LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 12/15 pp. 12-16
  • Apprezza l-Irwol Uniku taʼ Ġesù fl-Iskop t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Apprezza l-Irwol Uniku taʼ Ġesù fl-Iskop t’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “L-​Iben Uniġenitu”
  • “Il-​Kelma”
  • “L-​Amen”
  • “Il-​Medjatur taʼ Patt Ġdid”
  • “Qassis il-​Kbir”
  • In-​“Nisel” Imbassar
  • Dak li Xehdu Għalih il-Profeti Kollha
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • “It-Triq, il-Verità, u l-Ħajja”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
  • Barkiet Akbar Permezz tal-Patt il-Ġdid
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Il-Wieħed li Għalih il-Profeti Kollha Taw Xiehda
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 12/15 pp. 12-16

Apprezza l-​Irwol Uniku taʼ Ġesù fl-​Iskop t’Alla

“Jien it-​triq, il-​verità, u l-​ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.”—ĠW. 14:6.

1, 2. Għala għandna nkunu interessati li neżaminaw l-​irwol uniku taʼ Ġesù fl-​iskop t’Alla?

MATUL is-​sekli, ħafna għamlu ħilithom biex jispikkaw bħala li huma differenti minn dawk taʼ madwarhom, imma huma ftit li rnexxielhom. Saħansitra inqas individwi jistgħu bix-​xieraq isostnu li huma uniċi b’modi sinifikanti. Madankollu, Ġesù Kristu, l-​Iben t’Alla, hu uniku f’ħafna modi.

2 L-​irwol uniku taʼ Ġesù għala għandu jinteressana? Għax l-​istess relazzjoni tagħna maʼ Missierna tas-​sema, Ġeħova, hi involuta! Ġesù qal: “Jien it-​triq, il-​verità, u l-​ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġw. 14:6; 17:3) Ejja neżaminaw xi modi li Ġesù hu uniku fihom. Dan jgħinna nibnu l-​apprezzament tagħna għall-​irwol tiegħu fl-​iskop t’Alla.

“L-​Iben Uniġenitu”

3, 4. (a) Għala nistgħu ngħidu li Ġesù hu uniku fl-​irwol tiegħu bħala l-​Iben uniġenitu? (b) L-​irwol taʼ Ġesù fil-​ħolqien kif kien uniku?

3 Ġesù m’huwiex biss “bin Alla.” Satana hekk irrefera għal Ġesù meta ttantah. (Mt. 4:3, 6) Ġesù bix-​xieraq jissejjaħ “l-​Iben uniġenitu t’Alla.” (Ġw. 3:16, 18) Il-​kelma Griega tradotta “uniġenitu” ġiet definita bħala “uniku mit-​tip tiegħu, waħdu,” “l-​uniku membru taʼ nisel jew razza,” jew “uniku.” Ġeħova għandu mijiet taʼ miljuni taʼ wlied spirti. Allura, Ġesù f’liema sens hu l-​uniku wieħed “taʼ nisel jew razza”?

4 Ġesù hu uniku għaliex hu l-​uniku ħolqien dirett taʼ Missieru. Hu l-​ewwel Iben imwieled. Fil-​fatt, hu “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu.” (Kol. 1:15) Hu “l-​bidu tal-​ħolqien li għamel Alla.” (Riv. 3:14) L-​irwol taʼ l-​Iben uniġenitu fil-​ħolqien hu uniku wkoll. Hu ma kienx il-​Ħallieq, jew l-​Oriġinatur, tal-​ħolqien. Imma Ġeħova użah bħala l-​aġent, jew il-​mezz, biex joħloq l-​affarijiet l-​oħrajn kollha. (Aqra Ġwanni 1:3.) L-​appostlu Pawlu kiteb: “Għalina fil-​fatt hemm Alla wieħed, il-​Missier, li minnu hu kollox, u aħna ngħixu għalih; u Mulej wieħed, Ġesù Kristu, li permezz tiegħu hu kollox, u aħna neżistu permezz tiegħu.”—1 Kor. 8:6.

5. L-​Iskrittura kif tenfasizza l-​fatt li Ġesù huwa uniku?

5 Madankollu, Ġesù huwa uniku f’ħafna modi oħrajn. L-​Iskrittura tagħtih ħafna titli li jiġbdu l-​attenzjoni lejn l-​irwol uniku tiegħu fl-​iskop t’Alla. Ejja issa neżaminaw ħames titli oħrajn minn dawn kif japplikaw għal Ġesù fl-​Iskrittura Griega Kristjana.a

“Il-​Kelma”

6. Għala hu xieraq li Ġesù jissejjaħ “il-​Kelma”?

6 Aqra Ġwanni 1:14. Ġesù għala jissejjaħ “il-​Kelma,” jew Logos? Dan it-​titlu jidentifika l-​irwol li wettaq mindu bdew jeżistu ħlejjaq intelliġenti oħrajn. Ġeħova uża lil Ibnu biex iwassal informazzjoni u istruzzjonijiet lil ulied spirti oħrajn, saħansitra bħalma Alla uża lil dan l-​Iben biex iwassal il-​messaġġ Tiegħu lill-​bnedmin fuq l-​art. Il-​fatt li Ġesù hu l-​Kelma, jew il-​Kelliemi t’Alla, hu konfermat b’dak li qal Kristu lis-​semmiegħa Lhud tiegħu: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni. Jekk xi ħadd jixtieq jagħmel ir-​rieda Tiegħu, ikun jaf jekk it-​tagħlim huwiex minn Alla jew jekk iniex nitkellem minni nnifsi.” (Ġw. 7:16, 17) Ġesù kompla jġorr it-​titlu “Il-​Kelma t’Alla” anki wara li mar lura lejn il-​glorja tas-​sema.—Riv. 19:11, 13, 16.

7. Kif nistgħu nimitaw l-​umiltà li juri Ġesù fl-​irwol tiegħu bħala “l-​Kelma”?

7 Aħseb ftit dwar x’jimplika dan it-​titlu. Għalkemm Ġesù hu l-​iktar wieħed għaref mill-​ħlejjaq kollha taʼ Ġeħova, hu ma jistrieħx fuq l-​għerf tiegħu stess. Hu jitkellem bħalma jistruwih Missieru. Hu dejjem idawwar l-​attenzjoni lejn Ġeħova minflok lejh innifsu. (Ġw. 12:50) X’eżempju meraviljuż għalina biex nimitawh! Aħna wkoll ġejna fdati bil-​privileġġ prezzjuż biex ‘inxandru aħbar tajba t’affarijiet tajbin.’ (Rum. 10:15) L-​apprezzament għall-​eżempju taʼ Ġesù fl-​umiltà għandu jqanqalna biex ma nitkellmux minn rajna. Meta nwasslu l-​messaġġ li jsalva l-​ħajjiet u li jinsab fl-​Iskrittura, ma nkunux irridu ‘mmorru lil hinn minn dak li hemm miktub.’—1 Kor. 4:6.

“L-​Amen”

8, 9. (a) Xi tfisser il-​kelma “amen,” u Ġesù għala jissejjaħ “l-​Amen”? (b) Ġesù kif wettaq l-​irwol tiegħu bħala “l-​Amen”?

8 Aqra Rivelazzjoni 3:14. Ġesù għala jissejjaħ “l-​Amen”? Il-​kelma tradotta “amen” hi traduzzjoni letterali taʼ kelma Ebrajka li tfisser “hekk ikun,” jew “dażgur.” L-​għerq Ebrajk li din il-​kelma ġejja minnu jfisser “li tkun leali” jew “taʼ min jafdak.” Din l-​istess kelma tintuża biex tiddeskrivi l-​fedeltà taʼ Ġeħova. (Dt. 7:9; Is. 49:7) Għalhekk, Ġesù b’liema mod hu uniku meta jiġi msejjaħ “l-​Amen”? Innota kif iwieġeb it-​2 Korintin 1:19, 20: “L-​Iben t’Alla, Kristu Ġesù, li ġie pridkat fostkom . . . , ma sarx Iva u fl-​istess ħin Le, imma l-​Iva sar Iva fil-​każ tiegħu. Għax il-​wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma, saru Iva permezz tiegħu. Għalhekk ukoll permezz tiegħu ngħidu ‘Amen’ lil Alla biex nagħtuh glorja.”

9 Ġesù hu “l-​Amen” għall-​wegħdi divini kollha. Il-​ħajja perfetta tiegħu fuq l-​art, inkluż il-​mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, ikkonfermat u għamlet possibbli t-​twettiq tal-​wegħdi kollha t’Alla Ġeħova. Billi baqaʼ leali, Ġesù wera wkoll li dak li qal Satana, li hu dokumentat fil-​ktieb taʼ Ġob, hu falz, jiġifieri, li meta l-​qaddejja t’Alla jkunu mċaħħdin, qed isofru, u għaddejjin minn xi prova, se jiċħdu lil Alla. (Ġob 1:6-12; 2:2-7) Mill-​ħlejjaq kollha t’Alla, l-​ewwel Iben imwieled setaʼ jagħti l-​iktar tweġiba konklużiva għal din l-​akkuża. Iżjed minn hekk, Ġesù pprovda l-​aqwa evidenza li tappoġġa n-​naħa taʼ Missieru fil-​kwistjoni akbar tad-​dritt li għandu Ġeħova bħala s-​Sovran universali.

10. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù fl-​irwol uniku tiegħu bħala “l-​Amen”?

10 Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù fl-​irwol uniku tiegħu bħala “l-​Amen”? Billi nibqgħu leali lejn Ġeħova u nappoġġaw is-​sovranità universali tiegħu. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed inwieġbu b’mod pożittiv għar-​rikjesta dokumentata fi Proverbji 27:11: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.”

“Il-​Medjatur taʼ Patt Ġdid”

11, 12. L-​irwol taʼ Ġesù bħala Medjatur kif inhu uniku?

11 Aqra l-​1 Timotju 2:5, 6. Ġesù hu l-​“medjatur wieħed bejn Alla u l-​bnedmin.” Hu “l-​medjatur taʼ patt ġdid.” (Ebr. 9:15; 12:24) Madankollu, Mosè wkoll jingħad li kien medjatur—il-​medjatur tal-​patt tal-​Liġi. (Gal. 3:19) Allura, l-​irwol taʼ Ġesù bħala Medjatur kif inhu uniku?

12 Il-​kelma fil-​lingwa oriġinali tradotta “medjatur” hi terminu legali. Tirreferi għal Ġesù bħala Medjatur legali (jew, f’ċertu sens, prokuratur) tal-​patt il-​ġdid li permezz tiegħu setaʼ jitwieled ġens ġdid, “l-​Israel t’Alla.” (Gal. 6:16) Dan il-​ġens hu magħmul minn Kristjani midlukin bl-​ispirtu, li jifformaw “saċerdozju rjali” fis-​sema. (1 Pt. 2:9; Eżo. 19:6) Il-​patt tal-​Liġi, b’Mosè bħala medjatur, ma setax jipproduċi ġens bħal dan.

13. L-​irwol taʼ Ġesù bħala Medjatur x’jinvolvi?

13 L-​irwol taʼ Ġesù bħala Medjatur x’jinvolvi? Sewwa, Ġeħova japplika l-​valur tad-​demm taʼ Ġesù għal dawk li qed jiddaħħlu fil-​patt il-​ġdid. B’dan il-​mod, Ġeħova jikkreditalhom, jew jagħtihom, legalment is-​sewwa. (Rum. 3:24; Ebr. 9:15) Alla jistaʼ mbagħad idaħħalhom fil-​patt il-​ġdid bil-​prospett li jsiru slaten u qassisin fis-​sema! Bħala l-​Medjatur tagħhom, Ġesù jgħinhom biex iżommu waqfa nadifa quddiem Alla.—Ebr. 2:16.

14. Għala għandhom il-​Kristjani kollha, hi x’inhi t-​tama tagħhom, japprezzaw verament l-​irwol taʼ Ġesù bħala Medjatur?

14 Xi ngħidu għal dawk li m’humiex fil-​patt il-​ġdid, dawk li jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-​art u mhux fis-​sema? Waqt li ma jipparteċipawx fil-​patt il-​ġdid, dawn jibbenefikaw minnu. Huma jirċievu maħfra għal dnubiethom u jiġu dikjarati ġusti bħala l-​ħbieb t’Alla. (Ġak. 2:23; 1 Ġw. 2:1, 2) Kemm jekk għandna tama għas-​sema u kemm jekk għandna tama għall-​art, kull wieħed minna għandu raġuni tajba biex japprezza l-​irwol taʼ Ġesù bħala l-​Medjatur tal-​patt il-​ġdid.

“Qassis il-​Kbir”

15. L-​irwol taʼ Ġesù bħala Qassis il-​Kbir kif inhu differenti minn dak taʼ l-​irġiel l-​oħrajn kollha li qdew bħala qassisin il-​kbar?

15 Kien hemm ħafna rġiel li qdew bħala qassisin il-​kbar fl-​imgħoddi, u madankollu l-​irwol taʼ Ġesù bħala Qassis il-​Kbir hu verament uniku. Kif? Pawlu jispjega: “Hu m’għandux bżonn li, bħal dawk il-​qassisin il-​kbar, joffri sagrifiċċji kuljum, l-​ewwel għal dnubietu stess u mbagħad għal dawk tal-​poplu: (għax dan għamlu darba għal dejjem meta offra lilu nnifsu;) għax il-​Liġi taħtar bħala qassisin il-​kbar bnedmin li għandhom id-​dgħjufija, imma l-​kelma tal-​ġurament, li ġiet wara l-​Liġi, taħtar Iben li ntgħamel perfett għal dejjem.”—Ebr. 7:27, 28.b

16. Is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù għala hu verament uniku?

16 Ġesù kien raġel perfett, eżatt daqs kemm kien Adam qabel ma dineb. (1 Kor. 15:45) Bħala tali, Ġesù kien l-​uniku bniedem li kien f’pożizzjoni li joffri sagrifiċċju perfett u komplet—it-​tip taʼ sagrifiċċju li ma kellux bżonn jiġi ripetut. Taħt il-​Liġi Mosajka, is-​sagrifiċċji kienu jiġu offruti fuq bażi regulari. Iżda, dawn is-​sagrifiċċji u s-​servizzi kollha tal-​qassisin kienu biss dell taʼ dak li kellu jwettaq Ġesù. (Ebr. 8:5; 10:1) Għalhekk, peress li hi effettiva u permanenti, il-​kariga taʼ Ġesù bħala Qassis il-​Kbir hi unika.

17. Għala għandna napprezzaw l-​irwol taʼ Ġesù bħala l-​Qassis il-​Kbir tagħna, u kif nistgħu nagħmlu dan?

17 Għandna bżonn is-​servizzi taʼ Ġesù bħala Qassis il-​Kbir biex jgħinuna jkollna waqfa retta quddiem Alla. U x’Qassis il-​Kbir meraviljuż għandna! “Bħala qassis il-​kbir m’għandniex wieħed li ma jistax jagħder id-​dgħjufijiet tagħna,” kiteb Pawlu, “imma wieħed li ġie provat fl-​aspetti kollha bħalna, imma baqaʼ mingħajr dnub.” (Ebr. 4:15) Verament, l-​apprezzament għal dan il-​fatt għandu jqanqalna biex ‘ma ngħixux iktar għalina nfusna, imma għal dak li miet għalina.’—2 Kor. 5:14, 15; Lq. 9:23.

In-​“Nisel” Imbassar

18. Liema profezija tlissnet wara li dineb Adam, u iktar tard x’ġie rivelat dwar din il-​profezija?

18 Lura fl-​Għeden, meta kien jidher li l-​bnedmin kienu tilfu kollox—il-​waqfa nadifa quddiem Alla, il-​ħajja taʼ dejjem, l-​hena, u l-​Ġenna taʼ l-​art—Alla Ġeħova bassar Ħellies. Dan il-​wieħed ġie msejjaħ in-​‘nisel.’ (Ġen. 3:15) Dan in-​Nisel misterjuż sar it-​tema t’għadd taʼ profeziji tal-​Bibbja matul is-​sekli. Kellu jkun dixxendent t’Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Ukoll, kellu jkun mil-​linja tas-​Sultan David.—Ġen. 21:12; 22:16-18; 28:14; 2 Sam. 7:12-16.

19, 20. (a) Min hu n-​Nisel imwiegħed? (b) Għala jistaʼ jingħad li n-​nisel imbassar ma jinkludix lil Ġesù biss?

19 Min kien dan in-​Nisel imwiegħed? Ir-​risposta għal din il-​mistoqsija tistaʼ tinstab f’Galatin 3:16. (Aqra.) Madankollu, iktar tard fl-​istess kapitlu, l-​appostlu Pawlu jissokta jgħid lill-​Kristjani midlukin: “Barra minn hekk, jekk intom taʼ Kristu, intom tassew nisel Abraham, werrieta skond il-​wegħda.” (Gal. 3:29) Kif inhu li Kristu hu n-​Nisel imwiegħed, u madankollu oħrajn huma inklużi wkoll?

20 Miljuni jsostnu li huma dixxendenti t’Abraham, u xi wħud saħansitra aġixxew bħala profeti. Xi reliġjonijiet jagħtu importanza kbira lill-​istqarrija li l-​profeti tagħhom huma dixxendenti t’Abraham. Imma huma dawn kollha n-​Nisel imwiegħed? Le. Bħalma jindika l-​appostlu Pawlu b’ispirazzjoni, mhux id-​dixxendenti t’Abraham kollha jistgħu jsostnu li huma n-​Nisel imwiegħed. In-​nisel taʼ l-​ulied l-​oħrajn t’Abraham ma ntużax biex titbierek l-​umanità. In-​nisel li kellu jġib il-​barka kellu jiġi permezz taʼ Iżakk biss. (Ebr. 11:18) Fl-​aħħar mill-​aħħar, bniedem wieħed biss, Ġesù Kristu, li l-​ġenealoġija tiegħu minn Abraham hi dokumentata fil-​Bibbja, hu l-​parti primarja taʼ dan in-​nisel imbassar.c L-​oħrajn kollha li iktar tard isiru l-​parti sekondarja tan-​nisel t’Abraham huma hekk għaliex huma “taʼ Kristu.” Iva, l-​irwol taʼ Ġesù fit-​twettiq taʼ din il-​profezija hu verament uniku.

21. X’jimpressjonak dwar il-​mod kif Ġesù wettaq l-​irwol uniku tiegħu fl-​iskop taʼ Ġeħova?

21 X’tgħallimna minn din ir-​reviżjoni qasira dwar l-​irwol uniku taʼ Ġesù fl-​iskop taʼ Ġeħova? Minn dakinhar li nħalaq ’il quddiem, l-​Iben uniġenitu t’Alla kien u għadu verament uniku, wieħed mit-​tip tiegħu. Madankollu, dan l-​Iben uniku t’Alla li sar Ġesù dejjem qeda umilment f’armonija mar-​rieda taʼ Missieru, u qatt ma fittex il-​glorja għalih innifsu. (Ġw. 5:41; 8:50) X’eżempju li jispikka għalina llum! Bħal Ġesù, jalla nagħmluha l-​mira tagħna li ‘nagħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.’—1 Kor. 10:31.

[Noti taʼ taħt]

a Xi wħud minn dawn it-​titli jidhru flimkien maʼ l-​artiklu definit Grieg, u dan jindika li t-​titlu hu, bħalma jistqarr wieħed studjuż, “f’ċertu sens, ‘fi klassi għalih waħdu.’”

b Skond studjuż wieħed tal-​Bibbja, il-​kelma tradotta “darba għal dejjem” tesprimi konċett Bibliku importanti li “jissuġġerixxi kemm il-​mewt taʼ Kristu hi definita, unika, jew singulari.”

c Avolja l-​Lhud fl-​ewwel seklu E.K. ħasbu li huma, bħala n-​nisel, jew id-​dixxendenti, letterali t’Abraham, kienu se jkunu l-​poplu magħżul, huma xorta stennew individwu wieħed biex jiġi bħala l-​Messija, jew Kristu.—Ġw. 1:25; 7:41, 42; 8:39-41.

X’Tiftakar?

• X’tgħallimt dwar l-​irwol uniku taʼ Ġesù mit-​titli tiegħu? (Ara l-​kaxxa.)

• Kif tistaʼ timita l-​eżempju taʼ l-​Iben uniku taʼ Ġeħova?

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 15]

Xi Titli li Jirriflettu l-​Irwol Uniku taʼ Ġesù fl-​Iskop t’Alla

◼ L-​Iben Uniġenitu. (Ġw. 1:3) Ġesù hu l-​uniku ħolqien dirett taʼ Missieru.

◼ Il-​Kelma. (Ġw. 1:14) Ġeħova juża lil Ibnu bħala kelliemi biex iwassal informazzjoni u istruzzjonijiet lil ħlejjaq oħrajn.

◼ L-​Amen. (Riv. 3:14) Il-​ħajja perfetta taʼ Ġesù fuq l-​art, inkluż il-​mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, ikkonfermat u għamlet possibbli t-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla Ġeħova.

◼ Il-​Medjatur tal-​Patt il-​Ġdid. (1 Tim. 2:5, 6) Bħala Medjatur legali, Ġesù għamel possibbli t-​twelid taʼ ġens ġdid, “l-​Israel t’Alla,” magħmul minn Kristjani li se jifformaw “saċerdozju rjali” fis-​sema.—Gal. 6:16; 1 Pt. 2:9.

◼ Il-​Qassis il-​Kbir. (Ebr. 7:27, 28) Ġesù kien l-​uniku bniedem li kien f’pożizzjoni li joffri sagrifiċċju perfett, wieħed li ma kellux bżonn jiġi ripetut. Hu jistaʼ jnaddafna mid-​dnub u jeħlisna mill-​effetti tiegħu li jġibu l-​mewt.

◼ In-​Nisel Imwiegħed. (Ġen. 3:15) Raġel wieħed biss, Ġesù Kristu, hu l-​parti primarja taʼ dan in-​nisel imbassar. L-​oħrajn kollha li iktar tard isiru l-​parti sekondarja tan-​nisel t’Abraham huma “taʼ Kristu.”—Gal. 3:29.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja