LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 10/1 pp. 26-31
  • Nappoġġjaw Lealment il-Kelma Mnebbħa T’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nappoġġjaw Lealment il-Kelma Mnebbħa T’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xi Ġralu L-​Isem T’Alla?
  • Meta Twemmin Persunali Jsawwar It-​Traduzzjoni
  • Appoġġja Lealment Il-​Kelma T’Alla
  • Traduzzjoni tal-Bibbja li hi faċli biex tinftiehem u li hi taʼ benefiċċju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Ġrajja Sinjifikanti Għal Dawk Li Jħobbu l-Kelma t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Kif Tistaʼ Tagħżel Traduzzjoni Tajba tal-Bibbja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • In-New World Translation Apprezzata minn Miljuni fid-Dinja Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 10/1 pp. 26-31

Nappoġġjaw Lealment il-​Kelma Mnebbħa T’Alla

“[I]nwarrbu kull ħabi u għajb; u la nimxu bil-​qerq u lanqas ngħawwġu l-​Kelma taʼ Alla.”—2 KORINTIN 4:2.

1. (a) X’kien meħtieġ sabiex jitwettaq ix-​xogħol imsemmi f’Mattew 24:14 u 28:19, 20? (b) Il-​Bibbja sa liema punt kienet disponibbli fil-​lingwi tan-​nies meta bdew l-​aħħar jiem?

FIL-​PROFEZIJA kbira tiegħu rigward iż-​żmien tal-​preżenza rjali tiegħu u tal-​konklużjoni tas-​sistema l-​qadima t’affarijiet, Ġesù Kristu bassar: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.” Hu istruwixxa wkoll lis-​segwaċi tiegħu: “Agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, . . . u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 24:14; 28:19, 20) It-​twettiq taʼ dawk il-​profeziji jinvolvi ħafna xogħol fit-​traduzzjoni u l-​istampar tal-​Bibbja, f’li n-​nies jitgħallmu dak li tfisser, u f’li jiġu megħjunin biex japplikawha fil-​ħajja tagħhom. Xi privileġġ li wieħed jieħu sehem f’attività bħal din! Sa l-​1914 il-​Bibbja jew ftit partijiet minnha kienet diġà ġiet ippubblikata f’570 lingwa. Imma minn dak inhar ’l hawn mijiet taʼ lingwi oħra u ħafna djaletti ġew miżjudin, u f’ħafna lingwi saret disponibbli f’iktar minn traduzzjoni waħda.a

2. Liema motivi varjati influwenzaw ix-​xogħol taʼ xi tradutturi u pubblikaturi tal-​Bibbja?

2 Hija sfida għal kwalunkwe traduttur li jaqbad materjal minn lingwa waħda u jagħmlu jiftiehem għal dawk li jaqraw u jisimgħu lingwa oħra. Xi tradutturi tal-​Bibbja għamlu xogħolhom billi kienu konxji sew li dak li kienu qegħdin jittraduċu kien il-​Kelma t’Alla. Oħrajn kienu sempliċement affaxxinati mill-​isfida skolastika tal-​proġett. Huma għandhom mnejn li qiesu l-​kontenut tal-​Bibbja sempliċement bħala wirt kulturali imprezzabbli. Għal xi wħud, ir-​reliġjon hija n-​negozju tagħhom, u li jippubblikaw ktieb li jġib isimhom bħala traduttur jew pubblikatur huwa parti minn kif huma jaqilgħu l-​għajxien. Il-​motivi tagħhom ovvjament jinfluwenzaw il-​mod taʼ kif jagħmlu xogħolhom.

