LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 6/1 p. 8-p. 11 para. 14
  • Punti Prinċipali mit-Tieni Ktieb tas-Salmi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mit-Tieni Ktieb tas-Salmi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠEĦOVA HU “KENN U QAWWA” GĦALINA
  • (Salm 42:2–​50:23 [42:​1–50:​23, NW ])
  • “F’ALLA BISS IL-​MISTRIEĦ TAʼ RUĦI”
  • (Salm 51:3–​71:24 [51:1–​71:​24, NW ])
  • “Timtela l-​Art Kollha b’Sebħu”
  • Punti Prinċipali mill-Ewwel Ktieb tas-Salmi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Għanjiet imnebbħin li jfarrġu u jgħallmu
    Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
  • Punti Prinċipali mill-Ħames Ktieb tas-Salmi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Punti Prinċipali mit-Tielet u r-Rabaʼ Ktieb tas-Salmi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 6/1 p. 8-p. 11 para. 14

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mit-​Tieni Ktieb tas-​Salmi

BĦALA l-​qaddejja taʼ Ġeħova, aħna nistennew li nġarrbu l-​provi. “Kulmin jixtieq jgħix bid-​devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (2 Timotju 3:​12) X’se jgħinna nissaportu l-​provi u l-​persekuzzjonijiet, u b’hekk nagħtu prova taʼ l-​integrità tagħna lejn Alla?

It-tieni ġabra mill-​ħames ġabriet tas-​salmi tagħtina din l-​għajnuna. Salm 42 sa 72 juruna li jekk irridu nissaportu l-​provi b’suċċess, għandna npoġġu l-​fiduċja sħiħa tagħna f’Ġeħova u nitgħallmu nistrieħu fuqu għall-​ħelsien. X’lezzjoni mill-​aqwa għalina! Il-​messaġġ tat-​Tieni Ktieb tas-​Salmi, bħall-​kumplament tal-​Kelma t’Alla, hu tassew ‘ħaj u qawwi’ saħansitra llum.​—Ebrej 4:​12.

ĠEĦOVA HU “KENN U QAWWA” GĦALINA

(Salm 42:2–​50:23 [42:​1–50:​23, NW ])

Levita jinsab fl-​eżilju. Imnikket għax ma jistax imur fis-​santwarju taʼ Ġeħova biex jagħti qima, hu jfarraġ lilu nnifsu billi jgħid: “Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, u titħawwad ġewwa fija? Ittama f’Alla.” (Salm 42:​6, 12 [42:​5, 11, NW ]; 43:5) Dan il-​vers ripetut jgħaqqad it-​tliet stanzi taʼ Salm 42 u 43 f’poeżija waħda. Salm 44 hu talba għal Ġuda​—ġens li jinsab f’hemm kbir, forsi taħt it-​theddida taʼ l-​invażjoni Assirjana fi żmien is-​Sultan Ħeżekija.

Salm 45, li huwa għanja dwar tieġ taʼ sultan, jipprofetizza dwar is-​Sultan Messjaniku. It-​tliet salmi taʼ wara jiddeskrivu lil Ġeħova bħala “kenn u qawwa,” “sultan kbir fuq l-​art kollha,” u “sur qawwi.” (Salm 46:​2 [46:​1, NW ]; 47:3 [47:​2, NW ]; 48:4 [48:​3, NW ]) B’mod mill-​isbaħ, Salm 49 juri li ebda bniedem “ma jistaʼ jifdi lilu nnifsu”! (Salm 49:8 [49:​7, NW ]) L-​ewwel tmien salmi mit-​tieni ġabra jingħad li nkitbu minn ulied Koraħ. Id-​disaʼ wieħed, Salm 50, ikkomponieh Asaf.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

44:20 (44:​19, NW )​—X’kienet “art il-​klieb selvaġġi”? Is-​salmista forsi kien qed jirreferi għal art tal-​battalja, fejn dawk li jinqatlu jsiru ikel għall-​klieb salvaġġi.

45:​14, 15a (45:​13, 14a, NW )​—Min hi “bint is-​sultan” li “għand is-​sultan jeħduha”? Hi bint is-​“Sultan taʼ l-​eternità,” Alla Ġeħova. (Rivelazzjoni 15:3) Hi tirrappreżenta lill-​kongregazzjoni glorifikata taʼ 144,000 Kristjan, li Ġeħova jadotta bħala wliedu billi jidlikhom bl-​ispirtu tiegħu. (Rumani 8:​16) Din il-​“bint” taʼ Ġeħova, “imħejjija bħal għarusa mżejna għal żewġha,” se tittieħed għand l-​għarus​—is-​Sultan Messjaniku.​—Rivelazzjoni 21:2.

45:15b, 16 (45:14b, 15, NW )​—Lil min jirrappreżentaw “ix-​xbejbiet”? Huma l-​“folla kbira” taʼ qaddejja veri li jingħaqdu mal-​fdal midluk u jappoġġawh. Peress li huma se jkunu “ħarġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira” ħajjin, huma se jkunu fuq l-​art meta ż-​żwieġ tas-​Sultan Messjaniku jseħħ fis-​sema. (Rivelazzjoni 7:​9, 13, 14) F’din l-​okkażjoni, huma se jkunu mimlijin “ferħ u hena.”

45:17 (45:​16, NW )​—F’liema sens se jilħqu l-​ulied minflok missirijiet is-​sultan? Meta Ġesù twieled fuq l-​art, hu kellu missirijiet taʼ l-​art. Huma se jsiru wliedu meta hu jirxoxtahom mill-​mewt matul ir-​Renju tiegħu t’Elf Sena. Xi wħud minnhom se jkunu fost dawk maħturin bħala “kapijiet fuq l-​art kollha.”

50:​2, Karm Żammit​—Ġerusalemm għala hi msejħa “l-​perfezzjoni tas-​sbuħija”? Dan ma kienx minħabba l-​apparenza tal-​belt. Imma għaliex Ġeħova użaha u taha l-​ġmiel billi għażilha bħala l-​post għat-​tempju tiegħu u l-​belt kapitali għas-​slaten midlukin tiegħu.

Lezzjonijiet Għalina:

42:​2-4 (42:​1-3, NW ). Bħalma għażżiela, jew ċerva, tixxennaq għall-​ilma f’art niexfa, bl-​istess mod il-​Levita xxennaq għal Ġeħova. In-​niket tar-​raġel, minħabba li ma setax jaqdi lil Ġeħova fis-​santwarju Tiegħu, tant kien kbir li ‘d-​dmugħ lejl u nhar sar l-​ikel tiegħu’​—ma kellux ġuħ. M’għandniex aħna wkoll nikkultivaw apprezzament profond għall-​qima taʼ Ġeħova flimkien maʼ sħabna fit-​twemmin?

42:​5, 6, 12 (42:​4, 5, 11, NW ); 43:​3-5. Jekk għal xi raġuni li m’għandniex kontroll fuqha niġu mifrudin temporanjament mill-​kongregazzjoni Kristjana, il-​memorji tal-​ferħ li nkunu gawdejna f’din is-​sħubija fil-​passat jistgħu jsostnuna. Waqt li dan għall-​ewwel jistaʼ jżidilna l-​uġigħ tas-​solitudni, ifakkarna wkoll li Alla hu l-​kenn tagħna u li għandna nistennew lilu għall-​ħelsien.

46:​2-4 (46:​1-3, NW ). Minkejja kwalunkwe problema li nistgħu niffaċċjaw, għandu jkollna fiduċja li ma titħarrikx li “kenn u qawwa hu Alla għalina.”

50:​16-​19. Kulmin jitkellem bil-​qerq u jipprattika affarijiet moqżieża m’għandu l-​ebda dritt li jirrappreżenta lil Ġeħova.

50:20. Minflok ma noqogħdu nxandru bil-​ħerqa n-​nuqqasijiet t’oħrajn, għandna nagħlqu għajnejna għalihom.​—Kolossin 3:​13.

“F’ALLA BISS IL-​MISTRIEĦ TAʼ RUĦI”

(Salm 51:3–​71:24 [51:1–​71:​24, NW ])

Dan il-​grupp taʼ salmi jibda bit-​talba mill-​qalb taʼ David wara d-​dnub tiegħu maʼ Batseba. Salm 52 sa 57 juru li Ġeħova se jeħles lil dawk li jixħtu t-​tagħbija tagħhom fuqu u jistennewh għas-​salvazzjoni. Salm 58-64 juru li David jagħmel lil Ġeħova l-​kenn tiegħu fl-​hemm kollu tiegħu. Hu jkanta: “F’Alla biss il-​mistrieħ taʼ ruħi, għax mingħandu tiġini t-​tama.”​—Salm 62:6 (62:​5, NW ).

L-intimità mal-​Ħellies tagħna għandha tqanqalna ‘ngħannu s-​sebħ taʼ ismu.’ (Salm 66:2) Ġeħova hu mfaħħar bħala l-​wieħed li jipprovdi b’mod ġeneruż f’Salm 65, bħala Alla t’atti taʼ salvazzjoni f’Salm 67 u 68, u bħala l-​Ħellies f’Salm 70 u 71.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

51:14 (51:​12, NW )​—David talab għall-​appoġġ taʼ l-​“ispirtu qalbieni” taʼ min? Dan la jirreferi għall-​fatt li Alla kien lest li jgħin lil David u lanqas ma jirreferi għall-​ispirtu taʼ Ġeħova, imma għall-​ispirtu taʼ David stess​—għall-​inklinazzjoni mentali tiegħu. Hu qed jitlob lil Alla biex jagħtih ix-​xewqa ħalli jagħmel dak li hu sewwa.

53:2 (53:​1, NW )​—Wieħed li jiċħad l-​eżistenza t’Alla kif inhu “iblah”? Hawnhekk, il-​bluha ma tfissirx li hemm nuqqas taʼ intelliġenza. Nistgħu naraw li dan l-​individwu hu iblah moralment minħabba l-​kollass morali li jirriżulta kif inhu deskritt f’Salm 53:​2-5 (53:​1-4, NW ).

58:​4-6 (58:​3-5, NW )​—Il-​ħżiena b’liema mod huma bħal serp? Il-​gideb li jgħidu fuq oħrajn huwa bħall-​velenu taʼ serpent. Huma jivvelenaw ir-​reputazzjoni tajba tal-​vittmi tagħhom. ‘Bħal lifgħa truxa li ssodd widnejha,’ il-​ħżiena ma jisimgħux mill-​gwida jew il-​korrezzjoni t’oħrajn.

58:8 (58:​7, NW )​—Il-​ħżiena kif “jgħibu bħal ilma li jintrema”? David setaʼ kien qed jaħseb dwar l-​ilmijiet f’ċerti widien fl-​Art Imwiegħda. Waqt li għargħar kien jgħolli l-​livelli taʼ l-​ilmijiet f’dawn il-​widien, l-​ilma malajr kien jinxtorob u jisparixxi. David kien qed jitlob biex il-​ħżiena jisparixxu malajr.

68:14 (68:​13, NW )​—Kif kienu l-​‘ġwienaħ tal-​ħamiem bħall-​fidda b’rixu mżejjen b’deheb safrani’? Ċertu ħamiem taʼ lewn blu fil-​griż, fuq xi rix ikollu lwien bħal tal-​qawsalla. Meta r-​rix tiegħu jkun fid-​dawl tax-​xemx tiddi, il-​kulur jidher qisu xi metall ileqq. Forsi David kien qed ixebbah lill-​gwerriera Iżraelin vittorjużi li jiġu minn battalja maʼ ħamiem bħal dan​—bi ġwinħajn b’saħħithom u b’dehra brillanti. Bħalma jissuġġerixxu xi studjużi, id-​deskrizzjoni tistaʼ tapplika għal xi biċċa xogħol taʼ l-​arti, trofew, li tittieħed bħala priża. Hi x’inhi t-​tifsira, David kien qed jirreferi għar-​rebħiet li Ġeħova ta lill-​poplu tiegħu fuq l-​għedewwa tagħhom.

68:19 (68:​18, NW )​—Min kienu ‘l-​bnedmin li ħa b’għotjiet’? Dawn kienu rġiel fost dawk li ttieħdu fil-​jasar matul il-​konkwista taʼ l-​Art Imwiegħda. Wara, dawn l-​irġiel ġew inkarigati biex jgħinu lil-​Leviti f’xogħolhom.​—Esdra 8:​20.

68:31 (68:​30, NW )​—Xi tfisser it-​talba “ċanfar dik il-​bhima fil-​qasab”? Minħabba li David kien qed jitkellem b’mod figurattiv dwar l-​għedewwa taʼ Ġeħova bħala bhejjem salvaġġi, hu kien qed jitlob lil Alla biex iċanfarhom, jew jikkontrolla l-​qawwa tagħhom li jagħmlu l-​ħsara.

69:24 (69:​23, NW )​—X’jiġifieri li “jirtogħdu f’ġenbejhom”? Il-​muskoli fil-​ġenbejn huma essenzjali biex individwu jagħmel xogħol iebes, bħal per eżempju li jerfaʼ u jġorr xi tagħbija tqila. Il-​frażi ġenbejn li qed jirtogħdu turi li hemm nuqqas taʼ ħila. David talab li l-​għedewwa tiegħu jitilfu ħilithom.

Lezzjonijiet Għalina:

51:​3-6, 19 (51:​1-4, 17, NW ). Meta nikkommettu dnub, dan ma jfissirx li bilfors se jħassar ir-​relazzjoni tagħna m’Alla Ġeħova. Jekk nindmu, jistaʼ jkollna l-​fiduċja fil-​ħniena tiegħu.

51:​7, 9-​12 (51:​5, 7-10, NW ). Jekk aħna dnibna, nistgħu nitolbu għall-​maħfra taʼ Ġeħova minħabba li writna d-​dnub. Għandna wkoll nitolbuh biex inaddafna, jirrestawrana, jgħinna nneħħu tendenzi midinbin minn qalbna, u biex jagħtina spirtu leali.

51:20 (51:​18, NW ). Id-​dnub taʼ David hedded il-​benesseri tal-​ġens kollu. Allura hu talab biex Sijon ikollu r-​rieda tajba t’Alla. Meta aħna nikkommettu dnub serju, spiss dan iġib tmaqdir fuq isem Ġeħova u fuq il-​kongregazzjoni. Hemm bżonn li nitolbu lil Alla biex jirranġa l-​ħsara li forsi nkunu kkaġunajna.

52:10 (52:​8, NW ). Aħna nistgħu nkunu “bħal siġra taż-​żebbuġ li tħaddar fid-​dar taʼ Alla”​—qrib taʼ Ġeħova u produttivi fis-​servizz tiegħu​—billi nobduh u billi mill-​qalb naċċettaw id-​dixxiplina tiegħu.​—Ebrej 12:​5, 6.

55:​5, 6, 13-​15, 17-​19 (55:​4, 5, 12-​14, 16-​18, NW ). Il-​konfoffa taʼ ibnu stess, Absalom, u t-​tradiment t’Aħitofel, il-​kunsillier fdat tiegħu, ikkaġunaw uġigħ emozzjonali kbir lil David. Madankollu dan ma naqqasx il-​fiduċja taʼ David f’Ġeħova. Aħna m’għandniex inħallu wġigħ emozzjonali jdgħajjef il-​fiduċja tagħna f’Ġeħova.

55:23 (55:​22, NW ). Kif nistgħu nixħtu t-​tagħbija tagħna fuq Ġeħova? Nistgħu nagħmlu dan (1) billi mmorru għandu bit-​talb minħabba kwistjoni li qed tikkonċernana, (2) billi nistrieħu fuq il-​Kelma u l-​organizzazzjoni tiegħu għall-​gwida u l-​appoġġ, u (3) billi nagħmlu dak li nistgħu b’mod raġunevoli biex intejbu s-​sitwazzjoni.​—Proverbji 3:​5, 6; 11:14; 15:22; Filippin 4:​6, 7.

56:9 (56:​8, NW ). Ġeħova mhux biss jaf bis-​sitwazzjoni tagħna, imma jaf ukoll l-​impatt emozzjonali li din għandha fuqna.

62:12 (62:​11, NW ). Alla m’għandux għalfejn jiddependi minn xi sors superfiċjali t’enerġija. Hu s-​sors innifsu tal-​qawwa. ‘Il-​qawwa hi tiegħu.’

63:4 (63:​3, NW ). ‘It-​tjieba t’Alla aħjar mill-​ħajja’ għax mingħajrha l-​ħajja hi bla tifsira u bla skop. Inkunu għorrief jekk nikkultivaw ħbiberija maʼ Ġeħova.

63:7 (63:6 NW ). Il-​lejl​—fis-​skiet u bla ebda tfixkil​—jistaʼ jkun ħin eċċellenti għall-​meditazzjoni.

64:​3-5 (64:​2-4, NW ). It-​tqassis jistaʼ jħassar ir-​reputazzjoni tajba taʼ persuna innoċenti. La għandna nisimgħu tqassis bħal dan u lanqas m’għandna nxerrduh.

69:5 (69:​4, NW ). Sabiex inżommu l-​paċi kultant jistaʼ jkun għaqli li ‘rroddu’ lura billi niskużaw ruħna, anki jekk ma nkunux konvinti li għamilna xi ħaġa ħażina.

70:​2-6 (70:​1-5, NW ). Ġeħova jismaʼ t-​talb urġenti tagħna għall-​għajnuna. (1 Tessalonikin 5:​17; Ġakbu 1:​13; 2 Pietru 2:9) Alla jistaʼ jippermetti li xi prova tkompli, madankollu hu se jagħtina l-​għerf biex nittrattaw mas-​sitwazzjoni u s-​saħħa biex inkampaw. Hu ma jħalliniex niġu ttantati iktar milli nifilħu.​—1 Korintin 10:13; Ebrej 10:36; Ġakbu 1:​5-8.

71:​5, 17. David rabba l-​kuraġġ u s-​saħħa billi poġġa l-​fiduċja tiegħu f’Ġeħova minn meta kien żagħżugħ​—saħansitra qabel ma ffaċċja lill-​ġgant Filisti Gulija. (1 Samwel 17:​34-​37) Ikun tajjeb li ż-​żgħażagħ jistrieħu fuq Ġeħova f’dak kollu li jagħmlu.

“Timtela l-​Art Kollha b’Sebħu”

L-​aħħar għanja fit-​tieni ġabra tas-​salmi, Salm 72, hi dwar il-​ħakma taʼ Salamun li turi bil-​quddiem il-​kundizzjonijiet li se jeżistu taħt il-​ħakma tal-​Messija. X’barkiet mill-​isbaħ huma deskritti hawnhekk​—abbundanza taʼ paċi, it-​tmiem tal-​moħqrija u l-​vjolenza, u ħafna qamħ fuq l-​art! Se nkunu aħna fost dawk li se jgawdu dawn il-​barkiet flimkien maʼ barkiet oħra tas-​Saltna? Nistgħu nkunu fosthom jekk aħna, bħas-​salmista, inkunu kuntenti li nistennew lil Ġeħova u nagħmluh il-​kenn u l-​qawwa tagħna.

‘Jintemm it-​talb taʼ David’ bil-​kliem: “Mbierek il-​Mulej, Alla taʼ Iżrael, li waħdu jagħmel ħwejjeġ taʼ l-​għaġeb. Mbierek għal dejjem ismu msebbaħ; timtela l-​art kollha b’sebħu! Amen! Amen!” (Salm 72:​18-​20) Ejja bl-​istess mod inbierku lil Ġeħova b’qalbna kollha u nfaħħru lill-​isem glorjuż tiegħu.

[Stampa f’paġna 9]

Taf int taʼ min tagħti stampa bil-​quddiem “bint is-​sultan”?

[Stampa f’paġna 10, 11]

Ġerusalemm hi msejħa “l-​perfezzjoni tas-​sbuħija.” Taf għala?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja