Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ħames Ktieb tas-Salmi
L-GĦONJA forsi jgħidu: “Ħa jkunu wliedna f’żgħożithom bħal xitel imlaħħaq sewwa; uliedna l-bniet bħal kolonni minquxa, iżejjnu l-irkejjen tal-palazzi. Ħa jkunu l-imħażen tagħna mfawwra, . . . l-imrieħel bl-eluf iwelldu.” Iktar minn hekk, is-sinjuri forsi jistqarru: “Hieni l-poplu li għandu dan kollu!” Madankollu, b’kuntrast is-salmista jgħid: “Hieni l-poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu!” (Salm 144:12-15) Ma jistax ikun mod ieħor! Ġeħova hu l-Alla l-hieni, u dawk li jaqduh jiksbu l-hena. (1 Timotju 1:11) Din il-verità tidher evidenti fl-aħħar ġabra t’għanjiet ispirati minn Alla, jiġifieri Salmi 107 sa 150.
Il-Ħames Ktieb tas-Salmi jenfasizza wkoll il-kwalitajiet superlattivi taʼ Ġeħova, fosthom il-qalb tajba bl-imħabba, il-verità, u t-tjieba tiegħu. Iktar ma nsiru nafu dwar il-personalità t’Alla, iktar inħossuna mqanqlin biex inħobbuh u nibżgħu minnu. Mill-banda l-oħra, dan jikkontribwixxi għall-hena tagħna. X’messaġġ taʼ valur insibu fil-Ħames Ktieb tas-Salmi!—Ebrej 4:12.
HENJIN MINĦABBA L-QALB TAJBA BL-IMĦABBA TAʼ ĠEĦOVA
Il-Lhud eżiljati li qed jirritornaw mill-jasar f’Babilonja jkantaw: “Ħa jroddu ħajr lill-Mulej [“għall-qalb tajba bl-imħabba tiegħu,” NW], għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.” (Salm 107:8, 15, 21, 31) David faħħar lil Alla billi kanta: “Sas-sħab il-fedeltà tiegħek.” (Salm 108:5 [108:4, NW]) F’din l-għanja hu talab: “Għinni, Mulej, Alla tiegħi; salvani [“skond il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] tiegħek.” (Salm 109:18, 19, 26) Salm 110 jipprofetizza dwar il-ħakma tal-Messija. “Il-bidu taʼ l-għerf hu l-biżaʼ tal-Mulej,” jistqarr Salm 111:10. Skond is-salm taʼ wara, “hieni l-bniedem li jibżaʼ mill-Mulej.”—Salm 112:1.
Salmi 113 sa 118 jissejħu s-Salmi tal-Ħallel għaliex ripetutament jużaw l-espressjoni “Hallelujah,” jew “Faħħru l-Mulej!” Skond il-Mixna—xogħol taʼ kitba mit-tielet seklu li fih ġew imniżżlin it-tradizzjonijiet tal-qedem li ma kinux bil-miktub—dawn l-għanjiet kienu jitkantaw fil-Qbiż u fit-tliet festi annwali tal-Lhud. L-itwal salm u l-itwal kapitlu fil-Bibbja, Salm 119 ifaħħar il-kelma, jew il-messaġġ, rivelata taʼ Ġeħova.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
109:23—David x’ried ifisser meta qal: “Qiegħed ngħib bħal dell li jgħaddi”? B’mod poetiku David kien qed jgħid li ħass li l-mewt tiegħu kienet fil-qrib.—Salm 102:11.
110:1, 2—‘Sid [David],’ Ġesù Kristu, x’għamel meta kien bil-qiegħda fuq il-leminija t’Alla? Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù telaʼ fis-sema u stenna fuq il-leminija t’Alla sa l-1914 biex jibda l-ħakma tiegħu bħala Sultan. Matul dan iż-żmien, Ġesù ħakem fuq is-segwaċi midlukin tiegħu, billi ggwidahom fix-xogħol taʼ l-ippridkar u taʼ li jagħmlu dixxipli kif ukoll ippreparahom biex jaħkmu miegħu f’Saltnatu.—Mattew 24:14; 28:18-20; Luqa 22:28-30.
110:4—Ġeħova għal xiex ‘ħalef u ma jisgħobx bih’? Din il-ħalfa hija l-patt li Ġeħova għamel maʼ Ġesù Kristu biex jaqdi bħala s-Sultan u l-Qassis il-Kbir.—Luqa 22:29.
113:3—L-isem taʼ Ġeħova b’liema mod jiġi mfaħħar “minn tlugħ ix-xemx sa nżulha”? Dan jinvolvi iktar minn grupp taʼ individwi li jaqdu lil Alla kuljum. Mit-tlugħ tax-xemx fil-lvant sa nżulha fil-punent, ir-raġġi tax-xemx idawlu l-art kollha kemm hi. Bl-istess mod, Ġeħova għandu jiġi mfaħħar madwar id-dinja. Dan ma jistax isir mingħajr sforz organizzat. Bħala x-Xhieda taʼ Ġeħova, aħna għandna l-privileġġ prezzjuż li nfaħħru lil Alla u nieħdu sehem b’mod żeluż fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna.
116:15—Kemm hi ‘għażiża f’għajnejn il-Mulej il-mewt [“tal-leali,” NW ] tiegħu’? Il-qaddejja taʼ Ġeħova tant huma prezzjużi għalih li l-mewt tagħhom bħala grupp jikkunsidraha prezz għoli wisq biex iħalliha sseħħ. Li kieku Ġeħova kellu jħalli dan jiġri, ikun ifisser li l-għedewwa tiegħu huma iktar setgħana minnu. Iżjed minn hekk, kieku ħadd ma jitħalla fuq l-art bħala pedament għad-dinja l-ġdida.
119:71—X’ġid jistaʼ joħroġ mill-għaks? It-tbatija tistaʼ tgħallimna biex nistrieħu iktar fuq Ġeħova, biex nitolbuh b’iktar ħerqa, u biex inkunu iktar diliġenti fl-istudju tal-Bibbja u fl-applikar taʼ dak li tgħid. Iktar minn hekk, il-mod kif inwieġbu għall-problemi jistaʼ jikxef nuqqasijiet fil-personalità li nistgħu nirranġaw. Is-sofferenza mhix se timliena bl-imrar jekk inħalluha tirfinana.
119:96, NW—X’jiġifieri ‘tmiem għal kull perfezzjoni’? Is-salmista qed jitkellem dwar il-perfezzjoni mill-ħarsa tal-bniedem. Hu x’aktarx kellu f’moħħu li l-ħarsa tal-bnedmin dwar x’inhi l-perfezzjoni hija limitata. B’kuntrast, il-kmandamenti t’Alla m’għandhomx limiti. Il-gwida tiegħu tapplika f’kull aspett tal-ħajja. Il-Bibbja taʼ Karm Żammit tgħid: “Jiena rajt li kull ħaġa perfetta għandha l-limiti tagħha: iżda l-kmandament tiegħek hu bla tarf.”
119:164—X’hemm sinifikanti dwar il-fatt li s-salmista faħħar lil Alla “sebaʼ darbiet kull jum”? In-numru sebgħa spiss ifisser xi ħaġa kompleta. Għalhekk, is-salmista qed jgħid li Ġeħova jixraqlu kull tifħir.
Lezzjonijiet Għalina:
107:27-31. L-għerf tad-dinja se “jitħawwad” (NW) meta tfaqqaʼ Armageddon. (Rivelazzjoni 16:14, 16) L-għerf ma jistaʼ jsalva lil ħadd mill-qerda. Dawk biss li jħarsu lejn Ġeħova għas-salvazzjoni se jgħixu biex jagħtuh ‘radd il-ħajr għal tjubitu.’
109:30, 31; 110:5. L-id il-leminija taʼ suldat li fiha jkollu x-xabla ġeneralment ma jkollhiex il-protezzjoni tat-tarka, li kienet tinżamm fl-id ix-xellugija. B’mod figurattiv, Ġeħova qiegħed “fuq il-lemin” tal-qaddejja tiegħu, biex jiġġieled għalihom. B’hekk, hu jagħtihom il-protezzjoni u l-għajnuna—raġuni tajba għalina biex ‘niżżuh ħajr ħafna’!
113:4-9. Ġeħova tant qiegħed fl-għoli li jkollu jitbaxxa saħansitra biex “iħares ’l isfel lejn is-smewwiet.” Madankollu, hu juri mogħdrija maʼ l-imsejken, il-fqir, u l-mara bla wlied. Il-Mulej Sovran Ġeħova huwa umli u jrid lill-qaddejja tiegħu jkunu l-istess.—Ġakbu 4:6.
114:3-7. Li nitgħallmu dwar l-għemejjel meraviljużi li Ġeħova wettaq għall-poplu tiegħu ħdejn il-Baħar l-Aħmar, ix-Xmara tal-Ġordan, u l-Muntanja Sinaj għandu jeffettwana profondament. L-umanità, rappreżentata mill-“art,” għandha tibqaʼ mistagħġba—‘imriegħda’ b’mod figurattiv—minħabba l-Mulej.
119:97-101. Il-fatt li niksbu għerf, dehen, u fehma mill-Kelma t’Alla jipproteġina mill-ħsara spiritwali.
119:105. Il-Kelma t’Alla hija fanal għal riġlejna fis-sens li tistaʼ tgħinna nkampaw mal-problemi li nkunu għaddejjin minnhom. Ukoll b’mod figurattiv hija dawl fil-mogħdija tagħna, ladarba tbassar l-iskop t’Alla għall-futur.
HENJIN MINKEJJA L-PROBLEMI
Kif nistgħu niffaċċjaw ċirkustanzi taʼ sfida u nkampaw mal-problemi? Salmi 120 sa 134 jagħtuna tweġiba ċara għal din il-mistoqsija. Billi nkampaw mat-tbatija u nżommu l-ferħ tagħna billi nduru lejn Ġeħova għall-għajnuna. Dawn is-salmi, imsejħin l-Għanjiet tat-Telgħat, x’aktarx li kienu jkantawhom l-Iżraelin fil-vjaġġ tagħhom lejn Ġerusalemm għall-osservanza tal-festi annwali tagħhom.
Salmi 135 u 136 jiddeskrivu lil Ġeħova bħala l-Wieħed li jagħmel dak li jogħġbu, b’kuntrast qawwi maʼ l-idoli li m’għandhom l-ebda setgħa. Salm 136 ġie miktub bħala għanja li jirrikjedi tweġiba, l-aħħar parti taʼ kull vers hija t-tweġiba għall-ewwel wieħed. Is-salm taʼ wara jirrakkonta l-kundizzjoni taʼ qsim il-qalb tal-Lhud f’Babilonja li riedu jqimu lil Ġeħova f’Sijon. Salmi 138 sa 145 huma miktubin minn David. Hu jrid jagħti ‘radd il-ħajr lil Mulej b’qalbu kollha.’ Għala? Hu jgħid: “Għax b’mod taʼ l-għaġeb għamiltni.” (Salm 138:1; 139:14) Fil-ħames salmi taʼ wara, David jitlob għall-protezzjoni mill-irġiel ħżiena, għal twissijiet ġusti, għall-ħelsien mill-persekuturi, u għall-gwida fil-kondotta. Hu jenfasizza l-hena tal-poplu taʼ Ġeħova. (Salm 144:15) Wara li rriveda l-kobor u t-tjieba t’Alla, David iddikjara: “Tifħir il-Mulej ixandar fommi; u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu għal dejjem taʼ dejjem!”—Salm 145:21.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
122:3—Ġerusalemm kif kienet belt “magħquda ħaġa waħda”? Bħalma kien il-każ taʼ bliet tal-qedem, id-djar f’Ġerusalemm kienu mibnijin viċin taʼ xulxin. Minħabba li l-bini tal-belt kien kollu ħdejn xulxin, il-belt kienet faċli biex tiġi protetta. Iktar minn hekk, minħabba li d-djar kienu mibnijin viċin taʼ xulxin kien possibbli biex dawk li joqogħdu fil-belt jistrieħu fuq xulxin għall-għajnuna u l-protezzjoni. Dan jirrappreżenta l-għaqda spiritwali tat-12-il tribù taʼ Iżrael meta kienu jinġabru għall-qima.
123:2—X’inhu l-iskop tat-tixbiha dwar l-għajnejn tal-qaddejja? Il-qaddejja rġiel u nisa kienu jħarsu lejn id is-sidien tagħhom għal żewġ raġunijiet: biex jiddeterminaw dak li riedu minnhom u biex jirċievu l-protezzjoni u n-neċessitajiet tal-ħajja. B’mod simili, aħna nħarsu lejn Ġeħova sabiex nagħrfu r-rieda tiegħu u biex niksbu l-favur tiegħu.
131:1-3—David kif ‘żamm ruħu fis-skiet u l-mistrieħ bħal tarbija f’ħoġor ommha’? Bħalma tarbija miftuma titgħallem issib serħan u sodisfazzjon f’idejn ommha, David tgħallem isikket u jserraħ ruħu “bħal tarbija miftuma.” Kif? Billi ma kienx kburi f’qalbu u merfugħ f’għajnejh u billi ma qagħadx jiġri wara affarijiet kbar wisq għalih. Minflok ma fittex il-prominenza, David spiss irrikonoxxa l-limitazzjonijiet tiegħu u wera l-umiltà. Inkunu għaqlin jekk nimitaw l-attitudni tiegħu, partikolarment meta nistinkaw għal privileġġi fil-kongregazzjoni.
Lezzjonijiet Għalina:
120:1, 2, 6, 7. Il-malafama u ssarkażmu jistgħu jġagħlu lil oħrajn iħossu niket li ma jistgħux jissaportuh. Mod wieħed kif nuru li ‘rridu s-sliem’ hu billi nikkontrollaw il-kliem tagħna.
120:3, 4. Jekk ikollna nissaportu lil xi ħadd li għandu “lsien qarrieq,” nistgħu nsibu faraġ billi nkunu nafu li Ġeħova se jirranġa s-sitwazzjoni fil-ħin tiegħu. Dawk li jimmalafamaw se jsofru diżastru minn “wieħed b’saħħtu.” Żgur li se jirċievu l-ġudizzju jaħraq taʼ Ġeħova simbolizzat mill-“ġamar tal-ġummar.”
127:1, 2. F’dak kollu li nagħmlu, għandna nduru lejn Ġeħova għall-gwida.
133:1-3. L-għaqda tal-poplu taʼ Ġeħova sserraħ, tagħti s-saħħa, u tirrifreska. M’għandniex inħarbtuha billi noqogħdu nfittxu n-nuqqasijiet, niġġieldu, jew nilmentaw.
137:1, 5, 6. Il-qaddejja taʼ Ġeħova li kienu eżiljati ħassew rabta maʼ Sijon—il-parti taʼ l-organizzazzjoni t’Alla li kien hemm dak iż-żmien fuq l-art. Xi ngħidu għalina? Ngħaqadna aħna lealment maʼ l-organizzazzjoni li Ġeħova qed juża llum?
138:2. Ġeħova ‘jkabbar ismu u kelmtu fuq kollox’ fis-sens li t-twettiq taʼ dak kollu li wiegħed f’ismu se jisboq dak li qed nistennew. Prospetti grandjużi tassew jinsabu quddiemna.
139:1-6, 15, 16. Ġeħova jaf l-attivitajiet tagħna, il-ħsibijiet tagħna, u anki l-kliem tagħna saħansitra qabel ma ngħiduhom. Hu jafna minn meta ġie fformat l-embriju, qabel ma kienet tidher sew kull parti taʼ ġisimna. L-għarfien li Alla għandu dwarna bħala individwi hu “taʼ l-għaġeb” wisq biex nifhmuh. Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova mhux biss jara s-sitwazzjoni taʼ prova li forsi nkunu qed niffaċċjaw imma wkoll jifhem l-effett li jistaʼ jkollha fuqna!
139:7-12. M’hemm l-ebda post li hu ’l bogħod wisq biex Alla jsaħħaħna.
139:17, 18. Insibu għaxqa aħna fl-għarfien taʼ Ġeħova? (Proverbji 2:10) Jekk iva, sibna għajn li tgħaxxaq u li ma tieqaf qatt. Il-ħsibijiet taʼ Ġeħova “huma aktar mir-ramel.” Dejjem se jkollna iktar x’nitgħallmu dwaru.
139:23, 24. Aħna għandna nkunu rridu lil Ġeħova jeżamina l-persuna li aħna minn ġewwa għal ‘triqat ħżiena’—ħsibijiet, xewqat, u inklinazzjonijiet mhux xierqa—u jgħinna nwarrbuhom.
143:4-7. Kif nistgħu nissaportu saħansitra tbatijiet ħorox? Is-salmista jagħtina ċ-ċavetta: Nimmeditaw fuq l-attività taʼ Ġeħova, inżommu lilna nfusna konċernati bl-għemejjel tiegħu, u nitolbu għall-għajnuna tiegħu.
“Hallelujah!”
Kull waħda mill-erbaʼ ġabriet tas-salmi tispiċċa b’espressjoni taʼ tifħir lil Ġeħova. (Salm 41:14 [41:13, NW]; 72:19, 20; 89:53 [89:52, NW]; 106:48) L-aħħar ġabra tas-salmi mhix eċċezzjoni. Salm 150:6 jgħid: “Kull ma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej! Hallelujah!” Dan tassew se jsir realtà fid-dinja l-ġdida t’Alla.
Hekk kif aħna nħarsu ’l quddiem għal dan iż-żmien imbierek, aħna għandna ħafna raġunijiet biex nigglorifikaw lill-Alla l-veru u nfaħħru lil ismu. Meta naħsbu dwar il-ferħ li nesperjenzaw minħabba li nafu lil Ġeħova u ngawdu relazzjoni tajba miegħu, ma niġux aħna mqanqlin biex infaħħruh b’qalb mimlija gratitudni?
[Stampa f’paġna 15]
L-għemejjel meraviljużi taʼ Ġeħova huma taʼ l-għaġeb
[Stampa f’paġna 16]
Il-ħsibijiet taʼ Ġeħova huma saħansitra “aktar mir-ramel”