Apprezza l-Irwol Uniku taʼ Ġesù fl-Iskop t’Alla
“Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.”—ĠW. 14:6.
1, 2. Għala għandna nkunu interessati li neżaminaw l-irwol uniku taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla?
MATUL is-sekli, ħafna għamlu ħilithom biex jispikkaw bħala li huma differenti minn dawk taʼ madwarhom, imma huma ftit li rnexxielhom. Saħansitra inqas individwi jistgħu bix-xieraq isostnu li huma uniċi b’modi sinifikanti. Madankollu, Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla, hu uniku f’ħafna modi.
2 L-irwol uniku taʼ Ġesù għala għandu jinteressana? Għax l-istess relazzjoni tagħna maʼ Missierna tas-sema, Ġeħova, hi involuta! Ġesù qal: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġw. 14:6; 17:3) Ejja neżaminaw xi modi li Ġesù hu uniku fihom. Dan jgħinna nibnu l-apprezzament tagħna għall-irwol tiegħu fl-iskop t’Alla.
“L-Iben Uniġenitu”
3, 4. (a) Għala nistgħu ngħidu li Ġesù hu uniku fl-irwol tiegħu bħala l-Iben uniġenitu? (b) L-irwol taʼ Ġesù fil-ħolqien kif kien uniku?
3 Ġesù m’huwiex biss “bin Alla.” Satana hekk irrefera għal Ġesù meta ttantah. (Mt. 4:3, 6) Ġesù bix-xieraq jissejjaħ “l-Iben uniġenitu t’Alla.” (Ġw. 3:16, 18) Il-kelma Griega tradotta “uniġenitu” ġiet definita bħala “uniku mit-tip tiegħu, waħdu,” “l-uniku membru taʼ nisel jew razza,” jew “uniku.” Ġeħova għandu mijiet taʼ miljuni taʼ wlied spirti. Allura, Ġesù f’liema sens hu l-uniku wieħed “taʼ nisel jew razza”?
4 Ġesù hu uniku għaliex hu l-uniku ħolqien dirett taʼ Missieru. Hu l-ewwel Iben imwieled. Fil-fatt, hu “l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu.” (Kol. 1:15) Hu “l-bidu tal-ħolqien li għamel Alla.” (Riv. 3:14) L-irwol taʼ l-Iben uniġenitu fil-ħolqien hu uniku wkoll. Hu ma kienx il-Ħallieq, jew l-Oriġinatur, tal-ħolqien. Imma Ġeħova użah bħala l-aġent, jew il-mezz, biex joħloq l-affarijiet l-oħrajn kollha. (Aqra Ġwanni 1:3.) L-appostlu Pawlu kiteb: “Għalina fil-fatt hemm Alla wieħed, il-Missier, li minnu hu kollox, u aħna ngħixu għalih; u Mulej wieħed, Ġesù Kristu, li permezz tiegħu hu kollox, u aħna neżistu permezz tiegħu.”—1 Kor. 8:6.
5. L-Iskrittura kif tenfasizza l-fatt li Ġesù huwa uniku?
5 Madankollu, Ġesù huwa uniku f’ħafna modi oħrajn. L-Iskrittura tagħtih ħafna titli li jiġbdu l-attenzjoni lejn l-irwol uniku tiegħu fl-iskop t’Alla. Ejja issa neżaminaw ħames titli oħrajn minn dawn kif japplikaw għal Ġesù fl-Iskrittura Griega Kristjana.a
“Il-Kelma”
6. Għala hu xieraq li Ġesù jissejjaħ “il-Kelma”?
6 Aqra Ġwanni 1:14. Ġesù għala jissejjaħ “il-Kelma,” jew Logos? Dan it-titlu jidentifika l-irwol li wettaq mindu bdew jeżistu ħlejjaq intelliġenti oħrajn. Ġeħova uża lil Ibnu biex iwassal informazzjoni u istruzzjonijiet lil ulied spirti oħrajn, saħansitra bħalma Alla uża lil dan l-Iben biex iwassal il-messaġġ Tiegħu lill-bnedmin fuq l-art. Il-fatt li Ġesù hu l-Kelma, jew il-Kelliemi t’Alla, hu konfermat b’dak li qal Kristu lis-semmiegħa Lhud tiegħu: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni. Jekk xi ħadd jixtieq jagħmel ir-rieda Tiegħu, ikun jaf jekk it-tagħlim huwiex minn Alla jew jekk iniex nitkellem minni nnifsi.” (Ġw. 7:16, 17) Ġesù kompla jġorr it-titlu “Il-Kelma t’Alla” anki wara li mar lura lejn il-glorja tas-sema.—Riv. 19:11, 13, 16.
7. Kif nistgħu nimitaw l-umiltà li juri Ġesù fl-irwol tiegħu bħala “l-Kelma”?
7 Aħseb ftit dwar x’jimplika dan it-titlu. Għalkemm Ġesù hu l-iktar wieħed għaref mill-ħlejjaq kollha taʼ Ġeħova, hu ma jistrieħx fuq l-għerf tiegħu stess. Hu jitkellem bħalma jistruwih Missieru. Hu dejjem idawwar l-attenzjoni lejn Ġeħova minflok lejh innifsu. (Ġw. 12:50) X’eżempju meraviljuż għalina biex nimitawh! Aħna wkoll ġejna fdati bil-privileġġ prezzjuż biex ‘inxandru aħbar tajba t’affarijiet tajbin.’ (Rum. 10:15) L-apprezzament għall-eżempju taʼ Ġesù fl-umiltà għandu jqanqalna biex ma nitkellmux minn rajna. Meta nwasslu l-messaġġ li jsalva l-ħajjiet u li jinsab fl-Iskrittura, ma nkunux irridu ‘mmorru lil hinn minn dak li hemm miktub.’—1 Kor. 4:6.
“L-Amen”
8, 9. (a) Xi tfisser il-kelma “amen,” u Ġesù għala jissejjaħ “l-Amen”? (b) Ġesù kif wettaq l-irwol tiegħu bħala “l-Amen”?
8 Aqra Rivelazzjoni 3:14. Ġesù għala jissejjaħ “l-Amen”? Il-kelma tradotta “amen” hi traduzzjoni letterali taʼ kelma Ebrajka li tfisser “hekk ikun,” jew “dażgur.” L-għerq Ebrajk li din il-kelma ġejja minnu jfisser “li tkun leali” jew “taʼ min jafdak.” Din l-istess kelma tintuża biex tiddeskrivi l-fedeltà taʼ Ġeħova. (Dt. 7:9; Is. 49:7) Għalhekk, Ġesù b’liema mod hu uniku meta jiġi msejjaħ “l-Amen”? Innota kif iwieġeb it-2 Korintin 1:19, 20: “L-Iben t’Alla, Kristu Ġesù, li ġie pridkat fostkom . . . , ma sarx Iva u fl-istess ħin Le, imma l-Iva sar Iva fil-każ tiegħu. Għax il-wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma, saru Iva permezz tiegħu. Għalhekk ukoll permezz tiegħu ngħidu ‘Amen’ lil Alla biex nagħtuh glorja.”
9 Ġesù hu “l-Amen” għall-wegħdi divini kollha. Il-ħajja perfetta tiegħu fuq l-art, inkluż il-mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, ikkonfermat u għamlet possibbli t-twettiq tal-wegħdi kollha t’Alla Ġeħova. Billi baqaʼ leali, Ġesù wera wkoll li dak li qal Satana, li hu dokumentat fil-ktieb taʼ Ġob, hu falz, jiġifieri, li meta l-qaddejja t’Alla jkunu mċaħħdin, qed isofru, u għaddejjin minn xi prova, se jiċħdu lil Alla. (Ġob 1:6-12; 2:2-7) Mill-ħlejjaq kollha t’Alla, l-ewwel Iben imwieled setaʼ jagħti l-iktar tweġiba konklużiva għal din l-akkuża. Iżjed minn hekk, Ġesù pprovda l-aqwa evidenza li tappoġġa n-naħa taʼ Missieru fil-kwistjoni akbar tad-dritt li għandu Ġeħova bħala s-Sovran universali.
10. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù fl-irwol uniku tiegħu bħala “l-Amen”?
10 Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù fl-irwol uniku tiegħu bħala “l-Amen”? Billi nibqgħu leali lejn Ġeħova u nappoġġaw is-sovranità universali tiegħu. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed inwieġbu b’mod pożittiv għar-rikjesta dokumentata fi Proverbji 27:11: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.”
“Il-Medjatur taʼ Patt Ġdid”
11, 12. L-irwol taʼ Ġesù bħala Medjatur kif inhu uniku?
11 Aqra l-1 Timotju 2:5, 6. Ġesù hu l-“medjatur wieħed bejn Alla u l-bnedmin.” Hu “l-medjatur taʼ patt ġdid.” (Ebr. 9:15; 12:24) Madankollu, Mosè wkoll jingħad li kien medjatur—il-medjatur tal-patt tal-Liġi. (Gal. 3:19) Allura, l-irwol taʼ Ġesù bħala Medjatur kif inhu uniku?
12 Il-kelma fil-lingwa oriġinali tradotta “medjatur” hi terminu legali. Tirreferi għal Ġesù bħala Medjatur legali (jew, f’ċertu sens, prokuratur) tal-patt il-ġdid li permezz tiegħu setaʼ jitwieled ġens ġdid, “l-Israel t’Alla.” (Gal. 6:16) Dan il-ġens hu magħmul minn Kristjani midlukin bl-ispirtu, li jifformaw “saċerdozju rjali” fis-sema. (1 Pt. 2:9; Eżo. 19:6) Il-patt tal-Liġi, b’Mosè bħala medjatur, ma setax jipproduċi ġens bħal dan.
13. L-irwol taʼ Ġesù bħala Medjatur x’jinvolvi?
13 L-irwol taʼ Ġesù bħala Medjatur x’jinvolvi? Sewwa, Ġeħova japplika l-valur tad-demm taʼ Ġesù għal dawk li qed jiddaħħlu fil-patt il-ġdid. B’dan il-mod, Ġeħova jikkreditalhom, jew jagħtihom, legalment is-sewwa. (Rum. 3:24; Ebr. 9:15) Alla jistaʼ mbagħad idaħħalhom fil-patt il-ġdid bil-prospett li jsiru slaten u qassisin fis-sema! Bħala l-Medjatur tagħhom, Ġesù jgħinhom biex iżommu waqfa nadifa quddiem Alla.—Ebr. 2:16.
14. Għala għandhom il-Kristjani kollha, hi x’inhi t-tama tagħhom, japprezzaw verament l-irwol taʼ Ġesù bħala Medjatur?
14 Xi ngħidu għal dawk li m’humiex fil-patt il-ġdid, dawk li jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-art u mhux fis-sema? Waqt li ma jipparteċipawx fil-patt il-ġdid, dawn jibbenefikaw minnu. Huma jirċievu maħfra għal dnubiethom u jiġu dikjarati ġusti bħala l-ħbieb t’Alla. (Ġak. 2:23; 1 Ġw. 2:1, 2) Kemm jekk għandna tama għas-sema u kemm jekk għandna tama għall-art, kull wieħed minna għandu raġuni tajba biex japprezza l-irwol taʼ Ġesù bħala l-Medjatur tal-patt il-ġdid.
“Qassis il-Kbir”
15. L-irwol taʼ Ġesù bħala Qassis il-Kbir kif inhu differenti minn dak taʼ l-irġiel l-oħrajn kollha li qdew bħala qassisin il-kbar?
15 Kien hemm ħafna rġiel li qdew bħala qassisin il-kbar fl-imgħoddi, u madankollu l-irwol taʼ Ġesù bħala Qassis il-Kbir hu verament uniku. Kif? Pawlu jispjega: “Hu m’għandux bżonn li, bħal dawk il-qassisin il-kbar, joffri sagrifiċċji kuljum, l-ewwel għal dnubietu stess u mbagħad għal dawk tal-poplu: (għax dan għamlu darba għal dejjem meta offra lilu nnifsu;) għax il-Liġi taħtar bħala qassisin il-kbar bnedmin li għandhom id-dgħjufija, imma l-kelma tal-ġurament, li ġiet wara l-Liġi, taħtar Iben li ntgħamel perfett għal dejjem.”—Ebr. 7:27, 28.b
16. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù għala hu verament uniku?
16 Ġesù kien raġel perfett, eżatt daqs kemm kien Adam qabel ma dineb. (1 Kor. 15:45) Bħala tali, Ġesù kien l-uniku bniedem li kien f’pożizzjoni li joffri sagrifiċċju perfett u komplet—it-tip taʼ sagrifiċċju li ma kellux bżonn jiġi ripetut. Taħt il-Liġi Mosajka, is-sagrifiċċji kienu jiġu offruti fuq bażi regulari. Iżda, dawn is-sagrifiċċji u s-servizzi kollha tal-qassisin kienu biss dell taʼ dak li kellu jwettaq Ġesù. (Ebr. 8:5; 10:1) Għalhekk, peress li hi effettiva u permanenti, il-kariga taʼ Ġesù bħala Qassis il-Kbir hi unika.
17. Għala għandna napprezzaw l-irwol taʼ Ġesù bħala l-Qassis il-Kbir tagħna, u kif nistgħu nagħmlu dan?
17 Għandna bżonn is-servizzi taʼ Ġesù bħala Qassis il-Kbir biex jgħinuna jkollna waqfa retta quddiem Alla. U x’Qassis il-Kbir meraviljuż għandna! “Bħala qassis il-kbir m’għandniex wieħed li ma jistax jagħder id-dgħjufijiet tagħna,” kiteb Pawlu, “imma wieħed li ġie provat fl-aspetti kollha bħalna, imma baqaʼ mingħajr dnub.” (Ebr. 4:15) Verament, l-apprezzament għal dan il-fatt għandu jqanqalna biex ‘ma ngħixux iktar għalina nfusna, imma għal dak li miet għalina.’—2 Kor. 5:14, 15; Lq. 9:23.
In-“Nisel” Imbassar
18. Liema profezija tlissnet wara li dineb Adam, u iktar tard x’ġie rivelat dwar din il-profezija?
18 Lura fl-Għeden, meta kien jidher li l-bnedmin kienu tilfu kollox—il-waqfa nadifa quddiem Alla, il-ħajja taʼ dejjem, l-hena, u l-Ġenna taʼ l-art—Alla Ġeħova bassar Ħellies. Dan il-wieħed ġie msejjaħ in-‘nisel.’ (Ġen. 3:15) Dan in-Nisel misterjuż sar it-tema t’għadd taʼ profeziji tal-Bibbja matul is-sekli. Kellu jkun dixxendent t’Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Ukoll, kellu jkun mil-linja tas-Sultan David.—Ġen. 21:12; 22:16-18; 28:14; 2 Sam. 7:12-16.
19, 20. (a) Min hu n-Nisel imwiegħed? (b) Għala jistaʼ jingħad li n-nisel imbassar ma jinkludix lil Ġesù biss?
19 Min kien dan in-Nisel imwiegħed? Ir-risposta għal din il-mistoqsija tistaʼ tinstab f’Galatin 3:16. (Aqra.) Madankollu, iktar tard fl-istess kapitlu, l-appostlu Pawlu jissokta jgħid lill-Kristjani midlukin: “Barra minn hekk, jekk intom taʼ Kristu, intom tassew nisel Abraham, werrieta skond il-wegħda.” (Gal. 3:29) Kif inhu li Kristu hu n-Nisel imwiegħed, u madankollu oħrajn huma inklużi wkoll?
20 Miljuni jsostnu li huma dixxendenti t’Abraham, u xi wħud saħansitra aġixxew bħala profeti. Xi reliġjonijiet jagħtu importanza kbira lill-istqarrija li l-profeti tagħhom huma dixxendenti t’Abraham. Imma huma dawn kollha n-Nisel imwiegħed? Le. Bħalma jindika l-appostlu Pawlu b’ispirazzjoni, mhux id-dixxendenti t’Abraham kollha jistgħu jsostnu li huma n-Nisel imwiegħed. In-nisel taʼ l-ulied l-oħrajn t’Abraham ma ntużax biex titbierek l-umanità. In-nisel li kellu jġib il-barka kellu jiġi permezz taʼ Iżakk biss. (Ebr. 11:18) Fl-aħħar mill-aħħar, bniedem wieħed biss, Ġesù Kristu, li l-ġenealoġija tiegħu minn Abraham hi dokumentata fil-Bibbja, hu l-parti primarja taʼ dan in-nisel imbassar.c L-oħrajn kollha li iktar tard isiru l-parti sekondarja tan-nisel t’Abraham huma hekk għaliex huma “taʼ Kristu.” Iva, l-irwol taʼ Ġesù fit-twettiq taʼ din il-profezija hu verament uniku.
21. X’jimpressjonak dwar il-mod kif Ġesù wettaq l-irwol uniku tiegħu fl-iskop taʼ Ġeħova?
21 X’tgħallimna minn din ir-reviżjoni qasira dwar l-irwol uniku taʼ Ġesù fl-iskop taʼ Ġeħova? Minn dakinhar li nħalaq ’il quddiem, l-Iben uniġenitu t’Alla kien u għadu verament uniku, wieħed mit-tip tiegħu. Madankollu, dan l-Iben uniku t’Alla li sar Ġesù dejjem qeda umilment f’armonija mar-rieda taʼ Missieru, u qatt ma fittex il-glorja għalih innifsu. (Ġw. 5:41; 8:50) X’eżempju li jispikka għalina llum! Bħal Ġesù, jalla nagħmluha l-mira tagħna li ‘nagħmlu kollox għall-glorja t’Alla.’—1 Kor. 10:31.
[Noti taʼ taħt]
a Xi wħud minn dawn it-titli jidhru flimkien maʼ l-artiklu definit Grieg, u dan jindika li t-titlu hu, bħalma jistqarr wieħed studjuż, “f’ċertu sens, ‘fi klassi għalih waħdu.’”
b Skond studjuż wieħed tal-Bibbja, il-kelma tradotta “darba għal dejjem” tesprimi konċett Bibliku importanti li “jissuġġerixxi kemm il-mewt taʼ Kristu hi definita, unika, jew singulari.”
c Avolja l-Lhud fl-ewwel seklu E.K. ħasbu li huma, bħala n-nisel, jew id-dixxendenti, letterali t’Abraham, kienu se jkunu l-poplu magħżul, huma xorta stennew individwu wieħed biex jiġi bħala l-Messija, jew Kristu.—Ġw. 1:25; 7:41, 42; 8:39-41.
X’Tiftakar?
• X’tgħallimt dwar l-irwol uniku taʼ Ġesù mit-titli tiegħu? (Ara l-kaxxa.)
• Kif tistaʼ timita l-eżempju taʼ l-Iben uniku taʼ Ġeħova?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 15]
Xi Titli li Jirriflettu l-Irwol Uniku taʼ Ġesù fl-Iskop t’Alla
◼ L-Iben Uniġenitu. (Ġw. 1:3) Ġesù hu l-uniku ħolqien dirett taʼ Missieru.
◼ Il-Kelma. (Ġw. 1:14) Ġeħova juża lil Ibnu bħala kelliemi biex iwassal informazzjoni u istruzzjonijiet lil ħlejjaq oħrajn.
◼ L-Amen. (Riv. 3:14) Il-ħajja perfetta taʼ Ġesù fuq l-art, inkluż il-mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, ikkonfermat u għamlet possibbli t-twettiq tal-wegħdi t’Alla Ġeħova.
◼ Il-Medjatur tal-Patt il-Ġdid. (1 Tim. 2:5, 6) Bħala Medjatur legali, Ġesù għamel possibbli t-twelid taʼ ġens ġdid, “l-Israel t’Alla,” magħmul minn Kristjani li se jifformaw “saċerdozju rjali” fis-sema.—Gal. 6:16; 1 Pt. 2:9.
◼ Il-Qassis il-Kbir. (Ebr. 7:27, 28) Ġesù kien l-uniku bniedem li kien f’pożizzjoni li joffri sagrifiċċju perfett, wieħed li ma kellux bżonn jiġi ripetut. Hu jistaʼ jnaddafna mid-dnub u jeħlisna mill-effetti tiegħu li jġibu l-mewt.
◼ In-Nisel Imwiegħed. (Ġen. 3:15) Raġel wieħed biss, Ġesù Kristu, hu l-parti primarja taʼ dan in-nisel imbassar. L-oħrajn kollha li iktar tard isiru l-parti sekondarja tan-nisel t’Abraham huma “taʼ Kristu.”—Gal. 3:29.