Onora lil Ġeħova Billi Turi Dinjità
“L-attività [taʼ Ġeħova] mimlija dinjità u glorja.”—SALM 111:3.
1, 2. (a) Kif tispjega l-kelma “dinjità”? (b) Liema mistoqsijiet se jiġu kunsidrati f’dan l-artiklu?
META ġiet mitluba tispjega l-kelma “dinjituż,” Madison, li għandha għaxar snin, mill-ewwel wieġbet, “Liebes pulit.” Dak li din it-tfajla wisq probabbli ma kinitx taf hu li l-Bibbja titkellem dwar Alla bħala li hu ‘mlibbes bid-dinjità.’ (Salm 104:1) Għall-bnedmin, li juru dinjità jistaʼ kultant jinvolvi li jilbsu pulit. Per eżempju, l-appostlu Pawlu xtaq li n-nisa Kristjani “jiżżejnu bi lbies adattat, bil-modestja u b’moħħ f’loku, mhux bi stili taʼ xagħar immaljat u deheb jew perli jew ħwejjeġ li jiswew ħafna flus.” (1 Tim. 2:9) Imma kondotta dinjituża li tonora d-‘dinjità u l-glorja’ taʼ Ġeħova tinvolvi iktar minn hekk.—Salm 111:3.
2 Fil-Bibbja, il-kelma Ebrajka għal “dinjità” tistaʼ tiġi tradotta wkoll bħala “ġmiel,” “maestà,” “glorja,” u “unur.” Skond definizzjoni waħda taʼ dizzjunarju, id-“dinjità” hija “l-kwalità jew l-istat taʼ li tkun denju, onorat, jew stmat.” U ħadd m’hu denju t’unur u stima akbar daqskemm hu Ġeħova. Għalhekk, bħala l-qaddejja dedikati tiegħu, għandna nuru wkoll dinjità fil-kliem u fl-azzjoni. Imma l-bnedmin għala jistgħu jaġixxu b’dinjità? Id-dinjità u l-glorja taʼ Ġeħova kif jidhru? Kif għandna niġu effettwati mid-dinjità t’Alla? Ġesù Kristu x’jistaʼ jgħallimna dwar kif nuru din il-kwalità? U aħna kif nistgħu nuru dinjità bħal t’Alla?
Għala Nistgħu Naġixxu b’Dinjità
3, 4. (a) Kif għandna nirreaġixxu għad-dinjità li ngħatatilna? (b) Salm 8:5-9 jipponta b’mod profetiku lejn min? (Ara n-nota taʼ taħt.) (ċ) Ġeħova lil min ta dinjità fil-passat?
3 Minħabba li huma magħmulin fuq ix-xbieha t’Alla, il-bnedmin kollha huma kapaċi jaġixxu b’dinjità. Ġeħova ta dinjità lill-ewwel raġel billi ħatru biex jieħu ħsieb l-art. (Ġen. 1:26, 27) Saħansitra wara li l-bniedem tilef il-perfezzjoni, Ġeħova reġaʼ qal x’kienet ir-responsabbiltà tal-bniedem b’konnessjoni maʼ l-art. Għalhekk, Alla xorta għadu ‘jinkuruna’ lill-bnedmin bid-dinjità. (Aqra Salm 8:5-9.)a Id-dinjità li ngħatatilna teħtieġ li naġixxu b’mod dinjituż—li nfaħħru l-isem maestuż taʼ Ġeħova b’riverenza u dinjità.
4 Ġeħova b’mod speċjali ta ammont taʼ dinjità lil dawk li jagħtuh servizz sagru. Alla ta dinjità lil Abel billi aċċetta s-sagrifiċċju tiegħu, filwaqt li rrifjuta s-sagrifiċċju offrut minn ħuh Kajjin. (Ġen. 4:4, 5) Mosè ngħata istruzzjoni biex ‘iqiegħed ftit mid-dinjità tiegħu’ fuq Ġożwè, ir-raġel li kien se jkun is-suċċessur tiegħu bħala l-mexxej taʼ l-Israelin. (Num. 27:20) Rigward Salamun, bin David, il-Bibbja tgħid: “Ġeħova kompla jagħmel lil Salamun kbir b’mod straordinarju quddiem għajnejn Israel kollu u jagħtih dinjità rjali li bħalha ebda sultan qablu fuq Israel ma kellu.” (1 Kron. 29:25) Alla se jagħti dinjità li ma bħalha lill-Kristjani midlukin li se jiġu rxoxtati, li b’mod leali ħabbru “l-glorja tal-ġmiel taʼ saltnatu.” (Salm 145:11-13) Billi jfaħħru lil Ġeħova b’dan il-mod, ġemgħat li qed jiżdiedu taʼ “nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù wkoll għandhom irwol imbierek u dinjituż.—Ġw. 10:16.
