“Uru l-Ospitalità maʼ Xulxin”
FEBE, Kristjana li għexet fl-ewwel seklu, kellha problema. Hi kienet qed tivvjaġġa minn Kenkre, fil-Greċja, lejn Ruma, imma ma kinitx taf lil sħabha l-Kristjani f’dik il-belt. (Rumani 16:1, 2) “Id-dinja Rumana [taʼ dak iż-żmien] kienet ħażina u kiefra,” jgħid traduttur tal-Bibbja bl-isem taʼ Edgar Goodspeed, “u l-lukandi kellhom fama ħażina u wisq probabbli ma kinux post addattat għal mara serja, speċjalment għal mara Kristjana.” Allura fejn kienet se toqgħod Febe?
In-nies kienu jivvjaġġaw distanzi twal fi żminijiet Bibliċi. Ġesù Kristu u d-dixxipli tiegħu għamlu dan biex jippridkaw l-aħbar tajba fil-Lhudija u l-Galilija. Ftit wara, missjunarji Kristjani bħal Pawlu kienu qed jieħdu l-messaġġ lejn diversi partijiet tal-Mediterran, inkluż Ruma, il-kapitali taʼ l-Imperu Ruman. Meta l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu jivvjaġġaw, kemm jekk ġewwa jew barra t-territorju Lhudi, fejn kienu joqogħdu? X’diffikultajiet iffaċċjaw meta kienu jfittxu l-akkomodazzjoni? X’nistgħu nitgħallmu minnhom dwar li nuru l-ospitalità?
“Illum Irrid Noqgħod f’Darek”
L-ospitalità hija spjegata bħala “li tilqaʼ lill-mistidnin b’mod ġeneruż u kordjali,” u din ilha tispikka bħala karatteristika fl-aduraturi veri taʼ Ġeħova. Per eżempju, Abraham, Lot, u Rebekka wrew din l-ospitalità. (Ġenesi 18:1-8; 19:1-3; 24:17-20) Meta tkellem dwar l-attitudni tiegħu lejn il-barranin, il-patrijarka Ġob qal: “L-ebda frustier ma ħallejt jgħaddi l-lejl barra, dari ftaħtha lill-vjaġġatur.”—Ġob 31:32.
Biex il-vjaġġaturi jintlaqgħu b’mod ospitabbli minn sħabhom l-Iżraelin, spiss kien biżżejjed li joqogħdu bil-qiegħda fil-pjazza pubblika tal-belt u jistennew li xi ħadd jistidinhom. (Mħallfin 19:15-21) Dawk li kienu jilqgħu lill-mistidnin ġeneralment kienu jaħslulhom saqajhom u joffrulhom xi ħaġa taʼ l-ikel jew xarba, u anki kienu jagħlfulhom l-annimali. (Ġenesi 18:4, 5; 19:2; 24:32, 33) Il-vjaġġaturi li ma xtaqux ikunu taʼ piż għal dawk li jżommuhom kienu jġorru magħhom il-provvedimenti meħtieġa—ħobż u nbid għalihom u tiben u għalf għall-ħmir tagħhom. Huma kienu jeħtieġu biss kenn għal-lejl.
Għalkemm il-Bibbja rari tispeċifika kif Ġesù kien isib fejn joqgħod waqt il-vjaġġi tiegħu taʼ l-ippridkar, hu u d-dixxipli tiegħu bilfors riedu jorqdu xi mkien. (Luqa 9:58) Waqt żjara f’Ġeriko, Ġesù sempliċement qal lil Żakkew: “Illum irrid noqgħod f’darek.” Żakkew laqaʼ lill-mistieden tiegħu “bil-ferħ.” (Luqa 19:5, 6) Ġesù spiss kien mistieden għand sħabu Marta, Marija, u Lazzru f’Betanja. (Luqa 10:38; Ġwanni 11:1, 5, 18) U milli jidher f’Kafarnahum, Ġesù qagħad maʼ Xmun Pietru.—Marku 1:21, 29-35.
L-istruzzjoni taʼ Ġesù fil-ministeru lit-12-il appostlu tiegħu tgħidilna ħafna dwar kif setgħu jistennew li se jintlaqgħu f’Iżrael. Ġesù qalilhom: “Tiħdux flus tad-deheb jew tal-fidda jew tar-ram fil-but taʼ ħżiemkom, jew ħorġa taʼ l-ikel għall-vjaġġ, jew żewġ ilbiesi, jew sandli jew bastun; għax il-ħaddiem jistħoqqlu ħobżu. F’kull belt jew raħal li tidħlu, fittxu lil min jistħoqqlu, u ibqgħu hemmhekk sakemm titilqu.” (Mattew 10:9-11) Hu kien jaf li individwi b’qalb tajba kienu se jilqgħu lid-dixxipli tiegħu u jipprovdulhom x’jieklu, fejn joqogħdu, u bżonnijiet oħra.
Madankollu, kien ġej żmien meta l-evanġelizzaturi li jivvjaġġaw kien se jkollhom jipprovdu għalihom infushom u jħallsu għall-ispejjeż tagħhom stess. Minħabba l-oppożizzjoni li kienet ġejja fuq is-segwaċi tiegħu u t-tkabbir tax-xogħol taʼ l-ippridkar fit-territorji barra minn Iżrael, Ġesù qal: “Min għandu borża tal-flus ħa jiħodha miegħu, u l-istess il-ħorġa taʼ l-ikel.” (Luqa 22:36) Sabiex tinfirex l-aħbar tajba ma setgħux jgħaddu mingħajr ma jivvjaġġaw u jsibu xi mkien fejn joqogħdu.
“Uru Dejjem l-Ospitalità”
In-nuqqas taʼ gwerer u s-sistema taʼ toroq eċċellenti li kien hemm madwar l-Imperu Ruman fl-ewwel seklu rriżultaw f’soċjetà li tivvjaġġa spiss.a Minħabba l-għadd kbir taʼ vjaġġaturi kien hemm bżonn kbir taʼ postijiet fejn joqogħdu. Minħabba dan il-bżonn, fit-toroq prinċipali nfetħu lukandi li kien hemm distanza taʼ ġurnata bejniethom. Però, The Book of Acts in Its Graeco-Roman Setting jgħid: “Dak li nafu dwar dawn il-faċilitajiet mil-letteratura jagħtina stampa tassew kerha. Is-sorsi letterarji u arkeoloġiċi li huma disponibbli ġeneralment jitkellmu dwar faċilitajiet imġarrfa u maħmuġin, kważi bla ebda għamara u tagħmir ieħor, baqq fis-sodod, ikel u xorb ħażin, sidien u ħaddiema li ma tistax tafdahom, klijenti taʼ fama ħażina, u morali ġeneralment baxxi.” Mela nistgħu nifhmu għala vjaġġatur taʼ morali għoljin kulmeta possibbli kien se jevita li joqgħod f’lukandi bħal dawn.
Mela, mhux taʼ b’xejn li l-Iskrittura kontinwament tħeġġeġ lill-Kristjani biex juru l-ospitalità m’oħrajn. Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani f’Ruma: “Aqsmu milli għandkom mal-qaddisin skond il-ħtiġijiet tagħhom. Uru dejjem l-ospitalità.” (Rumani 12:13) Hu fakkar lill-Kristjani Lhud: “Tinsewx l-ospitalità, għax permezz tagħha xi wħud, bla ma kienu jafu, laqgħu għandhom lill-anġli.” (Ebrej 13:2) Pietru ħeġġeġ lill-aduraturi sħabu biex ‘juru l-ospitalità maʼ xulxin mingħajr tgergir.’—1 Pietru 4:9.
Madankollu, kien hemm sitwazzjonijiet fejn ma kienx se jkun xieraq li tintwera ospitalità. Dwar “kulmin imur iktar ’il quddiem u ma jibqax fit-tagħlim tal-Kristu” l-appostlu Ġwanni qal: “Tilqgħuh qatt fi djarkom u ssellmulux. Għax min isellimlu jieħu sehem fl-għemejjel mill-agħar tiegħu.” (2 Ġwanni 9-11) Dwar uħud midinba li ma juru l-ebda ndiema, Pawlu kiteb: “Tibqgħux tagħmluha maʼ min jissejjaħ ħu iżda jkun żieni jew rgħib jew idolatra jew żeblieħi jew sakranazz jew imbroljun; lanqas biss għandkom tieklu maʼ bniedem bħal dan.”—1 Korintin 5:11.
Impusturi u oħrajn għandhom mnejn ipprovaw jisfruttaw il-qalb tajba tal-Kristjani veri. Dokument tat-tieni seklu E.K. li jitkellem dwar twemmin Kristjan imma li mhux parti mill-Bibbja, magħruf bħala The Didache jew Teaching of the Twelve Apostles (Tagħlim tat-Tnax-il Appostlu) jirrikkmanda li predikatur li jkun qed jivvjaġġa jiġi milqugħ “għal jum wieħed, jew jekk hemm bżonn għat-tieni jum ukoll.” Wara dan, meta jerġaʼ jintbagħat fi triqtu, “ħalli ma jaċċetta xejn ħlief ħobż . . . Jekk jitlob il-flus, hu profeta falz.” Id-dokument ikompli: “Jekk irid jibqaʼ fostkom u għandu xi sengħa, ħalluh jaħdem għal ħobżu. Imma jekk m’għandu l-ebda sengħa ipprovdu għalih skond il-fehma tagħkom, ħalli ebda bniedem ma jgħixx fostkom fl-għażż minħabba li hu Kristjan. Imma jekk ma jagħmilx dan, hu qed jinnegozja bi Kristu; oqogħdu attenti minn xi ħadd bħal dan.”
L-appostlu Pawlu kien attent li ma jgħabbix b’piż finanzjarju kbir lil dawk li jilqgħuh matul iż-żjajjar fit-tul li kien jagħmel f’ċerti bliet. Hu kien jaħdem it-tined biex imantni lilu nnifsu. (Atti 18:1-3; 2 Tessalonikin 3:7-12) Biex jgħinu lil vjaġġaturi li jixirqilhom, il-Kristjani tal-bidu milli jidher użaw l-ittri taʼ rakkomandazzjoni, bħall-mod kif Pawlu introduċa lil Febe. Pawlu kiteb: “Nirrikkmandalkom lil oħtna Febe . . . sabiex tilqgħuha fil-Mulej . . . u sabiex tgħinuha f’kulma jistaʼ jkollha bżonnkom.”—Ruman 16:1, 2.
Barkiet mill-Ospitalità li Nuru
Il-missjunarji Kristjani taʼ l-ewwel seklu fdaw f’Ġeħova biex jipprovdilhom il-bżonnijiet kollha tagħhom. Imma setgħu jistennew li jgawdu l-ospitalità taʼ sħabhom fit-twemmin? Lidja fetħet darha għal Pawlu u oħrajn. L-appostlu qagħad m’Akwila u Prixxilla f’Korintu. Kalzrier ġo Filippi ħejja mejda quddiem Pawlu u Sila. Pawlu ntlaqaʼ b’mod ospitabbli minn Ġason f’Tessalonika, minn Filippu f’Ċesarija, u minn Mnason fi triqtu minn Ċesarija għal Ġerusalemm. Fi triqtu lejn Ruma, Pawlu nżamm għand xi aħwa f’Putijoli. Min jaf kemm dawn kienu okkażjonijiet premjanti b’mod spiritwali għal dawk li laqgħuh f’darhom!—Atti 16:33, 34; 17:7; 18:1-3; 21:8, 16; 28:13, 14.
L-istudjuż Frederick F. Bruce josserva: “Dawn il-ħbieb u ħaddiema sħabu, irġiel u nisa li laqgħuh f’darhom, ma kellhom ebda motiv ieħor biex jgħinuh għajr l-imħabba li kellhom għal Pawlu u l-imħabba għas-Sid li lilu kien jaqdi. Huma kienu jafu li meta jaqdu lil wieħed kienu wkoll qed jaqdu lill-ieħor.” Din hi motivazzjoni eċċellenti biex wieħed ikun ospitabbli.
Illum, għad hemm il-bżonn li nkunu ospitabbli. Eluf taʼ rappreżentanti li jivvjaġġaw tax-Xhieda taʼ Ġeħova jiġu milqugħin b’mod ospitabbli minn sħabhom fit-twemmin. Xi proklamaturi tas-Saltna jivvjaġġaw bi spejjeż tagħhom biex jippridkaw f’postijiet li rari jintlaħqu bl-aħbar tajba. Hemm benefiċċji kbar meta niftħu darna, hi kemm hi sempliċi, għal uħud bħal dawn. Ospitalità mill-qalb li tistaʼ tinkludi xejn iktar minn ikla sempliċi tistaʼ toffri opportunitajiet eċċellenti biex “ninkuraġġixxu lil xulxin” u biex nuru l-imħabba li għandna għal ħutna u għal Alla tagħna. (Rumani 1:11, 12) Dawn l-okkażjonijiet huma speċjalment premjanti għal dawk li jilqgħu lil oħrajn, għaliex “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.
[Nota taʼ taħt]
a Huwa stmat li sas-sena 100 E.K., kien hemm xi 80,000 kilometri taʼ toroq imħejjijin mir-Rumani.
[Stampa f’paġna 23]
Il-Kristjani ‘juru dejjem l-ospitalità’