3. Il-​kumitat tan-​New World Bible Translation kif qiesu x-​xogħol tiegħu?

3 Taʼ min jinnotaha din l-​istqarrija magħmula mill-​Kumitat tan-​New World Bible Translation: “Li wieħed jittraduċi l-​Iskrittura Mqaddsa jfisser li jpoġġi l-​ħsibijiet u l-​qwiel t’Alla Jehovah f’lingwa oħra . . . Dak huwa ħsieb li tant iqawwilek qalbek. It-​tradutturi taʼ dan ix-​xogħol, li jibżgħu minn u jħobbu l-​Awtur Divin taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa, iħossu responsabbiltà speċjali Lejh biex jittrasmettu l-​ħsibijiet u d-​dikjarazzjonijiet tiegħu eżatt kemm jistaʼ jkun. Huma jħossu wkoll responsabbiltà lejn il-​qarrejja li jfittxu bir-​reqqa u li jiddependu fuq traduzzjoni tal-​Kelma mnebbħa taʼ dak Alla l-​Iktar Għoli għas-​salvazzjoni eterna tagħhom. Kien f’dan is-​sens taʼ responsabbiltà solenni li matul il-​medda taʼ ħafna snin dan il-​kumitat taʼ rġiel dedikati pproduċa n-​New World Translation of the Holy Scriptures.” Il-​mira tal-​kumitat kienet li jkollu traduzzjoni tal-​Bibbja li kellha tkun ċara u li tiftiehem u li tant iżżomm qrib maʼ l-​Ebrajk u l-​Grieg oriġinali li kienet se tipprovdi pedament għal tkabbir kontinwu fl-​għarfien eżatt.

Xi Ġralu L-​Isem T’Alla?

4. Kemm huwa importanti l-​isem t’Alla fil-​Bibbja?

4 Wieħed mill-​objettivi prinċipali tal-​Bibbja huwa li tgħin lin-​nies isiru jafu lil dak Alla veru. (Eżodu 20:2-7; 34:1-7; Isaija 52:6) Ġesù Kristu għallem lis-​segwaċi tiegħu jitolbu li “jitqaddes” l-​isem taʼ Missieru, li jinżamm sagru, jew li jiġi ttrattat bħala qaddis. (Mattew 6:9) Alla ġagħal li l-​isem persunali tiegħu jkun inkluż fil-​Bibbja iktar minn 7,000 darba. Irid li n-​nies ikunu jafu dak l-​isem u l-​kwalitajiet taʼ Dak li jġorr dak l-​isem.—Malakija 1:11.

5. Diversi tradutturi kif ippreżentawh l-​isem divin?

5 Ħafna tradutturi tal-​Bibbja wrew rispett sinċier lejn l-​isem divin u wżawh b’mod konsistenti fix-​xogħol tagħhom. Xi tradutturi jiffavorixxu Jaħweh. Oħrajn għażlu forma taʼ l-​isem divin li hija addattata għal-​lingwa tagħhom stess waqt li xorta waħda jkun identifikat b’mod ċar maʼ dak li jidher fit-​test Ebrajk, possibbilment forma li hija magħrufa sew minħabba li ilha tintuża. In-​New World Translation of the Holy Scriptures tuża l-​isem Jehovah 7,210 darba fit-​test prinċipali tagħha.

6. (a) Fi snin riċenti, x’għamlu xi tradutturi bir-​referenzi għall-​isem divin? (b) Kemm hija mifruxa din id-​drawwa?

6 Fis-​snin riċenti, għalkemm it-​tradutturi tal-​Bibbja żammew l-​ismijiet t’allat pagani bħal Bagħal u Molok, bi frekwenza li dejjem tiżdied, huma qed ineħħu l-​isem persunali tal-​veru Alla mit-​traduzzjonijiet tal-​Kelma mnebbħa tiegħu. (Eżodu 3:15; Ġeremija 32:35) F’siltiet bħalma huma Mattew 6:9 u Ġwann 17:6, 26, il-​verżjoni Albaniża li ġiet iddistribwita sew tittraduċi l-​espressjoni Griega għal “isem taʼ int” (jiġifieri, l-​isem t’Alla) sempliċement bħala “int,” bħal li kieku dawk it-​testi ma semmew ebda isem. F’Salm 83:18, The New English Bible u Today’s English Version jeliminaw kemm l-​isem persunali t’Alla u kemm kwalunkwe referenza għal fatt li Alla għandu isem. Għalkemm l-​isem divin deher fi traduzzjonijiet iktar antiki taʼ l-​Iskrittura Ebrajka fil-​biċċa l-​kbira tal-​lingwi, traduzzjonijiet iktar riċenti spiss jeliminawh jew isemmuh biss f’xi nota marġinali. Dan huwa l-​każ fil-​Malti, kif ukoll f’ħafna lingwi oħrajn taʼ l-​Ewropa, l-​Afrika, l-​Amerka t’Isfel, l-​Indja, u l-​gżejjer tal-​Paċifiku.

