LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w23 Novembru pp. 20-25
  • Ġeħova Se Jwieġeb it-Talb Tiegħek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova Se Jwieġeb it-Talb Tiegħek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠEĦOVA X’SE JAGĦMEL?
  • ĠEĦOVA X’JIXTIEQNA NAGĦMLU?
  • GĦALA JISTAʼ JKOLLNA NITOLBU GĦAL XI ĦAĠA OĦRA?
  • Ġeħova Kif Iwieġeb it-Talb Tagħna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Ersaq Qrib Lejn Alla bit-​Talb
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Alla Għala Ma Jismax it-Talb Kollu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2021
  • It-Talb taʼ Min Jiġi Mwieġeb?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
w23 Novembru pp. 20-25

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 49

Ġeħova Se Jwieġeb it-Talb Tiegħek?

“Issejħuli u tiġu titolbuni, u jien nismagħkom.”—ĠER. 29:12.

GĦANJA 41 Jekk jogħġbok, ismaʼ talbi

ĦARSA BIL-QUDDIEMa

1-2. Għala nistgħu naħsbu li Ġeħova mhux qed iwieġeb it-talb tagħna?

“ĦU PJAĊIR f’li taqdi lil Ġeħova, u hu jagħtik dak li tixtieq qalbek.” (Salm 37:4) Kemm hi wegħda sabiħa! Imma għandna nistennew li Ġeħova jtina dak li nitolbu mill-ewwel? Għala hu tajjeb li nsaqsu din il-mistoqsija? Aħseb fl-eżempji li ġejjin. Oħt single titlob biex tkun tistaʼ tmur l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna (SKE). Imma jgħaddu ħafna snin u ma jibagħtux għaliha. Ħu żagħżugħ jitlob lil Ġeħova biex ifiq minn marda serja ħalli jkun jistaʼ jagħmel iktar fil-kongregazzjoni. Imma hu jibqaʼ marid. Żewġ ġenituri jitolbu li t-tifel tagħhom jibqaʼ fil-verità. Imma maż-żmien, it-tifel jiddeċiedi li jieqaf jaqdi lil Ġeħova.

2 Forsi int ukoll tlabt lil Ġeħova għal xi ħaġa, imma hu ma tahilekx. Minħabba f’hekk tistaʼ taħseb li Ġeħova jwieġeb it-talb t’oħrajn imma mhux tiegħek. Jew tibda taħseb li għamilt xi ħaġa ħażina. Oħt jisimha Janiceb hekk ħassitha. Hi u r-raġel tagħha talbu lil Ġeħova għax vera xtaqu jaqdu f’Betel. Hi tgħid: “Jien kont ċerta li ma kinux se jdumu biex jaċċettawna.” Imma wara ħafna snin kienu għadhom ma ġewx aċċettati. Janice tgħid: “Ħassejtni mdejqa u mħawda. Ma kontx naf x’għamilt biex stajt iddiżappuntajt lil Ġeħova. Kont tlabt ħafna biex immur Betel. Allura għala kien għadu ma weġibx it-talb tiegħi?”

3. X’se naraw f’dan l-artiklu?

3 Xi kultant jaf ikollna dubju jekk Ġeħova jagħtix kas it-talb tagħna. Xi rġiel leali li kienu jgħixu ħafna żmien ilu wkoll ħasbu hekk. (Ġob 30:20; Salm 22:2; Ħab. 1:2) X’jistaʼ jgħinek tkun ċert li Ġeħova se jagħti kas it-talb tiegħek? (Salm 65:2) Biex inwieġbu din il-mistoqsija se naraw tliet punti: (1) Ġeħova x’se jagħmel? (2) Ġeħova x’jixtieqna nagħmlu? (3) Għala jistaʼ jkollna nitolbu għal xi ħaġa oħra?

ĠEĦOVA X’SE JAGĦMEL?

4. Skont Ġeremija 29:​12, Ġeħova xi jwegħedna li se jagħmel?

4 Ġeħova jwegħedna li se jismaʼ t-talb tagħna. (Aqra Ġeremija 29:12.) Alla jħobb lill-qaddejja leali tiegħu, allura dejjem se jagħti kas it-talb tagħhom. (Salm 10:17; 37:28) Imma dan ma jfissirx li se jtina kulma nsaqsu għalih. Jistaʼ jkun li jkollna nistennew sad-dinja l-ġdida biex itina xi affarijiet li nitolbu għalihom.

5. Ġeħova xi jżomm f’moħħu meta jismaʼ t-talb tagħna? Spjega.

5 Ġeħova jżomm f’moħħu l-iskop tiegħu meta jismaʼ t-talb tagħna. (Is. 55:​8, 9) Waħda mill-affarijiet li jixtieq hi li d-dinja kollha tkun mimlija b’nies li huma ferħanin jobduh bħala l-Mexxej. Imma Satana jgħid li n-nies ikunu iktar ferħanin jekk imexxu lilhom infushom. (Ġen. 3:​1-5) Biex jagħti prova li dak li qal ix-Xitan hu gidba, Ġeħova ħalla lin-nies imexxu lilhom infushom. Imma ħafna mill-problemi li għandna llum ġew minħabba t-tmexxija ħażina tan-nies. (Ekk. 8:9) Aħna nafu li Ġeħova mhux se jneħħi l-problemi kollha bħalissa. Kieku kellu jagħmel hekk, nies li ma jemmnux f’Alla jistgħu jaħsbu li huma kapaċi jsolvu l-problemi allura jaħsbu li jistgħu jibqgħu jmexxu huma.

6. Għala għandna nibqgħu ċerti li kulma jagħmel Ġeħova jkun bi mħabba u ġustizzja?

6 Ġeħova jistaʼ jwieġeb talb simili b’modi differenti. Pereżempju, meta r-Re Ħeżekija kien ma jiflaħx ħafna, hu talab lil Ġeħova biex jgħinu jfiq. Ġeħova wieġeb it-talb tiegħu billi fejqu. (2 Slat. 20:​1-6) Imma meta l-appostlu Pawlu talab lil Ġeħova biex ineħħilu “xewka fil-laħam,” li setgħet kienet problema taʼ saħħa, Ġeħova ma neħħihilux. (2 Kor. 12:​7-9) Aħseb ukoll dwar l-appostli Ġakbu u Pietru. Ir-Re Erodi ried joqtol lit-tnejn li huma. L-aħwa tal-kongregazzjoni talbu għal Pietru, u wisq probabbli għal Ġakbu wkoll. Imma Ġakbu nqatel u lil Pietru salvah anġlu. (Atti 12:​1-11) Forsi naħsbu, ‘Ġeħova għala salva lil Pietru, imma mhux lil Ġakbu?’ Il-Bibbja ma tgħidilniex.c Imma nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova “qatt mhu inġust.” (Dt. 32:4) U aħna nafu li Ġeħova kien iħobb kemm lil Pietru kif ukoll lil Ġakbu. (Riv. 21:14) Kultant, Ġeħova ma jwiġibx it-talb tagħna kif nixtiequ aħna. Imma peress li aħna ċerti li kulma jagħmel Ġeħova hu bi mħabba u ġustizzja, ma ngergrux għall-mod kif wieġeb it-talb tagħna.—Ġob 33:13.

7. X’m’għandniex nagħmlu, u għala?

7 Aħna nipprovaw ma nqabblux is-sitwazzjoni tagħna maʼ t’oħrajn. Pereżempju, forsi nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna b’mod speċifiku, imma ma jgħinniex kif nixtiequ aħna. U mbagħad nisimgħu li xi ħadd ieħor talab għall-istess ħaġa u Ġeħova qisu wieġeb it-talb tiegħu. Oħt jisimha Anna hekk ġralha. Hi talbet biex ir-raġel tagħha, Matthew, ifiq mill-cancer. Fl-istess ħin, żewġ aħwa li kienu ħafna ikbar mir-raġel tagħha wkoll kellhom il-cancer. Anna talbet mill-qalb għar-raġel tagħha u ż-żewġ aħwa. Imma ż-żewġ aħwa fiequ, u Matthew miet. Allura Anna bdiet taħseb jekk kienx Ġeħova li għenhom ifiqu. U jekk iva, għala m’għenx lir-raġel tagħha wkoll? Aħna ma nistgħux ngħidu għala ż-żewġ aħwa fiequ. Imma nafu li Ġeħova se jneħħi t-tbatija kollha u jħares ’il quddiem li jirxoxta lill-ħbieb tiegħu li mietu.—Ġob 14:15.

8. (a) Skont Isaija 43:​2, Ġeħova kif jgħinna? (b) It-talb kif jgħinna meta jkollna l-problemi? (Ara l-vidjow It-Talb Jgħinna Nissaportu.)

8 Ġeħova dejjem se jgħinna. Bħala missier li jħobb, Ġeħova ma jridniex inbatu. (Is. 63:9) Imma hu ma jwaqqafx il-problemi kollha tagħna, li nistgħu nqabbluhom maʼ xmajjar jew nar. (Aqra Isaija 43:2.) Imma hu jwegħedna li se jgħinna ‘ngħaddu’ minnhom. Huma x’inhuma l-problemi li ngħaddu minnhom, se jagħmel ċert li dejjem inkunu nistgħu nżommu l-ħbiberija tagħna miegħu b’saħħitha. Ġeħova jgħinna nissaportu wkoll billi jtina l-ispirtu qaddis tiegħu. (Lq. 11:13; Flp. 4:13) B’hekk se nkunu ċerti li dejjem se jtina kulma għandna bżonn biex inkunu nistgħu nissaportu u nibqgħu leali lejh.d

ĠEĦOVA X’JIXTIEQNA NAGĦMLU?

9. Skont Ġakbu 1:​6, 7, għala għandna nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna?

9 Ġeħova jixtieqna nafdawh. (Ebr. 11:6) Xi kultant nistgħu nħossu li diffiċli wisq biex inkampaw mal-problemi tagħna. Forsi anki nibdew niddubitaw jekk Ġeħova hux ħa jgħinna. Imma l-Bibbja taċċertana li bl-għajnuna taʼ Ġeħova ‘nistgħu nitilgħu maʼ sur.’ (Salm 18:29) Allura minflok inħallu d-dubji jikbru, għandna nitolbu lil Ġeħova u jkollna fidi li se jwiġibna.—Aqra Ġakbu 1:​6, 7.

10. Agħti eżempju taʼ kif tistaʼ tagħmel sforz wara li titlob lil Ġeħova.

10 Ġeħova jixtieq li wara li nitolbuh, nagħmlu li nistgħu min-naħa tagħna. Pereżempju, ħu jistaʼ jitlob lil Ġeħova biex jgħinu jieħu l-leave mix-xogħol ħalli jattendi konvenzjoni. Ġeħova kif jistaʼ jwieġeb it-talba tiegħu? Jistaʼ jtih il-kuraġġ biex isaqsi l-imgħallem. Imma l-ħu xorta jrid imur għand l-imgħallem u jsaqsih. U jistaʼ jkollu jsaqsih iktar minn darba. Il-ħu jistaʼ joffri wkoll biex minflok, jidħol jaħdem ġurnata oħra. U jekk ikun hemm bżonn, jistaʼ jsaqsi biex jieħu l-leave u ma jitħallasx għalih.

11. Għala għandna nibqgħu nitolbu dwar dak li qed jinkwetana?

11 Ġeħova jixtieqna nibqgħu nitolbu dwar l-affarijiet li jinkwetawna. (1 Tess. 5:17) Ġesù qal li Ġeħova mhux dejjem se jwieġeb it-talb tagħna mill-ewwel. (Lq. 11:9) Mela taqtax qalbek! Ibqaʼ itlob mill-qalb. (Lq. 18:​1-7) Meta nibqgħu nitolbu lil Ġeħova dwar xi ħaġa, inkunu qed nuruh kemm hi importanti għalina. Inkunu qed nuru wkoll li aħna ċerti li se jgħinna.

GĦALA JISTAʼ JKOLLNA NITOLBU GĦAL XI ĦAĠA OĦRA?

12. (a) Liema mistoqsija għandna nsaqsu, u għala? (b) Kif nistgħu nkunu ċerti li meta nitolbu lil Ġeħova nkunu qed nuruh rispett? (Ara l-kaxxa “It-Talb Tiegħi Juri Rispett lil Ġeħova?”)

12 Jekk inħossu li Ġeħova ma wiġibx it-talb tagħna, nistgħu nsaqsu tliet mistoqsijiet. L-ewwel, ‘Qed nitlob għall-ħaġa t-tajba?’ Spiss naħsbu li nafu x’għandna bżonn, imma l-affarijiet li nitolbu għalihom jaf ma jkunux l-aħjar għalina. Jekk qed nitolbu dwar problema, forsi hemm soluzzjoni aħjar minn dik li qed nitolbu għaliha. U xi affarijiet li nitolbu għalihom, forsi ma jkunux jaqblu maʼ dak li jrid Ġeħova. (1 Ġw. 5:14) Pereżempju, aħseb fl-eżempju tal-ġenituri li semmejna l-ewwel. Huma talbu lil Ġeħova biex iżomm it-tifel tagħhom fil-verità. Din tidher xi ħaġa tajba biex titlob għaliha. Imma Ġeħova ma jġiegħel lil ħadd biex jaqdih taʼ bilfors. Hu jrid li kull wieħed u waħda minna naqduh għax irridu, u dan jinkludi t-tfal tagħna. (Dt. 10:​12, 13; 30:​19, 20) Mela l-ġenituri minflok, jistgħu jitolbu lil Ġeħova biex huma jgħinu lit-tifel ikun jixtieq iħobb lil Ġeħova u jsir il-ħabib tiegħu.—Prov. 22:6; Efes. 6:4.

It-Talb Tiegħi Juri Rispett lil Ġeħova?

Ġeħova hu Missier li jħobbna u jixtieq iwieġeb it-talb tagħna. Imma fl-istess ħin jixraqlu r-rispett tagħna għax hu ħalaqna. (Riv. 4:11) Kif tistaʼ turi rispett lil Missierek tas-sema meta titolbu għal xi ħaġa?

  • Kun ċert li titolbu b’intenzjoni tajba u dak li ssaqsi għalih ikun jaqbel maʼ dak li jrid Alla. (1 Ġw. 5:14) M’għandniex inkunu egoisti u niffokaw biss fuq dak li nixtiequ u jkollna bżonn. Ġakbu qal lill-Kristjani tal-bidu li Ġeħova ma kienx se jwieġeb it-talb tagħhom jekk jitolbu bi “skop ħażin,” jiġifieri jkunu egoisti.—Ġak. 4:3.

  • Kun kuntent bil-mod kif iwieġeb it-talb tiegħek. (Mt. 4:7) Kun ċert li Ġeħova jaf x’inhu l-aħjar mod biex iwieġeb it-talb. Għalhekk, xi kultant, it-tweġiba tiegħu jaf tkun differenti milli tixtieq int.—Efes. 3:20.

  • Tinsiex tirringrazzjah għal kulma jtik kuljum. Immaġina kemm tagħmlu ferħan meta tgħidlu kemm tapprezza l-għajnuna tiegħu.—Kol. 3:15; 1 Tess. 5:​17, 18.

13. Skont Ebrej 4:​16, Ġeħova meta jgħinna? Spjega.

13 It-tieni mistoqsija hi, ‘Hu ż-żmien għal Ġeħova biex iwieġeb it-talba tiegħi?’ Forsi nkunu nixtiequ li Ġeħova jwiġibna mill-ewwel. Imma Ġeħova jaf meta hu l-aħjar ħin biex jgħinna. (Aqra Ebrej 4:16.) Meta Ġeħova ma jwiġibniex mill-ewwel, forsi naħsbu li qed jgħidilna ‘Le.’ Imma fil-verità, jistaʼ jkun qed jgħidilna ‘Mhux għalissa.’ Pereżempju, erġaʼ aħseb fil-ħu żagħżugħ li talab biex ifiq mill-marda li kellu. Kieku Ġeħova fejqu b’xi miraklu, Satana setaʼ jgħid li l-ħu baqaʼ jaqdi lil Ġeħova għax fejqu biss. (Ġob 1:​9-11; 2:4) Ġeħova diġà għażel meta se jneħħi l-mard kollu. (Is. 33:24; Riv. 21:​3, 4) Allura sa dak iż-żmien, ma nistennewx li Ġeħova b’miraklu jfejjaq il-mard li jkollna. Għalhekk, il-ħu jistaʼ jitlob lil Ġeħova biex itih is-saħħa u l-paċi ħalli jissaporti u jibqaʼ leali lejh.—Salm 29:11.

14. X’titgħallem mill-eżempju taʼ Janice?

14 Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Janice, li talbet biex taqdi f’Betel. Wara li għaddew ħames snin indunat li Ġeħova kien wieġeb it-talb tagħha b’mod differenti milli stenniet. Hi qalet: “F’dawk is-snin, Ġeħova għallimni u għenni f’ħafna affarijiet. Kelli bżonn nafdah iktar u nitgħallem nistudja l-Bibbja aħjar. U kelli nitgħallem li nkun fejn inkun, stajt naqdi lil Ġeħova bil-ferħ.” Iktar tard, Janice u r-raġel tagħha ġew mistidnin biex jibdew jaqdu fix-xogħol tas-circuit. Meta tiftakar, Janice tgħid: “Ġeħova wieġeb it-talb tiegħi, imma mhux bil-mod kif kont qed nistenna. Domt biex nifhem li l-mod kif wiġibni Ġeħova kienet barka sabiħa. Vera napprezza li kelli l-opportunità li nara l-imħabba u l-qalb tajba tiegħu.”

Grupp taʼ stampi: 1. Żewġ aħwa nisa jitolbu qabel japplikaw għall-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna. 2. Waħda mill-aħwa ferħana turi lill-aħwa l-oħra, inkluż lill-oħt l-oħra li applikat ukoll l-ittra li qed tistidinha għall-iskola. 3. L-oħt li ma ġietx mistiedna titlob lil Ġeħova u mbagħad tikteb ittra. Iktar tard tmur tipprietka f’pajjiż ieħor u tgħin fi proġett taʼ bini.

Jekk tħoss li Ġeħova ma wiġibx it-talb tiegħek, ipprova itlob għal affarijiet oħra (Ara paragrafu 15)f

15. Kultant għala jkollna bżonn inkunu inqas speċifiċi fit-talb tagħna? (Ara l-istampi.)

15 It-tielet mistoqsija hi, ‘Għandi nitlob għal xi ħaġa oħra?’ Tajjeb li nkunu speċifiċi meta nitolbu. Imma xi kultant ikun aħjar li fit-talb tagħna nkunu inqas speċifiċi ħalli naraw Ġeħova x’jixtieq għalina. Aħseb fuq l-eżempju tal-oħt single li kienet qiegħda titlob biex tmur l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna. Hi trid tattendi l-iskola biex tkun tistaʼ taqdi fejn hemm il-bżonn. Allura waqt li tkompli titlob biex tmur l-iskola, hi tistaʼ titlob lil Ġeħova wkoll biex jgħinha ssib opportunitajiet oħra biex tkun tistaʼ tagħmel iżjed għalih. (Atti 16:​9, 10) Imbagħad wara tistaʼ ssaqsi l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jekk hemmx kongregazzjoni fil-viċin li għandha bżonn iktar pijunieri. Jew tistaʼ tibgħat lil uffiċċju tal-fergħa biex issaqsi fejn hemm iżjed bżonn taʼ pubblikaturi.e

16. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

16 Bħalma rajna, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jwieġeb it-talb tagħna bi mħabba u b’ġustizzja. (Salm 4:3; Is. 30:18) Kultant Ġeħova ma jwiġibniex kif inkunu qed nistennew. Imma qatt mhu se jinjora t-talb tagħna. Hu jħobbna ħafna u qatt mhu se jitlaqna. (Salm 9:10) Mela kompli “afda fih il-ħin kollu” u “iftaħ qalbek miegħu” fit-talb.—Salm 62:8.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Meta nitolbu, Ġeħova x’se jagħmel?

  • Ġeħova x’jixtieqna nagħmlu meta nitolbu?

  • Għala jistaʼ jkollna nitolbu għal xi ħaġa oħra?

GĦANJA 43 Talba taʼ ringrazzjament

a Dan l-artiklu se jispjega għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova dejjem se jwieġeb it-talb tagħna bi mħabba u b’ġustizzja.

b Xi ismijiet ġew mibdulin.

c Ara l-artiklu “Int Tafda Kif Ġeħova Jagħmel l-Affarijiet?” f’​It-Torri tal-Għassa taʼ Frar 2022, para. 3-6.

d Biex tkun taf iktar kif Ġeħova jgħinna nissaportu provi diffiċli, ara l-vidjow It-Talb Jgħinna Nissaportu fuq jw.org.

e Jekk tixtieq tkun taf kif tistaʼ taqdi f’territorju taʼ fergħa oħra, ara Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda taʼ Ġeħova, kap. 10, para. 6-9.

f X’TURINA L-ISTAMPA: Żewġ aħwa nisa jitolbu qabel japplikaw għall-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna. Iktar tard, waħda minnhom tiġi mistiedna, imma l-oħra le. Minflok ma tħossha ddiżappuntata, l-oħt titlob lil Ġeħova biex jgħinha tara x’opportunitajiet oħra hemm. Imbagħad tikteb ittra lill-uffiċċju tal-fergħa biex tgħidilhom li hi lesta tmur taqdi fejn hemm iktar bżonn.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja