġie mis-sema?” 43 Ġesù qalilhom: “Tibqgħux tgergru bejnietkom. 44 Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja, u lil dan jien nirxoxtah fl-aħħar jum. 45 Il-profeti kitbu, ‘Kollha kemm huma se jiġu mgħallmin minn Ġeħova.’* Kull min semaʼ mill-Missier u tgħallem, jiġi għandi. 46 Ebda bniedem ma ra lill-Missier, ħlief jien, li ġej minn Alla. Jien biss rajtu lill-Missier. 47 Naċċertakom li kull min jemmen ikollu l-ħajja taʼ dejjem.
48 “Jien il-ħobż li jagħti l-ħajja. 49 L-antenati tagħkom kielu l-manna fid-deżert u xorta mietu. 50 Imma kull min jiekol mill-ħobż li niżel mis-sema, ma jmutx. 51 Jien il-ħobż li niżel mis-sema u li jagħti l-ħajja. Jekk xi ħadd jiekol minnu jgħix għal dejjem. Fil-fatt, il-ħobż li se nagħti hu ġismi li se noffrih biex in-nies ikunu jistgħu jgħixu.”*
52 Imbagħad il-Lhud bdew jargumentaw bejniethom u jgħidu: “Dan kif qed jgħid li se jagħtina l-ġisem tiegħu biex nikluh?” 53 Għalhekk Ġesù qalilhom: “Naċċertakom li jekk ma tiklux il-ġisem tiegħi u ma tixorbux id-demm tiegħi, Bin il-bniedem, ma jkollkomx il-ħajja.* 54 Kull min jiekol mill-ġisem tiegħi u jixrob mid-demm tiegħi se jkollu l-ħajja taʼ dejjem, u jien nirxoxtah fl-aħħar jum. 55 Għax il-ġisem tiegħi hu l-ikel veru u d-demm tiegħi x-xorb veru. 56 Jien u kull min jiekol il-ġisem tiegħi u jixrob id-demm tiegħi nibqgħu magħqudin. 57 Bħalma jien ngħix minħabba l-Missier li hu ħaj u bagħatni, min jiekol il-ġisem tiegħi ukoll se jgħix minħabba fija. 58 Dan hu l-ħobż li ġie mis-sema. Mhuwiex bħal dak li kielu l-antenati tagħna u li mbagħad mietu. Kull min jiekol minn dan il-ħobż se jgħix għal dejjem.” 59 Hu qal dan waqt li kien qed jgħallem f’sinagoga* f’Kafarnahum.
60 Meta semgħu dan, ħafna mid-dixxipli tiegħu qalu: “Dan il-kliem hu tal-biżaʼ, ma rridux nisimgħuh!” 61 Imma Ġesù, peress li kien jaf li d-dixxipli tiegħu kienu qed igergru dwar dan, qalilhom: “Qed titilfu l-fidi minħabba dan?* 62 Mela kemm iktar li kieku taraw lili, Bin il-bniedem, tielaʼ lura fejn kont qabel! 63 Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja. In-nies ma jistax ikollhom il-ħajja bis-saħħa tagħhom stess.* Dak li għedtilkom ġej mill-ispirtu qaddis u jagħti l-ħajja. 64 Imma hemm xi wħud minnkom li ma jemmnux.” Għax Ġesù kien jaf mill-bidu min huma dawk li ma jemmnux u min kien se jittradih. 65 Hu kompla jgħid: “Hu għalhekk li għedtilkom li ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jkunx irid iġibu l-Missier.”
66 Minħabba f’hekk, ħafna mid-dixxipli tiegħu marru lura għal dak li kienu ħallew warajhom u ma baqgħux jimxu warajh. 67 Għalhekk, Ġesù qal lit-Tnax: “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?” 68 Xmun Pietru wieġbu: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int tgħallem dwar kif jistaʼ jkollna l-ħajja taʼ dejjem. 69 Aħna emminna u sirna nafu li int il-Qaddis t’Alla.” 70 Ġesù wiġibhom: “Mhux jien kont li għażilt lilkom it-Tnax? Imma wieħed minnkom hu bħax-xitan.”* 71 Infatti, hu kien qed jitkellem dwar Ġuda t-tifel taʼ Xmun l-Iskarjota, għax dan kien se jittradih għalkemm kien wieħed mit-Tnax.