7. (a) It-​tradutturi taʼ xi Bibbji Afrikani kif qed jittrattaw maʼ l-​isem divin? (b) Kif tħossok dwar dan?

7 Tradutturi tal-​Bibbja li jittraduċu għal xi lingwi Afrikani qed jagħmlu iktar minn hekk. Minflok ma sempliċement ibiddlu l-​isem divin maʼ titlu Skritturali, bħal per eżempju Alla jew Mulej, huma qed idaħħlu ismijiet meħudin minn twemmin reliġjuż lokali. F’The New Testament and Psalms in Zulu (verżjoni taʼ l-​1986), it-​titlu Alla (uNkulunkulu) beda jintuża flimkien maʼ isem persunali (uMvelinqangi) li z-​Zulu jifhmu li qed jirreferi għal ‘l-​antenat il-​kbir li hu meqjum permezz t’antenati umani.’ Artiklu fir-​rivista The Bible Translator, t’Ottubru 1992, irrapporta li fil-​preparazzjoni tal-​Bibbja Ċiċewa li kellha tissejjaħ Buku Loyera, xi tradutturi kienu qed jużaw Chauta bħala isem persunali li kellu jieħu post Jehovah. Chauta, jispjega l-​artiklu, hu “dak Alla li huma dejjem kienu jafu u jqimu.” Madankollu, ħafna minn dawn in-​nies iqimu wkoll lil dawk li huma jemmnu li huma l-​ispirti tal-​mejtin. Huwa veru li jekk in-​nies joffru talb lil xi “Esseri Suprem,” imbagħad kwalunkwe isem li jużaw għal dan l-​“Esseri Suprem” huwa ekwivalenti validu għall-​isem persunali taʼ Jehovah, minkejja xi affarijiet oħrajn li l-​qima tagħhom tistaʼ tinvolvi? Ċertament li le! (Isaija 42:8; 1 Korintin 10:20) Li jbiddlu l-​isem persunali t’Alla maʼ xi ħaġa li ġġiegħel lin-​nies iħossu li t-​twemmin tradizzjonali tagħhom huwa attwalment veru, ma jgħinhomx biex jersqu eqreb lejn il-​veru Alla.

8. L-​iskop t’Alla li jġiegħel li ismu jkun magħruf għala ma nġiebx fix-​xejn?

8 Dan kollu la biddel u lanqas ġab fix-​xejn l-​iskop taʼ Jehovah li jġiegħel li ismu jkun magħruf. Fil-​lingwi taʼ l-​Ewropa, l-​Afrika, l-​Amerka, l-​Orjent, u l-​gżejjer tal-​baħar, għad hemm jiċċirkolaw ħafna Bibbji li jinkludu l-​isem divin. Hemm ukoll iktar minn 5,400,000 Xhud taʼ Jehovah f’233 pajjiż u territorju li kollettivament jiddedikaw iktar minn biljun siegħa fis-​sena f’li jgħidu lil oħrajn dwar l-​isem u l-​iskop taʼ dak Alla veru. Huma jistampaw u jqassmu Bibbji​—dawk li jużaw l-​isem divin—​f’lingwi mitkellma minn xi 3,600,000,000 mill-​popolazzjoni tad-​dinja, inkluż l-​Ingliż, iċ-​Ċiniż, ir-​Russu, l-​Ispanjol, il-​Portugiż, il-​Franċiż, u l-​Olandiż. Jistampaw ukoll għajnuniet għal studji tal-​Bibbja f’lingwi li huma magħrufin mill-​maġġuranza kbira tal-​popolazzjoni tad-​dinja. Dalwaqt Alla nnifsu se jieħu azzjoni b’tali mod li se jwettaq deċiżivament id-​dikjarazzjoni tiegħu li l-​ġnus ‘ikunu jafu li hu l-​Mulej [“Jehovah,” NW].’—Eżekjel 38:23.

Meta Twemmin Persunali Jsawwar It-​Traduzzjoni

9. Il-​Bibbja kif tindika r-​responsabbiltà serja li taqaʼ fuq dawk li jimmaniġġaw il-​Kelma t’Alla?

9 Responsabbiltà serja taqaʼ kemm fuq dawk li jittraduċu l-​Kelma t’Alla kif ukoll fuq dawk li jgħallmuha. L-​appostlu Pawlu qal rigward il-​ministeru tiegħu u dak taʼ sħabu: “[I]nwarrbu kull ħabi u għajb; u la nimxu bil-​qerq u lanqas ngħawwġu l-​kelma taʼ Alla, iżda nuru l-​verità kollha u nħallu l-​kuxjenza taʼ kull bniedem tiġġudikana hi quddiem Alla.” (2 Korintin 4:2) Li wieħed jgħawweġ ifisser li jħassar billi jħallat xi ħaġa barranija jew inferjuri. L-​appostlu Pawlu ma kienx bħar-​rgħajja żleali taʼ Iżrael taʼ żmien Ġeremija li ġew imċanfrin minn Jehovah għaliex ippridkaw l-​ideat tagħhom stess minflok dak li kien qal Alla. (Ġeremija 23:16, 22) Imma x’ġara fi żmienna?

10. (a) Motivi oħrajn minbarra l-​lealtà lejn Alla kif influwenzaw lil xi tradutturi fi żmienna? (b) Liema rwol kienu qegħdin jassumu b’mod mhux xieraq?

10 Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, kumitat taʼ teologi u qassisin ikkoperaw mal-​gvern Nazista fil-​Ġermanja biex jipproduċu kopja riveduta tat-​“Testment il-​Ġdid” li eliminat ir-​referenzi kollha li kienu jiffavorixxu lil-​Lhud u l-​indikazzjonijiet kollha taʼ l-​arblu tar-​razza taʼ Ġesù Kristu. Iktar riċenti, xi tradutturi li pproduċew The New Testament and Psalms: An Inclusive Version xaqilbu lejn direzzjoni differenti, billi għamlu ħilithom biex jeħilsu mill-​indikazzjonijiet kollha li l-​Lhud kienu responsabbli f’konnessjoni mal-​mewt taʼ Kristu. Dawk it-​tradutturi ħassew ukoll li l-​qarrejja femministi kienu se jkunu iktar kuntenti jekk Alla jiġi rreferut, mhux bħala l-​Missier, imma bħala Missier-Omm u jekk Ġesù jintqal li hu, mhux l-​Iben t’Alla, imma l-​Wild tiegħu. (Mattew 11:27) Waqt li kienu fiż-​żifna, neħħew il-​prinċipju tas-​sottomissjoni tan-​nisa lejn żwieġhom u l-​ubbidjenza tat-​tfal lejn il-​ġenituri. (Kolossin 3:18, 20) Il-​produtturi taʼ dawn it-​traduzzjonijiet b’mod ċar ma kellhomx l-​istess determinazzjoni li kellu Pawlu biex ma ‘jgħawwiġx il-​kelma t’Alla.’ Kienu qed jinsew l-​irwol taʼ traduttur, billi li ħadu l-​pożizzjoni t’awtur, u pproduċew kotba li ħadu vantaġġ mir-​reputazzjoni tal-​Bibbja bħala mezz biex jippromwovu l-​opinjonijiet tagħhom stess.

11. It-​tagħlim tal-​Kristjaneżmu kif huwa f’konflitt maʼ dak li tgħid il-​Bibbja dwar ir-​ruħ u l-​mewt?

11 Il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu ġeneralment jgħallmu li r-​ruħ umana hija spirtu, li titlaq mill-​ġisem mal-​mewt, u li hija immortali. B’kuntrast, traduzzjonijiet iktar antiki tal-​Bibbja fil-​biċċa l-​kbira tal-​lingwi jistqarru ċar u tond li l-​bnedmin huma erwieħ, li l-​annimali huma erwieħ, u li r-​ruħ tmut. (Ġenesi 12:5; 36:6; Numri 31:28; Ġakbu 5:20) Dan kien imbarazzanti għall-​kleru.

12. Xi verżjonijiet riċenti b’liema mod joskuraw veritajiet bażiċi tal-​Bibbja?

12 Issa xi verżjonijiet iktar riċenti joskuraw dawn il-​veritajiet. Kif? Billi sempliċement jevitaw traduzzjoni diretta tan-​nom Ebrajk neʹfex (ruħ) f’ċerti testi. F’Ġenesi 2:7, għandhom mnejn jgħidu li l-​ewwel raġel “beda jgħix” (minflok “sar ruħ ħajja,” Karm Żammit). Jew għandhom mnejn jirreferu għal “ħlieqa” minflok “ruħ” fil-​każ taʼ l-​annimali. (Ġenesi 1:21, KŻ) F’testi bħal Eżekjel 18:4, 20, dawn jirreferu għal “kulħadd” jew “il-​bniedem” (minflok “ir-​ruħ”) bħala li jmutu. Traduzzjonijiet bħal dawn huma, forsi, ġustifikabbli għat-​traduttur. Imma kemm se jgħinu lil dak il-​wieħed sinċier li qiegħed ifittex il-​verità u li l-​mod taʼ ħsieb tiegħu diġà ġie kkundizzjonat mit-​tagħlim mhux Skritturali tal-​Kristjaneżmu?b

13. Xi verżjonijiet tal-​Bibbja b’liema mezzi ħbew l-​iskop t’Alla rigward l-​art?

13 Fi sforz biex jappoġġjaw it-​twemmin tagħhom li n-​nies tajbin kollha jmorru fis-​sema, xi tradutturi​—jew teologi li jirrevedu x-​xogħol tagħhom—​għandhom mnejn ukoll jipprovaw jaħbu dak li l-​Bibbja tgħid dwar l-​iskop t’Alla għall-​art. F’Salm 37:11, numru taʼ verżjonijiet jgħidu li l-​umlin se jippossiedu “l-​art.” “Art” hija traduzzjoni possibbli tal-​kelma (ʼeʹrez) użata fit-​test Ebrajk. Madankollu, Today’s English Version (li pprovdiet il-​bażi għal traduzzjonijiet f’ħafna lingwi oħrajn) tagħmel iktar bidliet drastiċi. Għalkemm din il-​verżjoni tittraduċi l-​kelma Griega ge bħala “art” 17-il darba fil-​Vanġelu taʼ Mattew, f’Mattew 5:5 flok “art” din tagħti l-​frażi “dak li Alla wiegħed.” Il-​membri tal-​knisja naturalment jassoċjaw dan mas-​sema. M’humiex qegħdin jiġu informati onestament li, fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù Kristu qal li dawk taʼ qalbhom ħelwa, il-​ġwejdin, jew l-​umlin se “jkollhom b’wirthom l-​art.”

14. Liema motivazzjoni egoista hija evidenti f’ċerti verżjonijiet tal-​Bibbja?

14 Xi traduzzjonijiet taʼ l-​Iskrittura jużaw kliem ovvju bl-​intenzjoni li jgħinu lill-​predikaturi jaqilgħu salarju tajjeb. Huwa minnu li l-​Bibbja tistqarr: “Il-​ħaddiem ħaqqu ħlasu.” (1 Timotju 5:18) Imma fl-​1 Timotju 5:​17, fejn jgħid li l-​irġiel ixjeħ li jippresiedu b’mod mill-​aħjar ikun “jistħoqqilhom ġieħ għal darbtejn,” l-​uniku ġieħ li xi wħud minnhom iqisuh importanti li jsemmu huwa monetarju. (Qabbel 1 Pietru 5:2.) B’hekk, The New English Bible tgħid li dawn l-​irġiel ixjeħ għandhom jitqiesu bħala li “jixirqilhom stipendju doppju,” u l-​Contemporary English Version tgħid li dawn “jixirqilhom jitħallsu d-​doppju.”

Appoġġja Lealment Il-​Kelma T’Alla

15. Kif nistgħu niddeterminaw liema traduzzjonijiet tal-​Bibbja għandna nużaw?

15 Dan kollu x’ifisser għall-​qarrej individwali tal-​Bibbja u għal dawk li jużaw il-​Bibbja biex jgħallmu lil oħrajn? Fil-​biċċa l-​kbira tal-​lingwi wżati ħafna, hemm iktar minn traduzzjoni waħda tal-​Bibbja minfejn wieħed jagħżel. Uri d-​dehen fl-​għażla tal-​Bibbja li tuża. (Proverbji 19:8) Jekk xi traduzzjoni m’hijiex onesta dwar l-​identità t’Alla nnifsu​—billi tneħħi ismu mill-​Kelma mnebbħa tiegħu għal kull ħaġa taʼ xejn—​jistaʼ jkun li t-​tradutturi bagħbsu wkoll maʼ partijiet oħrajn tat-​test tal-​Bibbja? Meta jkollok xi dubju dwar il-​validità taʼ xi traduzzjoni, għamel ħiltek biex tqabbilha maʼ xi traduzzjonijiet iktar antiki. Jekk int għalliem tal-​Kelma t’Alla, ippreferi verżjonijiet li jżommu qrib maʼ dak li hemm fit-​test oriġinali Ebrajk u Grieg.

16. Individwalment kif nistgħu nuru lealtà fl-​użu tagħna tal-​Kelma mnebbħa t’Alla?

16 Ilkoll kemm aħna għandna individwalment inkunu leali lejn il-​Kelma t’Alla. Dan nagħmluh billi jkun jimpurtana biżżejjed f’dak li fiha sabiex, jekk jistaʼ jkun, inqattgħu ftit ħin kuljum naqraw il-​Bibbja. (Salm 1:1-3) Dan nagħmluh billi napplikaw bis-​sħiħ dak li tgħid f’ħajjitna stess, billi nitgħallmu nużaw il-​prinċipji u l-​eżempji tagħha bħala l-​bażi biex nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin. (Rumani 12:2; Lhud 5:14) Nuru li aħna difensuri tal-​Kelma t’Alla billi nxandruha b’mod żeluż lil oħrajn. Dan nagħmluh ukoll bħala għalliema billi nużaw il-​Bibbja bir-​reqqa, u qatt ma ngħawġuha jew inġebbdu dak li tgħid biex jaqbel maʼ l-​ideat tagħna. (2 Timotju 2:15) Dak li Alla bassar se jitwettaq bla ebda dubju taʼ xejn. Hu leali f’li jwettaq il-​Kelma tiegħu. Jalla aħna nkunu leali f’li nappoġġjawha. (w97 10/1)

[Noti taʼ taħt]

a Fl-1997 il-​United Bible Societies għamlu lista taʼ 2,167 lingwa u djalett li fihom ġiet ippubblikata l-​Bibbja, kollha kemm hi jew parti minnha. Din il-​figura tinkludi ħafna djaletti taʼ xi lingwi.

b Din id-​diskussjoni tiffoka fuq lingwi li għandhom il-​kapaċità li jiċċaraw il-​kwistjoni imma li fiha t-​tradutturi jagħżlu li ma jagħmluhx dan. F’ċerti lingwi il-​vokabularju disponibbli jillimita ħafna dak li t-​tradutturi jistgħu jagħmlu. Għalliema reliġjużi onesti, allura, se jispjegaw li avolja t-​traduttur ikun uża varjetà taʼ termini jew saħansitra jekk uża terminu li għandu effetti sekondarji mhux skritturali, it-​terminu neʹfex, fil-​lingwa oriġinali, huwa applikat kemm għall-​bnedmin u kemm għall-​annimali u jirrappreżenta xi ħaġa li tieħu n-​nifs, tiekol u li tistaʼ tmut.

Tiftakar?

◻ Liema motivi influwenzaw ix-​xogħol tat-​tradutturi tal-​Bibbja fi żmienna?

◻ Tendenzi moderni taʼ traduzzjoni għala ma ġabux fix-​xejn l-​iskop t’Alla rigward l-​isem tiegħu stess?

◻ Xi traduzzjonijiet kif joskuraw veritajiet tal-​Bibbja dwar ir-​ruħ, il-​mewt, u l-​art?

◻ B’liema modi nistgħu nuru li qegħdin nappoġġjaw lealment il-​Kelma t’Alla?

[Stampa f’paġna 27]

Liema traduzzjoni tal-​Bibbja għandek tuża?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja