Il-Ħadd, 27 taʼ Lulju
Ħalli tkun tistaʼ tħeġġeġ u twiddeb.—Titu 1:9.
Biex issir Kristjan matur se jkollok titgħallem tagħmel xi affarijiet. Li titgħallem tagħmel dawn l-affarijiet se jgħinek meta jkollok responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni, issib xogħol biex tieħu ħsieb tiegħek innifsek jew tal-familja, u biex ikollok ħbiberija tajba m’oħrajn. Pereżempju, tgħallem ikteb u aqra sew. Il-Bibbja tgħid li biex raġel ikun vera ferħan u jirnexxilu fil-ħajja jrid jaqra l-Bibbja kuljum u jimmedita fuqha. (Salm 1:1-3) Billi jaqra l-Bibbja kuljum, ħa jitgħallem kif jaħseb Ġeħova u kif japplika l-Bibbja f’ħajtu. (Prov. 1:3, 4) L-aħwa fil-kongregazzjoni għandhom bżonn taʼ rġiel li jafu jgħallmu u jagħtu pariri mill-Bibbja. Jekk tkun taf tikteb u taqra sew, ħa tkun tistaʼ tagħmel taħditiet u kummenti li bihom issaħħaħ il-fidi t’oħrajn. Ħa tkun tistaʼ wkoll tieħu noti li ħa jgħinuk biex ikollok fidi iktar b’saħħitha u tinkuraġġixxi lil oħrajn. w23.12 26-27 ¶9-11
It-Tnejn, 28 taʼ Lulju
“Dak li hu f’unjoni magħkom hu akbar minn dak li hu f’unjoni mad-dinja.”—1 Ġw. 4:4.
Meta tħossok imbeżżaʼ, aħseb dwar dak li Ġeħova ħa jagħmel fil-futur meta Satana mhux ħa jkollu kontroll fuq id-dinja. Turija fil-konvenzjoni reġjonali tal-2014 uriet missier jiddiskuti mal-familja tiegħu x’kienet tgħid l-iskrittura tat-2 Timotju 3:1-5 li kieku kienet titkellem dwar is-sistema l-ġdida. Hu qal: “Fid-dinja l-ġdida se jkun hawn l-iżjed żmien sabiħ. In-nies ħa jkunu jħobbu lill-oħrajn, iħobbu l-verità, modesti, tajbin, iħobbu lil Alla, ubbidjenti lejn il-ġenituri, grati, leali, ikollhom imħabba kbira lejn il-familji tagħhom, ikunu jiftiehmu, dejjem jitkellmu tajjeb dwar oħrajn, imrażżnin, juru ħlewwa, ikollhom imħabba għat-tajjeb, taʼ min jafdahom, iċedu, umli, iħobbu lil Alla minflok ma jħobbu l-pjaċiri, imqanqlin mid-devozzjoni ġenwina lejn Alla; nies bħal dawn ibqaʼ agħmilha magħhom.” Ġieli tiddiskuti mal-familja u l-aħwa kif ħa tkun il-ħajja fid-dinja l-ġdida? w24.01 6 ¶13-14
It-Tlieta, 29 taʼ Lulju
“Jien ferħan ħafna bik.”—Lq. 3:22.
Kemm hu sabiħ li nafu li Ġeħova hu ferħan bin-nies tiegħu! Il-Bibbja tgħid: “Ġeħova jieħu pjaċir bil-poplu tiegħu.” (Salm 149:4) Imma oħrajn jistgħu tant ikunu skuraġġiti li jaħsbu, ‘Ġeħova hu ferħan bija?’ Il-Bibbja wkoll issemmi ħafna nies leali li sabuha diffiċli biex jemmnu li Ġeħova hu ferħan bihom. (1 Sam. 1:6-10; Ġob 29:2, 4; Salm 51:11) Il-Bibbja turina b’mod ċar li Ġeħova jistaʼ jkun ferħan b’nies imperfetti. Xi jridu jagħmlu? Iridu juru fidi f’Ġesù Kristu u jitgħammdu. (Ġw. 3:16) B’hekk ikunu qed juru lil oħrajn li vera jiddispjaċihom tal-iżbalji li għamlu u li wiegħdu lil Alla li se jobduh. (Atti 2:38; 3:19) Ġeħova jkun ferħan ħafna bina meta nagħmlu dawn l-affarijiet biex insiru l-ħbieb tiegħu. Jekk nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex inżommu l-wegħda tagħna, Ġeħova se jkun ferħan bina u jarana bħala l-ħbieb tiegħu.—Salm 25:14. w24.03 26 ¶1-2