Mattew
5 Meta ra l-folol telaʼ fuq il-muntanja; u wara li qagħad bil-qiegħda d-dixxipli tiegħu resqu lejh; 2 u fetaħ fommu u beda jgħallimhom u jgħid:
3 “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom,+ għax tagħhom+ hi s-saltna tas-smewwiet.
4 “Henjin l-imnikktin, għax għad jitfarrġu.+
5 “Henjin il-ġwejdin,+ għax għad jirtu l-art.+
6 “Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx+ għas-sewwa, għax għad jimtlew.+
7 “Henjin dawk li jħennu,+ għax għad jintwerew ħniena.
8 “Henjin dawk taʼ qalbhom safja,+ għax għad jaraw lil Alla.+
9 “Henjin dawk li jġibu l-paċi,+ għax għad jissejħu ‘wlied+ Alla.’
10 “Henjin dawk li ġew persegwitati+ minħabba s-sewwa, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.
11 “Henjin intom meta n-nies iżebilħukom+ u jippersegwitawkom+ u bil-gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija. 12 Thennew u aqbżu bil-ferħ,+ għax il-premju tagħkom+ hu kbir fis-smewwiet; għax hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti+ li ġew qabilkom.
13 “Intom il-melħ+ taʼ l-art; imma jekk il-melħ jitlef it-togħma tiegħu, kif se jerġaʼ jieħu l-imluħa tiegħu? Ma jibqaʼ tajjeb għal xejn ħlief biex jintrema barra+ u jintrifes min-nies.
14 “Intom id-dawl tad-dinja.+ Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. 15 In-nies ma jixegħlux musbieħ biex iqegħduh taħt xi qoffa,+ imma fuq il-gandlier biex jiddi fuq dawk kollha fid-dar. 16 Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom+ quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajbin tagħkom+ u jagħtu glorja+ lil Missierkom li hu fis-smewwiet.
17 “Taħsbux li ġejt biex neqred il-Liġi+ jew il-Profeti. Ma ġejtx biex neqred imma biex inwettaq;+ 18 għax tassew ngħidilkom li iktar jgħaddu+ malajr is-sema u l-art milli b’xi mod titneħħa mil-Liġi l-iċken ittra jew tikka minn ittra u ma jseħħx+ kollox. 19 Għalhekk, kulmin jikser+ wieħed minn dawn l-iżgħar kmandamenti u lill-bnedmin jgħallimhom hekk, se jissejjaħ ‘l-iżgħar’ fejn għandha x’taqsam is-saltna tas-smewwiet.+ Iżda kulmin jagħmilhom u jgħallimhom+ se jissejjaħ ‘kbir’+ fejn għandha x’taqsam is-saltna tas-smewwiet. 20 Għax ngħidilkom li jekk is-sewwa tagħkom ma joktorx iktar minn dak taʼ l-iskribi u l-Fariżej,+ bl-ebda mod ma tidħlu+ fis-saltna tas-smewwiet.
21 “Smajtu li lil dawk taʼ żmien il-qedem intqalilhom, ‘Toqtolx;+ imma kulmin joqtol+ irid jagħti kont lill-qorti tal-ġustizzja.’+ 22 Madankollu, jien ngħidilkom li kulmin jibqaʼ mgħaddab+ għal ħuh irid jagħti kont+ lill-qorti tal-ġustizzja; imma kulmin jgħid lil ħuh xi kelma taʼ disprezz li m’għandhiex tingħad irid jagħti kont lill-Qorti Suprema; filwaqt li kulmin jgħidlu, ‘Iblah li ma tiswa għal xejn!’ se jkun qed jissogra li jieħu l-kastig tan-nar taʼ Geħenna.*+
23 “Allura, jekk waqt li tkun qed iġġib l-għotja tiegħek lejn l-artal+ tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik,+ 24 itlaq l-għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-artal, u mur l-ewwel agħmel paċi maʼ ħuk,+ u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-għotja tiegħek.+
25 “Irranġa malajr maʼ min jiftaħ kawża kontrik fil-qorti, waqt li tkunu għadkom sejrin hemmhekk, li ma jmurx dan+ jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn il-marixxall, u tiġi mitfugħ il-ħabs. 26 Tassew ngħidlek li żgur ma toħroġx minn hemmhekk qabel ma tkun ħallast sa l-inqas ħabba.+
27 “Smajtu li ntqal, ‘Tagħmilx adulterju.’+ 28 Imma jien ngħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara+ biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju+ magħha f’qalbu.+ 29 Issa, jekk għajnek il-leminija qed tfixklek, aqlagħha u armiha ’l bogħod minnek,+ għax ikun aħjar għalik li titlef wieħed mill-membri taʼ ġismek milli ġismek kollu jintefaʼ+ f’Geħenna. 30 Ukoll, jekk idek il-leminija qed tfixklek, aqtagħha u armiha ’l bogħod minnek,+ għax ikun aħjar għalik li titlef wieħed mill-membri taʼ ġismek milli ġismek kollu jispiċċa f’Geħenna.
31 “Iktar minn hekk intqal, ‘Kulmin jiddivorzja+ lil martu, ħa jagħtiha ċertifikat tad-divorzju.’+ 32 Madankollu, jien ngħidilkom li kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-żína,+ iqegħedha fil-periklu li tagħmel adulterju,+ u kulmin jiżżewweġ mara li ġiet divorzjata b’dan il-mod jagħmel adulterju.+
33 “Jerġaʼ smajtu li lil dawk taʼ żmien il-qedem intqalilhom, ‘Tiksirx il-ħalfa+ li tagħmel, imma wettaq il-wegħdi li tagħmel lil Ġeħova.’+ 34 Madankollu, jien ngħidilkom: Taħilfu+ b’xejn, la bis-sema, għax hu t-tron t’Alla,+ 35 la bl-art, għax hi l-banketta+ għal saqajh, u lanqas b’Ġerusalemm, għax hi l-belt+ tas-Sultan il-kbir. 36 Lanqas b’rasek ma trid taħlef, għax int anqas biss xagħra waħda ma tistaʼ tagħmilha bajda jew sewda. 37 Iżda l-kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-Le, Le;+ għax dak li hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin.+
38 “Smajtu li ntqal, ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna.’+ 39 Madankollu, jien ngħidilkom: Tirreżistux lil min hu mill-agħar; imma kulmin jagħtik daqqa taʼ ħarta fuq ħaddek tal-lemin,+ dawwarlu l-ieħor ukoll. 40 U jekk xi ħadd ikun irid itellgħek il-qorti biex jiħodlok il-libsa, agħtih+ ukoll il-mantar; 41 u jekk xi ħadd fl-awtorità jġiegħlek timxi miegħu kilometru,* mur miegħu tnejn.+ 42 Agħti lil min jitolbok, u twarrabx minn min irid jissellef mingħandek mingħajr imgħax.+
43 “Smajtu li ntqal, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek+ u obgħod lill-għadu tiegħek.’+ 44 Madankollu, jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom+ u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom;+ 45 sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-smewwiet,+ għax hu jtellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.+ 46 Għax jekk tħobbu lil min iħobbkom, xi premju għandkom?+ Mhux hekk ukoll jagħmlu l-kolletturi tat-taxxi? 47 U jekk issellmu lil ħutkom biss, x’qed tagħmlu speċjali? Mhux hekk ukoll jagħmlu n-nies tal-ġnus? 48 Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett+ Missierkom tas-sema.