Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi)
1 Din hi r-rivelazzjoni* minn Ġesù Kristu, li tah Alla, biex juri lill-qaddejja tiegħu l-affarijiet li żgur se jiġru dalwaqt. Ġesù bagħat lill-anġlu tiegħu, u ppreżentaha b’mod simboliku lili, il-qaddej t’Alla,* Ġwanni. 2 Jien tajt xhieda dwar il-kelma li ta Alla u dwar il-messaġġ li ta Ġesù Kristu. Iva, jien tajt xhieda dwar l-affarijiet kollha li rajt. 3 Ferħan hu min jaqra b’leħen għoli l-kliem f’din il-profezija u ferħanin huma dawk li jisimgħu u jobdu dak li hemm miktub fiha; għax iż-żmien li ntagħżel minn Alla daqt jasal.
4 Jien Ġwanni qed nikteb lis-sebaʼ kongregazzjonijiet fil-provinċja tal-Asja:
Jalla jkollkom qalb tajba kbira u paċi “mill-Wieħed li jeżisti, li eżista, u li ġej,” mis-sebaʼ spirti li qegħdin quddiem it-tron tiegħu, 5 u minn Ġesù Kristu, li hu “x-Xhud Leali,” “l-ewwel imwieled mill-mewt,” u “l-Mexxej tar-rejiet fuq l-art.”
Ġesù jħobbna u ħelisna mid-dnubiet tagħna permezz tad-demm tiegħu, 6 u għamilna rejiet* u qassisin għal Alla tiegħu li hu Missieru. Għalhekk, Ġesù ħaqqu l-glorja u l-qawwa għal dejjem. Ammen.
7 Hu se jiġi mas-sħab, u kulħadd se jarah, anki dawk li nifduh. In-nies* kollha tal-art se juru li jkunu mdejqin ħafna* minħabba fih. Iva, Ammen.
8 Alla Ġeħova* jgħid, “Jien l-Alfa u l-Omega,* il-Wieħed li jeżisti, li eżista, u li ġej, Dak li Jistaʼ Kollox.”
9 Jien ħukom Ġwanni u għandi sehem magħkom fil-persekuzzjoni, fis-saltna, u f’li nissaporti minħabba li jien dixxiplu taʼ Ġesù. Jien ġejt eżiljat fuq gżira jisimha Patmos talli qed nitkellem dwar Alla u nagħti xhieda dwar Ġesù. 10 Permezz tal-ispirtu qaddis, sibt ruħi f’jum il-Mulej, u minn warajja smajt leħen qawwi bħal dak taʼ trumbetta 11 u qalli: “Ikteb fi skroll dak li tara u ibagħtu lis-sebaʼ kongregazzjonijiet: f’Efesu, fi Żmirna, f’Pergamu, fi Tjatira, f’Sardi, f’Filadelfja, u f’Laodiċija.”
12 Jien dort biex nara min kien qed ikellimni, u meta dort rajt sebaʼ gandlieri tad-deheb, 13 u f’nofs il-gandlieri kien hemm xi ħadd bħal bin il-bniedem, u kien liebes libsa twila sal-għaksa u terħa tad-deheb madwar sidru. 14 Iktar minn hekk, xagħru kien abjad bħas-suf u bħas-silġ, għajnejh kienu bħal fjamma nar, 15 saqajh kienu jleqqu bħal ram mill-aqwa meta jdub fil-forn, u leħnu kien bħall-ħoss taʼ ħafna ilmijiet. 16 F’idu l-leminija kellu sebaʼ stilel, minn ħalqu kellu ħierġa xabla twila li taqtaʼ ħafna miż-żewġ naħat, u wiċċu kien qed jiddi bħax-xemx fl-aqwa tagħha. 17 Meta rajtu, waqajt ħdejn saqajh bħal wieħed mejjet.
U hu qiegħed idu l-leminija fuqi u qalli: “Tibżax. Jien l-Ewwel u l-Aħħar, 18 li kont ħaj u mitt, imma issa ħaj u se ngħix għal dejjem taʼ dejjem, u għandi ċ-ċwievet* tal-mewt u tal-Qabar.* 19 Għalhekk, ikteb dak li rajt, l-affarijiet li qed jiġru issa, u l-affarijiet li se jiġru wara dawn. 20 Is-sebaʼ stilel li rajtli f’idi l-leminija u s-sebaʼ gandlieri tad-deheb huma sigriet qaddis: Is-sebaʼ stilel jirrappreżentaw l-anġli* tas-sebaʼ kongregazzjonijiet, u s-sebaʼ gandlieri jirrappreżentaw is-sebaʼ kongregazzjonijiet.