Mattew
11 Issa, meta temm jagħti l-istruzzjonijiet lit-tnax-il dixxiplu tiegħu, Ġesù telaq minn hemmhekk biex jgħallem u jippriedka fil-bliet tagħhom.+
2 Imma Ġwanni, peress li semaʼ mill-ħabs+ dwar l-għemejjel tal-Kristu, bagħat jgħidlu mad-dixxipli tiegħu: 3 “Int Dak li għandu jiġi, jew għandna nistennew lil ħaddieħor?”+ 4 Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru u għidu lil Ġwanni dak li qed tisimgħu u taraw: 5 L-għomja qed jaraw,+ iz-zopop+ qed jimxu, l-imġiddmin+ qed jiġu mnaddfin, u t-torox+ qed jisimgħu, il-mejtin+ qed jitqajmu, u lill-foqra qed tixxandrilhom l-aħbar tajba;+ 6 u hieni min ma jitfixkilx minħabba fija.”+
7 Waqt li dawn kienu fi triqithom, Ġesù beda jgħid lill-folol rigward Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fix-xagħri?+ Qasba tixxejjer mar-riħ?+ 8 Mela, xi ħriġtu taraw? Raġel liebes ilbies fin? Tabilħaqq, dawk lebsin ilbies fin qegħdin fid-djar tas-slaten.+ 9 Allura għala ħriġtu? Biex taraw profeta? Iva, ngħidilkom, u ferm iktar minn profeta.+ 10 Dan hu li dwaru hu miktub, ‘Ara! Qed nibgħat lill-messaġġier tiegħi quddiemek, u dan iħejji triqtek qablek!’+ 11 Tassew ngħidilkom, Fost dawk li twieldu min-nisa+ ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista; imma min hu fost l-iżgħar fis-saltna+ tas-smewwiet hu akbar minnu. 12 Imma minn żmien Ġwanni l-Battista s’issa, is-saltna tas-smewwiet hi l-mira li qed jirsistu għaliha l-bnedmin, u dawk li qed jirsistu qed jilħquha.+ 13 Għax kemm il-Profeti u kemm il-Liġi pprofetizzaw sa Ġwanni;+ 14 u dan hu ‘Elija li għandu jiġi,’+ jekk tridu taċċettaw dan. 15 Min għandu widnejn, ħa jismaʼ.+
16 “ Maʼ min se nqabbilha din il-ġenerazzjoni?+ Tixbah lil tfal żgħar bil-qiegħda fis-swieq li jgħajtu lil sħabhom+ 17 u jgħidulhom, ‘Daqqejnielkom il-flawt, imma ma żfintux; newwaħna, imma ma ħabbattux fuq sidirkom bin-niket.’+ 18 Bl-istess mod, Ġwanni la ġie jiekol u lanqas jixrob,+ u madankollu n-nies jgħidu, ‘Għandu demonju’; 19 Bin il-bniedem ġie jiekol u jixrob,+ u xorta n-nies jgħidu, ‘Ara! Raġel b’kilba għall-ikel u mogħti għall-inbid, ħabib tal-kolletturi tat-taxxi u l-midinbin.’+ Xorta waħda, l-għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.”+
20 Imbagħad beda jċanfar il-bliet li fihom kienu saru l-biċċa l-kbira mill-għemejjel setgħanin tiegħu, għax ma nidmux:+ 21 “Gwaj għalik, Korażin! Gwaj għalik, Betsajda!+ Għax kieku l-għemejjel setgħanin li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku dawn ilhom li nidmu bl-ilbies taʼ l-ixkora u l-irmied.+ 22 Għaldaqstant ngħidilkom, Ikun eħfef għal Tir u Sidon f’Jum il-Ġudizzju+ milli għalikom.+ 23 U int, Kafarnahum,+ taħseb li se titgħolla sas-sema? Fil-Qabar*+ se tinżel,+ għax kieku l-għemejjel setgħanin li saru fik saru f’Sodoma, din kienet tibqaʼ sal-ġurnata taʼ llum. 24 Għaldaqstant ngħidilkom, Ikun eħfef għall-art taʼ Sodoma f’Jum il-Ġudizzju milli għalik.”*+
25 F’dak il-waqt Ġesù qal: “Jien infaħħrek quddiem kulħadd, Missier, Mulej tas-sema u l-art, għax int ħbejt dawn l-affarijiet mill-għorrief u l-intellettwali u kxifthom liċ-ċkejknin.+ 26 Iva, O Missier, għax hekk għoġbok tagħmel. 27 Kollox ngħatali minn Missieri,+ u ħadd ma jaf għalkollox lill-Iben ħlief il-Missier,+ u lanqas ħadd ma jaf għalkollox lill-Missier ħlief l-Iben u kulmin l-Iben lest li jirrivelahulu.+ 28 Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin,+ u jien inserraħkom. 29 Ħudu l-madmad tiegħi+ fuqkom u tgħallmu minni,+ għax jien ġwejjed+ u umli f’qalbi, u intom issibu serħan+ għal ruħkom. 30 Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa.”+