Lest Int Għal Jum Ġeħova?
“Il-jum il-kbir taʼ Ġeħova fil-qrib. Fil-qrib u qed jgħaġġel ħafna.”—SOFONIJA 1:14, NW.
1-3. (a) Il-Bibbja x’tgħid dwar jum Ġeħova? (b) Liema “jum Ġeħova” se niffaċċjaw?
IL-JUM il-kbir taʼ Ġeħova m’huwiex jum t’24 siegħa imma huwa perijodu mtawwal li matulu jitwettaq ġudizzju divin fuq il-ħżiena. Min ma jaqdix lil Alla għandu għalfejn jibżaʼ minn dak il-jum taʼ dlam, qilla, rabja taħraq, niket, u qerda. (Isaija 13:9; Għamos 5:18-20; Sofonija 1:15) “O x’jum dan,” tgħid il-profezija taʼ Ġoel, “għaliex fil-qrib jum Ġeħova, u jiġi bħal qerda minn Dak li Jistaʼ Kollox!” (Ġoel 1:15, NW) Iżda, f’dak il-jum il-kbir, Alla se jkun is-Salvatur taʼ “min hu qalbu safja.”—Salm 7:11 (7:10, NW).
2 L-espressjoni “jum Ġeħova” (NW) tapplika għat-twettiq taʼ ġudizzju divin fi żminijiet differenti. Per eżempju, “jum Ġeħova” (NW) ġie fuq ir-residenti taʼ Ġerusalemm minn idejn il-Babiloniżi fis-sena 607 Q.E.K. (Sofonija 1:4-7) Twettiq simili taʼ ġudizzju mingħand Alla seħħ fis-sena 70 E.K. meta Alla uża lir-Rumani biex iwettqu l-ġudizzju tiegħu fuq il-ġens Lhudi li kien ċaħad lil Ibnu. (Danjel 9:24-27; Ġwanni 19:15) Il-Bibbja bassret ukoll “jum Ġeħova” (NW) meta hu se ‘jitqabad mal-ġnus kollha.’ (Żakkarija 14:1-3) Taħt ispirazzjoni, l-appostlu Pawlu rabat dak il-jum mal-preżenza taʼ Kristu li bdiet meta Ġesù ngħata t-tron bħala Sultan tas-sema fl-1914. (2 Tessalonikin 2:1, 2) Bil-jum taʼ Ġeħova fuq ix-xefaq, l-iskrittura li ntgħażlet għax-Xhieda taʼ Ġeħova għas-sena 2007 kienet xierqa b’mod speċjali. Meħuda minn Sofonija 1:14 (NW), din tgħid: “Il-jum il-kbir taʼ Ġeħova fil-qrib.”
3 Ladarba l-jum il-kbir taʼ Ġeħova fil-qrib, issa hu l-waqt li turi li int lest. Kif tistaʼ tipprepara għal dan il-jum? Għandek bżonn tieħu xi passi oħrajn biex tħejji ruħek għal jum Ġeħova?
Uri li Int Lest
4. Ġesù għal liema prova ħarxa ħejja ruħu?
4 Fil-profezija tiegħu rigward tmiem is-sistema, Ġesù Kristu qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu lesti.” (Mattew 24:44) Meta Ġesù qal dan il-kliem, hu stess kien lest għal prova ħarxa—il-mewt tiegħu bħala sagrifiċċju taʼ fidwa. (Mattew 20:28) X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Ġesù ħejja ruħu?
5, 6. (a) L-imħabba għal Alla u għall-proxxmu kif tgħinna nkunu preparati għal jum Ġeħova? (b) Rigward l-imħabba għall-proxxmu, Ġesù liema eżempju ħallielna?
5 Ġesù kien iħobb lil Ġeħova u l-livelli ġusti Tiegħu b’qalbu kollha. Dwar Ġesù, Ebrej 1:9 jgħid: “Int ħabbejt il-ġustizzja, u bgħadt il-ksur tal-liġi. Huwa għalhekk li Alla, Alla tiegħek, dilkek biż-żejt tal-ferħ iktar minn sħabek.” Minħabba li kien iħobb lil Missieru tas-sema, Ġesù żamm l-integrità lejh. Jekk ikollna mħabba simili għal Alla u ngħixu fi qbil mal-ħtiġijiet tiegħu, hu jħarisna. (Salm 31:24 [31:23, NW]) Imħabba u ubbidjenza simili se jgħinuna nkunu lesti għall-jum il-kbir taʼ Ġeħova.
6 L-imħabba għan-nies kienet tispikka fil-personalità taʼ Ġesù. Tabilħaqq, hu “tħassarhom, għax kienu maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:36) Għaldaqstant, Ġesù ppriedka l-aħbar tajba lin-nies, sewwasew bħalma l-imħabba tqanqalna biex inxandru l-messaġġ tas-Saltna lil għajrna. L-imħabba għal Alla u għall-proxxmu żżommna attivi bħala ministri Kristjani, u b’hekk tgħinna nippreparaw għall-jum il-kbir taʼ Ġeħova.—Mattew 22:37-39.
7. Kif jistaʼ jkollna l-ferħ waqt li nistennew jum Ġeħova?
7 Ġesù kien jitgħaxxaq jagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova. (Salm 40:9 [40:8, NW]) Jekk ikollna l-istess attitudni, se nieħdu pjaċir nagħtu servizz sagru lil Alla. Bħal Ġesù, se nkunu ġenerużi bla ma nistennew xejn lura, u dan se jagħmilna tassew henjin. (Atti 20:35) Iva, ‘il-ferħ tal-Mulej hu l-qawwa tagħna.’ B’dan il-ferħ se nkunu mħejjijin aħjar għall-jum il-kbir t’Alla.—Neħemija 8:10.
8. Għala għandna nersqu iktar qrib lejn Ġeħova permezz tat-talb?
8 Talb ħerqan lil Alla għen lil Ġesù biex iħejji ruħu għall-provi tal-fidi. Hu kien qed jitlob meta Ġwanni għammdu. Ġesù qattaʼ lejl sħiħ jitlob qabel ma għażel lill-appostli tiegħu. (Luqa 6:12-16) U liema qarrej tal-Bibbja ma jibqax impressjonat b’kemm Ġesù talab mill-qalb fl-aħħar lejl taʼ ħajtu fuq l-art? (Marku 14:32-42; Ġwanni 17:1-26) Int persuna li tħobb titlob bħalma kien Ġesù? Ersaq spiss lejn Ġeħova, qattaʼ ammont konsiderevoli taʼ ħin fit-talb, fittex id-direzzjoni taʼ l-ispirtu qaddis, u aċċetta malajr dik id-direzzjoni meta ssir evidenti. Relazzjoni qawwija maʼ Missierna tas-sema hija vitali f’dan iż-żmien kritiku meta l-jum il-kbir t’Alla qed joqrob bil-ħeffa. Għaldaqstant, ersaq dejjem iktar qrib lejn Ġeħova permezz tat-talb.—Ġakbu 4:8.
9. Kemm hu importanti li nkunu konċernati dwar it-taqdis taʼ isem Ġeħova?
9 Il-fatt li Ġesù kien konċernat dwar it-taqdis taʼ l-isem qaddis taʼ Ġeħova wkoll għenu biex ikun preparat għall-provi li kellu jiffaċċja. Tant hu hekk li hu għallem lis-segwaċi tiegħu biex fit-talb tagħhom lil Alla jinkludu l-petizzjoni: “Ħa jitqaddes ismek.” (Mattew. 6:9) Jekk verament nixtiequ li isem Ġeħova jitqaddes, jew li jkun kunsidrat bħala sagru, se nistinkaw biex ma nagħmlu xejn li jistaʼ jġib tmaqdir fuqu. B’dan il-mod, se nkunu mħejjijin aħjar għall-jum il-kbir taʼ Ġeħova.
Għandek Xi Bidliet X’Tagħmel?
10. Għala hu xieraq li neżaminaw ħajjitna?
10 Jekk jum Ġeħova jiġi għada, tkun int tassew lest għalih? Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jeżamina lilu nnifsu biex jara jekk għandux bżonn jaġġusta xi azzjonijiet jew attitudnijiet f’ħajtu. Meta nqisu kemm hi qasira u inċerta l-ħajja umana preżenti, ilkoll kemm aħna għandna nkunu attenti spiritwalment kuljum. (Koħèlet 9:11, 12; Ġakbu 4:13-15) Mela ejja nikkunsidraw xi fatturi f’ħajjitna li forsi jirrikjedu attenzjoni.
11. X’mira għandek rigward il-qari tal-Bibbja?
11 Fattur ewlieni hu dak li dwaru jwissina “l-ilsir leali,” li naqraw il-Bibbja kuljum. (Mattew 24:45) Int tistaʼ tagħmilha l-mira tiegħek li kull sena taqra l-Iskrittura minn Ġenesi sa Rivelazzjoni u tirrifletti fuq dak li taqra. Jekk taqra madwar erbaʼ kapitli kuljum, f’sena tistaʼ taqra l-1,189 kapitlu li hemm fil-Bibbja. Kull sultan taʼ Iżrael kellu jaqra l-Liġi taʼ Ġeħova “l-jiem kollha taʼ ħajtu.” Milli jidher, Ġożwè hekk kien jagħmel. (Dewteronomju 17:14-20; Ġożwè 1:7, 8) Hu tassew importanti li r-rgħajja spiritwali jaqraw il-Kelma t’Alla kuljum, għax dan jgħinhom jgħallmu “tagħlim mimli saħħa”!—Titu 2:1.
12. Il-fatt li jum Ġeħova hu tant qrib għal xiex għandu jqanqlek?
12 Il-fatt li jum Ġeħova hu tant qrib għandu jqanqlek biex tattendi l-laqgħat Kristjani regolarment u tipparteċipa bis-sħiħ fihom kemm tistaʼ. (Ebrej 10:24, 25) Jekk tagħmel hekk tkun qed ittejjeb l-abbiltajiet tiegħek bħala proklamatur tas-Saltna li qed ifittex biex isib u jgħin lil dawk li għandhom attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem. (Atti 13:48) Forsi tistaʼ tkun iktar attiv fil-kongregazzjoni b’modi oħrajn ukoll, bħal per eżempju billi tgħin lill-aħwa mdaħħlin fiż-żmien u tinkuraġġixxi liż-żgħażagħ. Kemm jistgħu jagħtuk sodisfazzjon dawn l-attivitajiet!
Ir-Relazzjoni Tiegħek m’Oħrajn
13. Liema mistoqsijiet nistgħu nagħmlu lilna nfusna dwar li nilbsu l-personalità l-ġdida?
13 Ladarba jum Ġeħova qiegħed fuq l-għatba, għandek int bżonn tagħmel sforzi akbar biex ‘tilbes il-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera’? (Efesin 4:20-24) Hekk kif tikkultiva kwalitajiet bħal t’Alla, oħrajn x’aktarx li se jinnotaw li int ‘qed timxi bl-ispirtu t’Alla’ u qed turi l-frott tiegħu. (Galatin 5:16, 22-25) Tistaʼ tindika xi azzjonijiet speċifiċi li juru li int u l-familja tiegħek ilbistu l-personalità l-ġdida? (Kolossin 3:9, 10) Per eżempju, magħruf int bħala wieħed li juri qalb tajba lejn sħabek fit-twemmin u oħrajn? (Galatin 6:10) Studju regulari taʼ l-Iskrittura se jgħinek biex tiżviluppa kwalitajiet bħal t’Alla li jippreparawk għal jum Ġeħova.
14. Wieħed għala għandu jitlob għall-ispirtu qaddis waqt li jaħdem biex jikkultiva r-rażna?
14 Xi ngħidu jekk jitlagħlek malajr u tirrealizza li għandek bżonn taʼ iżjed rażna? Din il-kwalità hija parti mill-frott li l-ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinek tipproduċi fik. Għalhekk, itlob għall-ispirtu qaddis, fi qbil mal-kliem taʼ Ġesù: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom. . . . Jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-Missier li hu fis-sema jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!”—Luqa 11:9-13.
15. X’għandu jsir jekk hemm xi tensjoni fir-relazzjoni tiegħek maʼ xi ħadd taʼ l-istess twemmin?
15 Nassumu li hemm xi tensjoni fir-relazzjoni tiegħek maʼ xi ħadd taʼ l-istess twemmin. F’każ bħal dan, agħmel kull sforz biex tirranġa s-sitwazzjoni, u b’hekk ittejjeb il-paċi u l-unità tal-kongregazzjoni. (Salm 133:1-3) Applika l-pariri taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 5:23, 24 u f’Mattew 18:15-17. Jekk kont qed tħalli x-xemx tinżel waqt li tkun għadek inkorlat, fittex irranġa s-sitwazzjoni. Spiss kulma jkun hemm bżonn hija r-rieda li taħfer. Pawlu kiteb: “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-qalb bħalma Alla wkoll ħafrilkom mill-qalb bi Kristu.”—Efesin 4:25, 26, 32.
16. Il-mogħdrija kif inhi meħtieġa fiż-żwieġ?
16 Ir-relazzjoni taż-żwieġ tirrikjedi li l-imseħbin juru mogħdrija b’tenerezza u, xi drabi, anki maħfra. Jekk għandek bżonn turi iktar imħabba u mogħdrija lejn is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek, stinka biex tkun tistaʼ tagħmel dan bl-għajnuna t’Alla u tal-Kelma tiegħu. Hemm xi ħaġa li int tistaʼ tagħmel biex taġixxi fi qbil maʼ l-1 Korintin 7:1-5 sabiex tnaqqas it-tensjoni u tevita n-nuqqas taʼ fedeltà? Ċertament li dan hu aspett tal-ħajja li jirrikjedi ‘mogħdrija b’tenerezza’ min-naħa kemm tar-raġel u kemm tal-mara.
17. X’passi jridu jittieħdu jekk wieħed jidneb serjament?
17 Xi ngħidu jekk b’xi mod dnibt serjament? Ħu passi biex tirranġa s-sitwazzjoni malajr kemm jistaʼ jkun. Kun ċert li tfittex l-għajnuna taʼ l-anzjani Kristjani. It-talb u l-pariri tagħhom se jgħinuk terġaʼ tikseb is-saħħa spiritwali. (Ġakbu 5:13-16) Itlob lil Ġeħova b’attitudni taʼ ndiema. Jekk tonqos li tagħmel hekk, se tibqaʼ tħoss sens taʼ ħtija u l-kuxjenza tibqaʼ tħabbtek. David kellu din l-esperjenza, imma kemm ħassu aħjar meta kiseb serħan wara li stqarr dnubu lil Ġeħova! David kiteb: “Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura, li għandu d-dnub tiegħu mistur! Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej, u ma għandu ebda qerq f’qalbu!” (Salm 32:2-5 [32:1-5, NW]) Ġeħova jaħfer lil dawk li jidinbu imma li jindmu ġenwinament.—Salm 103:8-14; Proverbji 28:13.
Ibqaʼ Separat mid-Dinja
18. Kif għandek tħares lejn id-dinja?
18 Bla dubju, int tħares ’il quddiem lejn id-dinja l-ġdida meraviljuża mwiegħda minn Missierna tas-sema. Allura kif tħares lejn id-dinja taʼ soċjetà umana mbiegħda minn Alla u mis-sewwa? Satana, “il-ħakkiem tad-dinja,” ma kellu ebda setgħa fuq Ġesù Kristu. (Ġwanni 12:31; 14:30) Żgur li int ma tridx li Satana u d-dinja tiegħu jkollhom setgħa fuqek. Għalhekk agħti kas il-kliem taʼ l-appostlu Ġwanni: “Tħobbux id-dinja u lanqas dak li hemm fid-dinja.” Din hi t-triq għaqlija, għax “id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwanni 2:15-17.
19. Iż-żgħażagħ Kristjani x’tip taʼ miri huma mħeġġin li jkollhom?
19 Qiegħed int tgħin lil uliedek biex ‘iżommu ruħhom mingħajr tebgħa mid-dinja’? (Ġakbu 1:27) Ix-Xitan jixtieq jiġbed lil uliedek biex jaqbadhom bħalma sajjied jaqbad il-ħut billi jiġbidhom b’qasba tar-rukkell. Diversi għaqdiet u organizzazzjonijiet għandhom l-iskop li jġiegħlu liż-żgħażagħ jadattaw ruħhom fid-dinja taʼ Satana. Iżda l-qaddejja taʼ Ġeħova diġà jifformaw parti mill-unika organizzazzjoni li se tibqaʼ teżisti meta tintemm din is-sistema mill-agħar. Għalhekk, iż-żgħażagħ Kristjani għandhom jiġu inkuraġġiti biex ikollhom ‘ħafna x’jagħmlu fix-xogħol tal-Mulej.’ (1 Korintin 15:58) Ġenituri li jridu jogħġbu lil Alla għandhom jgħinu lil uliedhom biex jistabbilixxu miri li jagħtuhom ħajja hienja u sodisfaċenti, li tonora lil Alla, u li tgħinhom jippreparaw għal jum Ġeħova.
Aħseb f’Dak li Se Jiġri Wara l-Jum il-Kbir taʼ Ġeħova
20. Għala għandna nżommu l-ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejna?
20 Jekk iżżomm il-ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejk, tkun tistaʼ tistenna jum Ġeħova b’mod trankwill. (Ġuda 20, 21) Int tħares ’il quddiem lejn ħajja eterna fil-Ġenna taʼ l-art, u b’hekk għandek it-tama li terġaʼ tikseb il-vitalità taż-żgħożija u jkollok ħin bla limitu biex tilħaq miri pożittivi u titgħallem iktar dwar Ġeħova. Fil-fatt, tistaʼ tibqaʼ titgħallem dwar Alla għal dejjem għax il-bnedmin issa jafu biss l-“intietef taʼ qawwietu.” (Ġob 26:14) X’tama eċċitanti għall-ġejjieni!
21, 22. Liema informazzjoni se tkunu tistgħu taqsmu bejnietkom int u wħud irxoxtati?
21 Fil-Ġenna taʼ l-art, dawk li jiġu rxoxtati se jkunu jistgħu jipprovdulna dettalji li ma nafuhomx dwar il-passat. Ħenok se jkun hemm biex jispjegalna kif kellu l-kuraġġ meħtieġ biex jiddikjara l-messaġġ taʼ Ġeħova lil nies bla devozzjoni lejn Alla. (Ġuda 14, 15) Noè żgur li se jirrakkonta kif ħassu meta ġie biex jibni l-arka. Abraham u Sara se jkunu jistgħu jgħidulna kif ħassewhom meta telqu l-ħajja komda li kellhom f’Ur biex jgħixu fit-tined. Aħseb dwar Ester li se tipprovdilna dettalji dwar kif iddefendiet l-interessi tal-poplu tagħha u kixfet il-konfoffa taʼ Ħaman kontrihom. (Ester 7:1-6) Immaġina lil Ġona li se jgħidilna dwar it-tlett ijiem li qattaʼ f’żaqq il-ħuta kbira jew lil Ġwanni l-Għammied hekk kif jiddeskrivi kif ħassu meta għammed lil Ġesù. (Luqa 3:21, 22; 7:28) Kemm se nitgħallmu affarijiet interessanti!
22 Matul ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu, forsi tkun privileġġat li tgħin lil uħud irxoxtati biex jiksbu “t-tagħrif taʼ Alla.” (Proverbji 2:1-6) Illum, tassew nieħdu pjaċir naraw nies jieħdu għarfien dwar Alla Ġeħova u jaġixxu fi qbil miegħu! Imma aħseb dwar il-ferħ li se tħoss fil-futur meta Ġeħova jbierek l-isforzi tiegħek hekk kif tgħallem nies li kienu jgħixu żmien twil ilu u huma jaġixxu bi qlub mimlijin apprezzament!
23. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?
23 M’huwiex possibbli għalina bħala bnedmin imperfetti li jirnexxilna nsemmu jew nikkalkulaw il-benefiċċji kollha li ngawdu issa bħala l-poplu taʼ Ġeħova. (Salm 40:6 [40:5, NW]) B’mod partikulari, aħna grati ferm għall-provvedimenti spiritwali t’Alla. (Isaija 48:17, 18) Minkejja ċ-ċirkustanzi tagħna, ejja nagħtu servizz sagru b’qalbna kollha waqt li nistennew il-jum il-kbir taʼ Ġeħova.
Int Kif Twieġeb?
• X’inhu “l-jum taʼ Ġeħova”?
• Kif tistaʼ turi li int lest għal jum Ġeħova?
• Bil-jum il-kbir t’Alla tant qrib, liema bidliet forsi għandna bżonn nagħmlu?
• Lejn liema affarijiet tħares ’il quddiem meta jkun għadda jum Ġeħova?
[Stampa f’paġna 12]
Ġesù wera li kien lest għall-provi
[Stampa f’paġna 15]
Xi privileġġ se jkun li ngħinu lil uħud irxoxtati biex jiksbu għarfien dwar Ġeħova!