Id-Dinjità u l-Glorja taʼ Ġeħova Jintgħamlu Jidhru
5. Kemm hi kbira d-dinjità taʼ Ġeħova?
5 F’għanja li tagħmel kuntrast bejn il-kobor t’Alla u ċ-ċokon tal-bniedem, is-salmista David għanna: “O Ġeħova Mulej tagħna, kemm hu maestuż ismek fl-art kollha, int li d-dinjità tiegħek imsemmija ’l fuq mis-smewwiet!” (Salm 8:1) Minn qabel il-ħolqien tas-“smewwiet u l-art” sa wara t-twettiq kbir taʼ l-iskop t’Alla biex jagħmel l-art ġenna u jwassal lill-familja umana għall-perfezzjoni—minn eternità għal eternità—Alla Ġeħova huwa l-iktar Persunaġġ maestuż u dinjituż fl-univers.—Ġen. 1:1; 1 Kor. 15:24-28; Riv. 21:1-5.
6. Is-salmista għala qal li Ġeħova hu mlibbes bid-dinjità?
6 Min jaf kemm kien imqanqal is-salmista meta fis-skiet bil-lejl ra l-kobor tas-sema miżgħud bl-istilel, imżejjen b’“ġojjelli” jleqqu! Mimli stagħġib għall-mod kif Alla ‘firex is-smewwiet bħal drapp tat-tined,’ is-salmista ta stampa taʼ Ġeħova bħala li hu mlibbes bid-dinjità minħabba l-abbiltà kreattiva u meraviljuża Tiegħu. (Aqra Salm 104:1, 2.) Id-dinjità u l-glorja tal-Ħallieq inviżibbli li jistaʼ kollox jidhru fix-xogħlijiet viżibbli tiegħu.
7, 8. Liema evidenza tad-dinjità u l-glorja taʼ Ġeħova naraw fis-smewwiet?
7 Per eżempju, ikkunsidra l-galassja Triq tal-Ħalib. Fl-oċean immens taʼ stilel, pjaneti, u sistemi solari, id-daqs tal-pjaneta Art jidher li huwa insinifikanti daqs farka waħda taʼ ramel f’bajja li ma tispiċċa qatt. Din il-galassja biss fiha iktar minn 100 biljun stilla! Li kieku kellek tgħodd stilla kull sekonda għal 24 siegħa kuljum bla waqfien, kont iddum iktar minn 3,000 sena biex tgħodd sa 100 biljun.
8 Jekk il-galassja Triq tal-Ħalib biss fiha 100 biljun stilla, xi ngħidu għall-kumplament taʼ l-univers? Xi astronomi jgħidu li t-Triq tal-Ħalib tistaʼ tkun waħda minn madwar 50 biljun sa 125 biljun galassja. Kemm-il stilla hemm fl-univers kollu? In-numru żgur li huwa kbir wisq biex moħħna jifhmu. Madankollu, Ġeħova “jgħodd kemm hemm kwiekeb; ilkoll kemm huma jsejħilhom b’isimhom.” (Salm 147:4) Meta tara lil Ġeħova mlibbes b’dinjità u glorja bħal dawn, ma titqanqalx int biex tfaħħar lil ismu?
9, 10. Il-provvediment tal-ħobż kif juri l-kobor taʼ l-għerf tal-Ħallieq?
9 Issa ejja nbaxxu ħarsitna mis-smewwiet maestużi u nħarsu ’l isfel lejn xi ħaġa komuni bħalma hu l-ħobż. Ġeħova m’huwiex biss “Dak li għamel is-sema u l-art” imma wkoll “Dak li jagħti l-ħobż lil min hu bil-ġuħ.” (Salm 146:6, 7) Id-“dinjità u [l-]glorja” t’Alla huma riflessi fix-xogħlijiet meraviljużi tiegħu, inkluż il-provvediment tiegħu tal-pjanti li minnhom isir il-ħobż. (Aqra Salm 111:1-5.) Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Agħtina llum ħobżna għal dan il-jum.” (Mt. 6:11) Il-ħobż kien l-ikel bażiku fid-dieta taʼ ħafna popli tal-qedem, inkluż l-Israelin. Għalkemm il-ħobż hu meqjus bħala ikel sempliċi, il-proċess kimiku li jittrasforma ftit ingredjenti bażiċi f’ħobż delizzjuż xejn m’huwa sempliċi.
10 Meta l-Bibbja kienet qed tinkiteb, l-Israelin kienu jużaw id-dqiq mill-qamħ jew mix-xgħir u l-ilma biex jagħmlu l-ħobż. Kultant kienet tintuża l-ħmira meta jsir il-ħobż. Dawn is-sustanzi sempliċi jitħalltu u jifformaw għadd kbir taʼ taħlitiet kimiċi li għandhom affarijiet attivi li jaħdmu flimkien. M’huwiex mifhum sew kif dawn is-sustanzi jaħdmu eżatt flimkien. Iktar minn hekk, il-mod kif il-ħobż hu diġerit mill-ġisem huwa proċess komplikat u meraviljuż ieħor. Mhux taʼ b’xejn li s-salmista kanta: “Kemm huma kotrana xogħlijietek, O Ġeħova! Kollha bl-għerf għamilthom”! (Salm 104:24) Tiġi int imqanqal bl-istess mod biex tfaħħar lil Ġeħova?
Id-Dinjità u l-Glorja t’Alla Kif Jeffettwawk?
11, 12. Kif se niġu effettwati meta nimmeditaw fuq ix-xogħlijiet kreattivi t’Alla?
11 M’għandniex għalfejn inkunu astronomi biex nistagħġbu minħabba s-sema taʼ fl-għaxija jew inkunu nies li jistudjaw il-kimika biex nieħdu pjaċir bil-ħobż. Madankollu, sabiex napprezzaw il-glorja tal-Ħallieq tagħna rridu nieħdu l-ħin biex nirriflettu fuq xogħlijiet idejh. Meditazzjoni bħal din x’effett jistaʼ jkollha fuqna? Ikollha l-istess effett bħal meta timmedita fuq xogħlijiet oħrajn taʼ Ġeħova.
12 Rigward l-atti kbar li Ġeħova wettaq għan-nom tal-poplu Tiegħu, David kanta: “Fil-ġmiel glorjuż tad-dinjità tiegħek u fl-aspetti taʼ l-għemejjel tiegħek taʼ l-għaġeb se nkun moħħni jien.” (Salm 145:5) Aħna nuru li nkunu moħħna f’dawn l-għemejjel billi nistudjaw il-Bibbja u nieħdu l-ħin biex nimmeditaw fuq dak li naqraw minnha. X’se jkun l-effett meta nimmeditaw b’dan il-mod? L-apprezzament għad-dinjità u l-glorja t’Alla se jiżdied. Imbagħad żgur li se nitqanqlu biex nissieħbu maʼ David sabiex nonoraw lil Ġeħova u ngħidu: “Jien inxandar il-kobor tiegħek.” (Salm 145:6) Il-meditazzjoni fuq ix-xogħlijiet meraviljużi t’Alla għandha ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova u tqanqalna ngħidu lil oħrajn dwaru b’entużjażmu u b’determinazzjoni. Qiegħed int ixxandar b’żelu l-aħbar tajba u tgħin lin-nies japprezzaw id-dinjità, il-glorja, u l-maestà t’Alla Ġeħova?
Ġesù Jirrifletti Perfettament id-Dinjità t’Alla
13. (a) Skond Danjel 7:13, 14, Ġeħova biex żejnu lil Ibnu? (b) Bħala Sultan, Ġesù kif jittratta lis-sudditi tiegħu?
13 Ġesù Kristu, Bin Alla, ħabbar b’żelu l-aħbar tajba u onora lil Missieru tas-sema li hu dinjituż u maestuż. Ġeħova żejjen lill-Iben uniġenitu tiegħu b’dinjità speċjali billi tah ‘ħakma u saltna.’ (Aqra Danjel 7:13, 14.) Madankollu, Ġesù m’huwiex xi individwu kburi jew li ma jimpurtahx. Anzi l-kontra—huwa Ħakkiem mimli mogħdrija li jifhem il-limitazzjonijiet tas-sudditi tiegħu u jittrattahom b’dinjità. Ikkunsidra eżempju wieħed kif Ġesù bħala Sultan-Nominat ittratta lin-nies li ltaqaʼ magħhom, speċjalment lil dawk li ma kinux aċċettati u maħbubin minn oħrajn.
14. L-imġiddmin kif kienu meqjusin f’Israel tal-qedem?
14 Dawk l-uħud fi żmien il-qedem li kienu milqutin bil-ġdiem ħafna drabi kienu jiffaċċjaw mewta taʼ qsim il-qalb li kienet tiġi bil-mod il-mod. Ftit ftit, il-partijiet tal-ġisem tal-vittma kienu jiġu effettwati mill-marda. Il-fejqan taʼ xi ħadd mill-ġdiem kien meqjus diffiċli daqs il-qawmien taʼ xi ħadd mill-mewt. (Num. 12:12; 2 Slat. 5:7, 14) Dawk li kienu milqutin mill-ġdiem kienu jissejħu mhux nodfa u kienu mistkerrhin u mkeċċijin mis-soċjetà. Meta kienu jiġu viċin in-nies, bħala twissija kellhom jgħajtu: “Mhux nadif, mhux nadif!” (Lev. 13:43-46) Wieħed li kellu l-ġdiem kien meqjus daqslikieku kien mejjet. Skond xi kitbiet rabbiniċi, wieħed imġiddem l-iktar li setaʼ jersaq qrib lejn xi ħadd kien madwar żewġ metri. Ġie rapportat li meta lemaħ imġiddem, saħansitra mill-bogħod, ċertu mexxej reliġjuż beda jitfaʼ l-ġebel biex l-imġiddem jibqaʼ ’l bogħod minnu.
15. Ġesù kif ittrattah lil wieħed imġiddem?
15 Madankollu, taʼ min jinnota kif Ġesù ttratta lil wieħed imġiddem li ġie għandu u talbu biex ifejqu. (Aqra Marku 1:40-42.) Minflok ma keċċieh, lil dan ir-raġel imġiddem li kien imwarrab, Ġesù ttrattah b’mogħdrija u b’dinjità. Dak li ra Ġesù kien bniedem taʼ min jitħassru li kellu bżonn is-serħan. B’qalb imqanqla, Ġesù aġixxa fuq is-sentimenti taʼ mogħdrija tiegħu billi ħa azzjoni mill-ewwel. Ħareġ idu, mess lill-imġiddem, u fejqu.
16. Liema lezzjoni tgħallimt mill-mod kif Ġesù ttratta lil oħrajn?
16 Bħala segwaċi taʼ Ġesù, kif nistgħu nimitaw il-mod kif Ġesù rrifletta d-dinjità taʼ Missieru? Mod wieħed hu billi nirrikonoxxu li l-bnedmin kollha—minkejja l-istat, is-saħħa, jew l-età—ħaqqhom l-unur xieraq u r-rispett. (1 Pt. 2:17) B’mod speċjali dawk li għandhom responsabbiltà li jmexxu, bħall-irġiel miżżewġin, il-ġenituri, u l-anzjani Kristjani, għandhom jagħtu dinjità lil dawk li ġew fdati lilhom biex jieħdu ħsiebhom u jgħinuhom biex ikollhom rispett lejhom infushom. Il-Bibbja tenfasizza li dan huwa meħtieġ minn kull Kristjan billi tgħid: “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-aħwa. Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.”—Rum. 12:10.
Nuru Dinjità fil-Qima
17. X’nistgħu nitgħallmu mill-Iskrittura dwar li nuru dinjità meta nqimu lil Ġeħova?
17 Għandna b’mod speċjali nuru dinjità meta nqimu lil Ġeħova. “Qis il-passi tiegħek kulmeta tmur fid-dar taʼ l-Alla l-veru,” jgħid Ekkleżjasti 5:1. Kemm Mosè u kemm Ġożwè ġew kmandati jneħħu s-sandli meta kienu jkunu f’post qaddis. (Eżo. 3:5; Ġoż. 5:15) Huma kellhom jagħmlu dan b’sinjal taʼ rispett jew riverenza. Il-qassisin Israelin kienu obbligati jilbsu qliezet taʼ taħt taʼ l-għażel sabiex “jgħattu l-ġisem għeri.” (Eżo. 28:42, 43) Dan għen biex ma jkunx hemm kxif indeċenti meta jkunu qed jaqdu ħdejn l-artal. Kull membru mill-familja tal-qassis kellha żżomm il-livell t’Alla f’dik li hi dinjità.
18. Id-dinjità kif tintwera fil-qima tagħna lil Ġeħova?
18 Mela, id-dinjità fil-qima tinvolvi unur u rispett. Sabiex ikun jistħoqqilna l-unur u r-rispett, aħna għandna naġixxu b’rispett. Id-dinjità li nuru għandha tkun iktar minn xi ħaġa għal għajn in-nies jew li tidher biss minn barra. M’għandhiex tkun biss dak li jara l-bniedem imma dak li jara Alla—qalbna. (1 Sam. 16:7; Prov. 21:2) Id-dinjità għandha tkun parti minna u teffettwa l-imġiba tagħna, l-attitudni tagħna, ir-relazzjoni tagħna m’oħrajn, saħansitra l-mod kif inqisu lilna nfusna u nħossuna dwarna nfusna. Tabilħaqq, id-dinjità għandha tkun evidenti l-ħin kollu u f’kulma ngħidu u nagħmlu. Meta niġu għall-kondotta, l-attitudni, u l-ilbies tagħna u l-maxta taʼ xagħarna, aħna nieħdu bis-serjetà l-kliem taʼ l-appostlu Pawlu: “Bl-ebda mod m’aħna noħolqu xi raġuni għal tfixkil, biex ħadd ma jsib xi jgħid fil-ministeru tagħna; imma b’kull mod nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla.” (2 Kor. 6:3, 4) Aħna ‘nsebbħu f’kollox it-tagħlim t’Alla, is-Salvatur tagħna.’—Titu 2:10.
Kompli Uri d-Dinjità t’Alla
19, 20. (a) B’liema mod mill-aħjar nistgħu nagħtu dinjità lil oħrajn? (b) Rigward id-dinjità, x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
19 Id-dinjità tintwera mill-Kristjani midlukin, li huma “ambaxxaturi li jissostitwixxu lil Kristu.” (2 Kor. 5:20) In-“nagħaġ oħrajn,” li jappoġġawhom lealment, huma rappreżentanti dinjitużi tas-Saltna Messjanika. Ambaxxatur jew rappreżentant jitkellem b’kuraġġ u b’dinjità għan-nom tal-gvern tiegħu. Għalhekk, għandna nitkellmu b’dinjità u b’kuraġġ biex nappoġġaw il-gvern t’Alla, is-Saltna. (Efes. 6:19, 20) U meta nġibu “aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar” lil oħrajn, ma nkunux aħna qed nagħtuhom dinjità?—Is. 52:7.
20 Għandna nkunu determinati li nigglorifikaw lil Alla billi naġixxu fi qbil mad-dinjità tiegħu. (1 Pt. 2:12) Ejja dejjem nuru rispett profond lejh, lejn il-qima tiegħu, u lejn l-aduraturi sħabna. U jalla Ġeħova, li libbes lilu nnifsu bid-dinjità u l-glorja, ikun kuntent bil-mod dinjituż kif inqimuh.
[Nota taʼ taħt]
a L-espressjonijiet taʼ David f’Salm 8 jippontaw ukoll b’mod profetiku lejn ir-raġel perfett Ġesù Kristu.—Ebr. 2:5-9.
Int Kif Twieġeb?
• L-apprezzament għall-glorja tad-dinjità taʼ Ġeħova għandu jkollu liema effett fuqna?
• X’nistgħu nitgħallmu dwar id-dinjità mill-mod kif Ġesù rreaġixxa għal wieħed imġiddem?
• Kif nistgħu nonoraw lil Ġeħova b’modi dinjitużi?
[Stampa f’paġna 12]
Ġeħova kif ta dinjità lil Abel?
[Stampa f’paġna 14]
Ix-xogħlijiet meraviljużi taʼ Ġeħova huma evidenti saħansitra anki fil-provvediment tal-ħobż
[Stampa f’paġna 15]
X’tgħallimt dwar id-dinjità mill-mod kif Ġesù ttratta lil wieħed imġiddem?
[Stampa f’paġna 16]
Qima dinjituża tinvolvi li nonoraw lil Ġeħova